Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu lill-morda u persuni b’diżabbiltà fl-Awla Pawlu VI fil-bidu ta’ l-Udjenza Ġenerali

 

L-għodwa t-tajba lil kulħadd!  Intom qegħdin hawn il-lum mhux għax xħitniekom il-ħabs!, imma għax it-temp ikrah u kien qed iqattar!  Issa naħseb li waqaf imma għadu m’hux stabbli, għalhekk tkunu iżjed komdi u moħħkom mistrieħ jekk tistgħu ssegwu l-udjenza minn fuq l-iskrin il-kbir.  U jien se ngħid lil dawk li hemm fil-pjazza li intom tinsabu hawn u hekk insellmu lil xulxin u nkunu lkoll flimkien.  Nitlobkom titolbu għalija, u jien nitlob għalikom.

 

Tistgħu toffru lil Ġesù t-tbatija tal-mard tagħkom: il-mard ikrah, kollu; nistgħu noffruh lil Ġesù u nitolbuh il-grazzja, fin-niket u fl-uġigħ tagħna, li ma nitilfux it-tama.  It-tama li għad timliena bil-ferħ.

 

Issa nitolbu flimkien is-Sliema u nagħtikom il-barka tiegħi.  [Sliema għalik]

 

Nixteqilkom l-udjenza t-tajba minn hawn ġew u itolbu għalija!

 



KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-Udjenzi Ġenerali spiss ikun hawn persuni u gruppi minn reliġjonijiet oħra; imma l-lum din il-preżenza hi għal kollox partikulari, biex flimkien infakkru l-ħamsin anniversarju mid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra ætate fuq ir-relazzjonijiet tal-Knisja Kattolika mar-reliġjonijiet mhux Insara.  Din it-tema kienet ħafna għal qalb il-Beatu Papa Pawlu VI, li diġà fil-festa ta’ Għid il-Ħamsin tas-sena ta’ qabel tmiem il-Konċilju, kien waqqaf is-Segretarjat għal dawk li m’humiex Insara, il-lum il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż.  Għalhekk nesprimi l-gratitudni tiegħi u nagħti merħba minn qalbi lil persuni u gruppi ta’ reliġjonijiet differenti, li l-lum riedu jkunu hawn, speċjalment lil dawk li ġew mill-bogħod.

 

Il-Konċilju Vatikan II kien żmien straordinarju ta’ riflessjoni, djalogu u talb biex il-Knisja Kattolika setgħet iġġedded ħarsitha fuqha nfisha u fuq id-dinja.  Qari tas-sinjali taż-żminijiet fid-dawl ta’ aġġornament orjentat lejn fedeltà doppja: fedeltà għat-tradizzjoni ekkleżjali u fedeltà għall-istorja tal-bnedmin ta’ żmienna.  Fil-fatt Alla, li wera lilu nnifsu fil-ħolqien u fl-istorja, li tkellem permezz tal-profeti u b’mod sħiħ f’Ibnu magħmul bniedem (ara Lhud 1:1), idur fuq il-qalb u r-ruħ ta’ kull bniedem li qed ifittex il-verità u t-toroq biex jgħixha.

 

Il-messaġġ tad-Dikjarazzjoni Nostra ætate dejjem jibqa’ jgħodd għal żminijietna.  Ħa nfakkar fil-qosor f’xi punti:

- l-interdipendenza dejjem tikber bejn il-popli (ara nru 1);

- it-tiftix tal-bniedem għal sens tal-ħajja, tat-tbatija, tal-mewt, mistoqsijiet li dejjem jagħmlu parti mill-mixja tagħna (ara nru 1);

- l-għeruq komuni u d-destin komuni ta’ l-umanità (ara nru 1);

- l-uniċità tal-familja umana (ara nru 1);

- ir-reliġjonijiet bħala tiftixa ta’ Alla u ta’ l-Assolut, fi ħdan id-diversi razez u kulturi (ara nru 1);

- il-ħarsa twajba u attenta tal-Knisja lejn ir-reliġjonijiet: hi ma tirrifjuta xejn minn dak li fihom hu sabiħ u veru (ara nru 2);

- il-Knisja tħares bi stima lejn il-membri tar-reliġjonijiet kollha, u tapprezza l-impenn spiritwali u morali tagħhom (ara nru 3);

- il-Knisja, miftuħa għad-djalogu ma’ kulħadd, hi fl-istess waqt fidila lejn il-veritajiet li fihom hi temmen, ibda minn dik li s-salvazzjoni offruta lil kulħadd għandha l-bidu tagħha f’Ġesù, Feddej waħdieni, u li l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem, għajn ta’ paċi u mħabba.

