IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 28 ta’ Diċembru 2016

It-Tama Nisranija – 4. Abraham, missier fil-fidi u fit-tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, ifakkarna fil-figura kbira ta’ Abraham, biex jurina t-triq tal-fidi u tat-tama. Dwar l-Appostlu jikteb: “Meta ma kellu ebda tama, ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus” (Rum 4:18); “meta ma kellu ebda tama, ittama”. Dan il-kunċett hu qawwi: imqar meta ma hemmx tama, jien nittama. Dan hu missierna Abraham. San Pawl qed jirriferi għall-fidi li biha Abraham emmen kliem Alla li wegħdu li sa jkollu iben. Imma veru ried jafda u jittama “kontra kull tama”, tant kemm ma kienx probabbli dak li l-Mulej kien qed iħabbarlu, għax hu kien xiħ – kellu kważi mitt sena – u martu ma setax ikollha tfal. Ma rnexxilhiex ikollha! Imma dan qalu Alla, u hu emmen. Ma kienx hemm tama umana għax hu kien xiħ u martu ma setax ikollha tfal: u hu emmen.

 

Fiduċjuż f’din il-wegħda, Abraham jibda miexi, jaċċetta li jħalli artu u jsir barrani, jittama f’dan l-iben “impossibbli” li Alla kellu jagħtih minkejja li l-ġuf ta’ Sara issa kien mejjet. Abraham jemmen, il-fidi tiegħu tinfetaħ għal tama li minn barra tidher għalkollox bla raġuni; din hi l-ħila li wieħed imur lil hemm mir-raġunamenti umani, mill-għerf u mill-prudenza tad-dinja, lil hemm minn dak li normalment jinżamm bħala sens komun, biex jemmen f’dak li ma jistax ikun. It-tama tiftaħ ixfqa ġodda, tagħmilna kapaċi noħolmu dak li mank nifilħu nistħajlu. It-tama ddaħħalna fid-dalma ta’ futur inċert biex nimxu fid-dawl. Kemm hi sabiħa l-virtù tat-tama; timliena b’tant qawwa biex nimxu fil-ħajja!

 

Imma din hi mixja iebsa. U jiġi l-waqt, anki għal Abraham, li jaqa’ fil-kriżi tal-qtigħ il-qalb. Hu fada, telaq daru, artu, ħbiebu… Kollox. Telaq, wasal fil-pajjiż li Alla kien urieh, għadda ż-żmien. F’dak iż-żmien, li tagħmel vjaġġ bħal dan ma kienx bħal-lum, bl-ajruplani – fi ftit sigħat tasal –; ridt ix-xhur, is-snin! Għadda ż-żmien, imma l-iben baqa’ ma wasalx, il-ġuf ta’ Sara baqa’ magħluq fl-isterilità tiegħu.

 

U Abraham, ma ngħidx li tilef sabru, imma mar igerger mal-Mulej. Dan ukoll nitgħallmu minn missierna Abraham: li ngergru mal-Mulej hu mod kif nitolbu. Xi drabi jien u nqarar nisma’ min jgħidli: “Ħadtha mal-Mulej…”, u [jien inwieġbu]: “Tinkwetax! Gergirlu, għax hu missierek!”. U dan hu mod kif titlob: teħodha mal-Mulej, tagħmel sew. Abraham gerger mal-Mulej u qallu: “‘Sidi Mulej, […] se nibqa’ bla tfal, u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku’ [Eligħeżer kien dak li jeħodlu ħsieb kollox]. U Abram żied jgħid: ‘Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni’. U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: ‘Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek”. U ħarġu barra u qallu: ‘Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom’. U żied jgħidlu: ‘Hekk għad ikun nislek’. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja” (Ġen 15:2-6).

 

Din ix-xena sseħħ billejl, barra fid-dlam, imma anki fil-qalb ta’ Abraham hemm id-dlam tad-delużjoni, tal-qtigħ il-qalb, tad-diffikultà li jibqa’ jittama f’ħaġa impossibbli. Issa l-patrijarka hu mdaħħal wisq fiż-żmien, donnu m’għadx fadal iżjed żmien għal iben, u sa jkun qaddej li jidħol jiret kollox warajh.

 

Abraham idur fuq il-Mulej, imma Alla, anki jekk jinsab hemm preżenti u qed jitkellem miegħu, issa donnu bħal tbiegħed, bħallikieku ma żammx kelmtu. Abraham iħossu waħdu, hu xwejjaħ u għajjien, il-mewt iħossha tagħfas fuqu. Kif jista’ jibqa’ jafda?

 

U madankollu, diġà dan it-tgergir tiegħu hu għamla ta’ fidi, hu talba. Minkejja kollox, Abraham jibqa’ jemmen f’Alla u jittama li għad tista’ sseħħ xi ħaġa. Jekk mhux hekk, għaliex joqgħod iħabbat lill-Mulej, jeħodha miegħu, ifakkru fil-wegħdiet tiegħu? Il-fidi mhix biss is-silenzju li jaċċetta kollox bla ma jiftaħ ħalqu, it-tama mhix ċertezza li tneħħilek kull dubju u taħbil il-moħħ. Imma ħafna drabi, it-tama hi dalma; imma hemm tkun it-tama… qiegħda tmexxik ’il quddiem. Il-fidi tfisser ukoll li nissaraw ma’ Alla, nuruh bid-dwejjaq tagħna, mingħajr ma noqogħdu ninħbew wara ħafna “tjieba” żejda. “Irrabjajt ma’ Alla u għidtlu hekk, hekk u hekk…”. Imma hu missier, hu fehmek: mur fis-sliem! Irid ikollna l-kuraġġ! U din hi t-tama. U t-tama hi wkoll li ma nibżgħux naraw ir-realtà kif inhi u naċċettaw il-kuntrarju fil-ħajja.

 

Għalhekk Abraham, bil-fidi, idur fuq Alla biex dan jgħinu jibqa’ jittama. Kurjuża, ma jitolbux iben. Jitolbu: “Għinni nibqa’ nittama”, it-talba li jibqa’ jittama. U l-Mulej iwieġeb billi jkompli jinsisti bil-wegħda impossibbli tiegħu: mhux il-qaddej sa jkun li jirtu, imma sewwa sew iben, li jitwieled lil Abraham, nislu. Xejn ma nbidel min-naħa ta’ Alla. Hu jibqa’ jtenni dak li diġà kien qal qabel, u ma jġibx skużi lil Abraham, biex dan iħossu fiż-żgur. L-unika ċertezza hi li jafda fil-kelma tal-Mulej u jibqa’ jittama.

 

U dak is-sinjal li Alla jagħti lil Abraham hu sejħa biex jibqa’ jemmen u jittama: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb […] Hekk għad ikun nislek” (Ġen 15:5). Wegħda għadha, għadha xi ħaġa li tistenniha sseħħ fil-futur. Alla joħroġ lil Abraham barra mit-tinda, fir-realtà mill-viżjoni limitata tiegħu, u jurih il-kwiekeb. Biex temmen, hemm bżonn tagħraf tħares bl-għajnejn tal-fidi; huma sempliċi kwiekeb, li kulħadd jista’ jarahom, imma għal Abraham iridu jsiru s-sinjal tal-fedeltà ta’ Alla.

 

Din hija l-fidi, din il-mixja tat-tama li kull wieħed u waħda minna jrid iterraq. Jekk anki għalina tibqa’ bħala l-unika possibbiltà dik li nħarsu lejn il-kwiekeb, allura wasal iż-żmien li nafdaw f’Alla. M’hemmx ħaġa isbaħ. It-tama ma tqarraqx bina. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard