IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 1. Introduzzjoni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nibdew serje ta’ katekeżijiet fuq il-Beatitudnijiet fil-Vanġelu ta’ Mattew (5:1-11). Dan it-test jiftaħ id-“Diskors tal-Muntanja” u dawwal il-ħajja ta’ kull min jemmen u anki ta’ ħafna li ma jemmnux. Diffiċli li ma jmissulniex qalbna dawn il-kelmiet ta’ Ġesù, u hija f’lokha x-xewqa tagħna li nifhmuhom u nilqgħuhom dejjem iżjed b’mod sħiħ. Il-Beatitudnijiet fihom il-“karta tal-identità” tan-Nisrani – din hija l-karta tal-identità tagħna –, għax juruna l-wiċċ ta’ Ġesù nnifsu, l-istil ta’ ħajtu.

 

Issa ejjew inqiegħdu fi kwadru iktar wiesa’ dawn il-kelmiet ta’ Ġesù; fil-katekeżijiet li ġejjin se nikkummentaw kull Beatitudni, waħda waħda.

 

Qabelxejn importanti kif seħħet il-proklamazzjoni ta’ dan il-messaġġ: Ġesù, meta lemaħ il-folol mexjin warajh, tela’ fuq il-ġenb ħelu ta’ muntanja madwar l-Għadira tal-Galilija, qagħad bilqiegħda, dar fuq id-dixxipli tiegħu, u beda jħabbar il-Beatitudnijiet. Għalhekk il-messaġġ huwa indirizzat lid-dixxipli, imma fuq ix-xefaq hemm il-folol, jiġifieri l-bnedmin kollha. Huwa messaġġ għall-umanità kollha.

 

Barra minn hekk, il-“muntanja” tfakkarna fis-Sinaj, fejn Alla ta l-Kmandamenti lil Mosè. Ġesù beda jgħallem liġi ġdida: li nkunu foqra, inkunu ta’ qalb ħelwa, inkunu ħanina… Dawn il-“kmandamenti ġodda” huma ħafna iżjed minn normi. Fil-fatt, Ġesù ma jimponi xejn, imma jikxef it-triq tal-ferħ – it-triq tiegħu – billi jirrepeti għal tmien darbiet il-kelma “henjin”.

 

Kull Beatitudni hi magħmula minn tliet partijiet. L-ewwel hemm dejjem il-kelma “henjin”; imbagħad tiġi l-qagħda li fiha jinsabu l-henjin: il-faqar tal-ispirtu, it-tiġrib, il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, u l-bqija kollha; fl-aħħar hemm ir-raġuni tal-beatitudni, li ddaħħalna għaliha l-konġunzjoni “għax”: “Henjin dawn għax, henjin dawk għax…”. Hekk huma magħmulin it-tmien Beatitudnijiet u tkun ħaġa sabiħa jekk nitgħallmuhom bl-amment biex nistgħu nirrepetuhom, biex ikollna sewwasew f’moħħna u f’qalbna din il-liġi li tana Ġesù.

 

Niftħu għajnejna għal dan il-fatt: ir-raġuni tal-beatitudni mhijiex il-qagħda ta’ issa imma l-qagħda ġdida li l-henjin jirċievu bħala don minn Alla: “għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”, “għax huma jkunu mfarrġa”, “għax huma jkollhom b’wirthom l-art”, u l-bqija.

 

Fit-tielet element, li huwa appuntu r-raġuni tal-hena, Ġesù spiss jinqeda b’futur passiv: “ikunu mfarrġa”, “ikollhom b’wirthom l-art”, “ikunu mxebbgħin”, “isibu ħniena”, “jissejħu wlied Alla”.

 

Imma xi tfisser il-kelma “hieni”? Għaliex kull waħda mit-tmien Beatitudnijiet tibda bil-kelma “hieni”? It-terminu oriġinali ma jindikax xi ħadd li għandu żaqqu mimlija jew li jgħaddiha tajjeb, imma persuna li tinsab f’qagħda ta’ grazzja, li timxi ’l quddiem fil-grazzja ta’ Alla u li timxi ’l quddiem fit-triq ta’ Alla: is-sabar, il-faqar, il-qadi tal-oħrajn, il-faraġ… Dawk li jimxu ’l quddiem f’dawn il-ħwejjeġ huma kuntenti u jkunu hienja.

 

Biex jingħata għalina, Alla jagħżel toroq li ma jgħaddulniex minn moħħna, forsi wkoll dawk tal-limiti tagħna, tad-dmugħ tagħna, tat-telfiet tagħna. Dan huwa l-ferħ tal-Għid li dwaru jitkellmu ħutna tal-Lvant, dak li għandu l-pjagi imma hu ħaj, għadda mill-mewt u daq il-qawwa ta’ Alla. Il-Beatitudnijiet iwassluk għal dan il-ferħ, dejjem; huma t-triq biex tilħaq il-ferħ. Jagħmlilna tajjeb illum li naqbdu f’idejna l-Vanġelu ta’ Mattew, il-ħames kapitlu, mill-ewwel sal-ħdax-il vers, u naqraw il-Beatitudnijiet – forsi iktar minn darba, matul il-ġimgħa – biex nifhmu din it-triq hekk sabiħa, hekk żgura tal-hena li l-Mulej qed jipproponilna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard