IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Marzu 2023

 

Katekeżi. Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen. 9. Xhieda: 1. San Pawl

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja ta’ katekeżi fuq iż-żelu appostoliku, illum nibdew nagħtu ħarsa lejn xi figuri li, b’modi u fi żminijiet differenti, taw xhieda eżemplari ta’ x’inhi l-passjoni għall-Vanġelu. U l-ewwel xhud naturalment hu l-Appostlu Pawlu. Lilu nixtieq niddedika żewġ katekeżijiet.

 

L-istorja ta’ Pawlu ta’ Tarsu hi emblematika fejn jidħol dan l-argument. Fl-ewwel kapitlu tal-Ittra lill-Galatin, kif ukoll fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli, nistgħu naraw kif iż-żelu tiegħu għall-Vanġelu jidher wara l-konverżjoni tiegħu, u jieħu post iż-żelu li kellu qabel għall-Ġudaiżmu. Kien bniedem żelanti għal-liġi ta’ Mosè, għall-Ġudaiżmu, u wara l-konverżjoni dan iż-żelu tiegħu kompla, imma din id-dabra biex ixadar, biex jipprietka lil Ġesù Kristu. Pawlu kien innamrat ma’ Ġesù. Sawlu – l-ewwel isem ta’ Pawlu – kien diġà mħeġġeġ, imma Kristu jibdel il-ħeġġa tiegħu: mil-Liġi għall-Vanġelu. Il-ħerqa tiegħu qabel riedet teqred il-Knisja, u issa wara trid tibniha. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: x’ġara, x’ġara bejn meta ried jeqred u meta ried jibni? Xi nbidel f’Pawlu? F’liema sens iż-żelu tiegħu, il-ħeġġa tiegħu għall-glorja ta’ Alla ġiet mibdula?

 

San Tumas ta’ Aquino jgħallimna li l-passjoni, minn lenti morali, la hi tajba u anqas ħażina: l-użu virtuż tagħha jagħmilha moralment tajba, id-dnub jagħmilha ħażina.[1] Fil-każ ta’ Pawlu, dak li bidlu ma kinitx sempliċi idea jew konvinzjoni: kienet il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt – tinsewhx dan, dak li jibdel il-ħajja hi l-laqgħa mal-Mulej – għal Sawl kienet din il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt li bidlet dak kollu li kien. L-umanità ta’ Pawlu, il-passjoni tiegħu għal Alla u l-glorja tiegħu ma jiġux fix-xejn, imma jinbidlu, b’“konverżjoni” mill-Ispirtu s-Santu. L-uniku wieħed li jista’ jibdel il-qlub tagħna hu l-Ispirtu s-Santu. Huwa hekk f’kull aspett ta’ ħajtu. L-istess kif jiġri fl-Ewkaristija: il-ħobż u l-inbid ma jgħibux, imma jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Iż-żelu ta’ Pawlu jibqa’ hemm, imma jsir iż-żelu għal Kristu. Jinbidel is-sens, imma ż-żelu hu l-istess wieħed. Lill-Mulej naqduh bl-umanità tagħna, bil-prerogattivi tagħna u bil-karatteristiċi tagħna, imma dak li jibdel kollox mhijiex idea imma l-istess ħajja, kif jgħid Pawlu nnifsu: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5:17). Il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu tibdlek minn ġew, tagħmel minnek persuna ġdida. Jekk wieħed hu fi Kristu, hu ħlejqa ġdida, dan hu li jfisser issir ħolqien ġdid. Li ssir Nisrani mhix xi rtokk li jibdillek id-dehra ta’ wiċċek, le! Jekk int Nisrani, jibdillek qalbek, imma jekk int Nisrani tad-dehra, dan mhux sew… Insara tal-irtokk ma għandniex x’nambuhom. Il-bidla vera hi dik tal-qalb. U dan hu li ġralu Pawlu.

 

Il-passjoni għall-Vanġelu mhijiex kwistjoni li wieħed jifhem xi ħaġa jew jistudja, li huma utli wkoll imma mhux huma jġibuha; pjuttost tfisser li nagħmlu dik l-istess esperjenza ta’ “waqgħa u qawmien” li Sawlu/Pawlu għex u li hi fl-għeruq tat-trasfigurazzjoni tal-ħeġġa appostolika tiegħu. Int tista’ tistudja kemm trid teoloġija, tista’ tistudja kemm trid Bibbja u l-bqija, u ssir ateu u mondan, għax din mhix kwistjoni ta’ studji; fl-istorja kien hemm ħafna teologi atei! L-istudju jgħin, imma mhuwiex dan li jġib il-ħajja ġdida tal-grazzja. Fil-fatt, kif jgħid Sant’Injazju ta’ Loyola: “Mhux il-ħafna tagħrif li jimla u jaħji r-ruħ, imma li l-affarijiet tħosshom u tiggustahom f’qalbek”.[2] Qed nitkellmu fuq il-ħwejjeġ li jibdluk minn ġewwa, li juruk ħaġa oħra, jgħinuk tiggosta ħaġa oħra. Kull wieħed u waħda minna jaħseb: “Jiena reliġjuż?” – “Tajjeb” – “Jiena nitlob?” – “Iva” – “Jiena nipprova nosserva l-Kmandamenti?” – “Iva” – “Imma fejn hu Ġesù f’ħajtek?” – “Aħ, le, jiena nagħmel dak li tgħidli l-Knisja”. Imma fejn hu Ġesù f’dan kollu? Iltqajt ma’ Ġesù, tkellimt ma’ Ġesù? Int taqbad il-Vanġelu jew titkellem ma’ Ġesù, tiftakar min hu Ġesù? U din hija ħaġa li ħafna drabi aħna neqsin minnha, Kristjaneżmu mhux ħa ngħid mingħajr Ġesù, imma b’Ġesù astratt… Meta jidħol Ġesù fil-ħajja tiegħek, kif daħal fil-ħajja ta’ Pawlu, Ġesù jidħol u jibdel kollox. Kemm drabi smajna min jgħid fuq oħrajn: “Imma ara dak, li ma kontx tiġbru u issa hu raġel tajjeb, mara tajba… Kif inbidel hekk?”. Ġesù, sab lil Ġesù. Il-ħajja Nisranija tiegħek inbidlet? “Le, ftit jew wisq, iva…”. Jekk ma daħalx Ġesù fil-ħajja tiegħek, ma nbidlitx. Tista’ tkun Nisrani minn barra biss. Le, irid jidħol Ġesù u hu jibdlek, u hekk ġralu Pawlu. Trid issib lil Ġesù, u għalhekk Pawlu qal li l-imħabba ta’ Kristu ssuqna, din hi li tmexxik. L-istess bidla għaddew minnha l-qaddisin kollha, li meta sabu lil Ġesù mxew ’il quddiem.

 

Nistgħu nagħmlu riflessjoni oħra fuq il-bidla li għadda minnha Pawlu, li minn persekutur sar appostlu ta’ Kristu. Ninnutaw li fih jidher speċi ta’ paradoss: fil-fatt, sakemm hu kien iqis lilu nnifsu ġust quddiem Alla, allura kien iħossu awtorizzat jippersegwita, jarresta, anki joqtol, bħal fil-każ ta’ Stiefnu; imma meta, imdawwal minn Kristu Rxoxt, skopra li kien “dagħaj u żeblieħi” (ara 1 Tim 1:13), – hekk jgħid fuqu nnifsu: “qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi” – allura jibda jsir tassew kapaċi jħobb. U din hija t-triq. Jekk wieħed minna jgħid: “Aħ, grazzi, Mulej, għax jien persuna tajba, nagħmel it-tajjeb, ma nagħmilx dnubiet ħoxnin…”: din mhijiex triq tajba, din hi triq l-awtosuffiċjenza, hija triq li ma tiġġustifikakx, tagħmlek Kattoliku eleganti, imma Kattoliku eleganti mhuwiex Kattoliku qaddis, hu eleganti. Il-veru Kattoliku, il-veru Nisrani hu dak li jilqa’ lil Ġesù ġewwa fih, li jibdillu qalbu. Din hija l-mistoqsija li nagħmel lilkom ilkoll illum: xi jfisser Ġesù għalija? Ħallejtu jidħol fil-qalb jew inżommu biss qrib tiegħi imma ma rridux jidħol wisq ġewwa? Ħallejtu jibdilni? Jew Ġesù hu biss idea, teoloġija li għaddejja… U dan huwa ż-żelu, meta wieħed isib lil Ġesù jħoss in-nar fih u bħal Pawlu jkun irid jipprietka lil Ġesù, irid jitkellem fuq Ġesù, irid jgħin lin-nies, irid jagħmel ħwejjeġ tajba. Meta wieħed isib l-idea ta’ Ġesù, jibqa’ ideologu tal-Kristjaneżmu u dan mhux ħa jsalvah, għax Ġesù biss isalavana, jekk int iltqajt miegħu u ftaħtlu l-bieb ta’ qalbek. L-idea ta’ Ġesù mhux ħa ssalvak! Ħa jgħinna l-Mulej insibu lil Ġesù, niltaqgħu ma’ Ġesù, biex dan Ġesù minn ġewwa jibdlilna ħajjitna u jgħinna ngħinu lill-oħrajn.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

[1] Ara Quæstio “De veritate” 24, 7.

[2] Eżerċizzi spiritwali, Annotazzjonijiet, 2, 4.