 

Bosta huma l-ġrajjiet, l-inizjattivi, ir-relazzjonijiet istituzzjonali jew personali mar-reliġjonijiet mhux Insara f’dawn l-aħħar ħamsin sena, u diffiċli nfakkruhom kollha.  Ġrajja partikularment sinifikattiva kienet il-Laqgħa ta’ Assisi tas-27 ta’ Ottubru 1986.  Din riedha u ppromovieha San Ġwanni Pawlu II, li sena qabel, jiġifieri tletin sena ilu, huwa u jkellem lil żgħażagħ Musulmani f’Casablana, awgura li dawk kollha li jemmnu f’Alla jfittxu l-ħbiberija u l-għaqda bejn il-bnedmin u l-ġnus (19 ta’ Awwissu 1985).  Il-fjamma, mixgħula f’Assisi, infirxet mad-dinja kollha u hi sinjal permanenti ta’ tama.

 

Bi gratitudni speċjali lejn Alla ninnutaw il-bidla vera u propja li rat f’dawn l-aħħar ħamsin sena r-relazzjoni bejn Insara u Lhud.  Indifferenza u oppożizzjoni nbidlu f’kollaborazzjoni u ġid.  Minn għedewwa u barranin, sirna ħbieb u aħwa.  Il-Konċilju, bid-Dikjarazzjoni Nostra ætate, ħejja t-triq: “iva” biex niskopru mill-ġdid l-għeruq Lhud tal-Kristjaneżmu; “le” għal kull xorta ta’ antisemitiżmu u kundanna ta’ kull insult, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni li jiġu minnu.  L-għarfien, ir-rispett u l-istima lejn xulxin jibnu t-triq li, jekk tgħodd b’mod partikulari għar-relazzjoni mal-Lhud, daqshekk ieħor tgħodd għar-relazzjonijiet ma’ reliġjonijiet oħra.  Qed naħseb b’mod partikulari fil-Musulmani, li – kif ifakkar il-Konċilju – “jaduraw ’l Alla waħdani, li hu ħaj u li jgħix minnu nnifsu, li hu ħanin u jista’ kollox, ħallieq tas-sema u l-art, Alla li tkellem mal-bnedmin” (Nostra ætate, 5).  Huma jagħrfu lil Abraham b’missierhom, iqimu lil Ġesù bħala profeta, iweġġħu lil Ommu l-Verġni Marija, jistennew jum il-ħaqq, u jipprattikaw it-talb, il-karità u s-sawm (ara ibid.).

 

Id-djalogu li neħtieġu ma jistax ma jkunx miftuħ u kollu rispett, u hekk jagħti l-frott.  Ir-rispett reċiproku hu kundizzjoni u, fl-istess waqt, l-għan tad-djalogu inter-reliġjuż: nirrispettaw il-jedd ta’ l-oħrajn għall-ħajja, għas-saħħa tal-ġisem, għal-libertajiet fundamentali, jiġifieri l-libertà tal-kuxjenza, tal-ħsieb, ta’ l-espressjoni u tar-reliġjon.

 

Id-dinja qed tħares lejna li nemmnu, u titlobna nikkollaboraw bejnietna u mal-bnedmin ta’ rieda tajba li ma jistqarru l-ebda reliġjon, titlob minna tweġibiet effettivi fuq għadd ta’ temi: il-paċi, il-ġuħ, il-faqar li qed jifni miljuni ta’ nies, il-kriżi ambjentali, il-vjolenza, b’mod partikulari dik imwettqa f’isem ir-reliġjon, il-korruzzjoni, id-degradazzjoni morali, il-kriżijiet fil-familja, fl-ekonomija, fil-finanzi, u fuq kollox tat-tama.  Aħna li nemmnu m’għandniex riċetti lesti għal dawn il-problemi, imma għandna riżorsa kbira: it-talb.  U aħna li nemmnu, nitolbu.  Jeħtieġ nitolbu.  It-talb hu t-teżor tagħna, li minnu nixorbu skond it-tradizzjonijiet rispettivi tagħna, biex nitolbu d-doni li għalihom tixxennaq l-umanità.

 

Minħabba fil-vjolenza u t-terroriżmu qed jixtered atteġġjament ta’ suspett u saħansitra ta’ kundanna tar-reliġjonijiet.  Fir-realtà, għalkemm l-ebda reliġjon m’hi ħielsa mir-riskju ta’ devjazzjonijiet fundamentalistiċi jew estremisti f’individwi jew gruppi (ara Diskors lill-Kungress ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, 24 ta’ Settembru 2015), għandna nħarsu lejn il-valuri pożittivi li huma jħaddnu u jipproponu, u li huma għejun ta’ tama.  Irridu ngħollu ħarsitna biex immorru lil hemm.  Id-djalogu msejjes fuq ir-rispett fiduċjuż jista’ jġib żerriegħa ta’ ġid li min-naħa tagħha taf twarrad fi ħbiberija u kollaborazzjoni f’ħafna oqsma, u fuq kollox fis-servizz lill-foqra, liċ-ċkejknin, lill-anzjani, fil-laqgħa li nagħtu lill-immigranti, fl-attenzjoni għal min hu mwarrab.  Nistgħu nimxu flimkien u nieħdu ħsieb ta’ xulxin u tal-ħolqien.  Kull min jemmen, f’kull reliġjon.  Flimkien nistgħu nfaħħru lill-Ħallieq talli tana l-ġnien tad-dinja biex nieħdu ħsiebu u nħarsuh bħala ġid komuni, u nistgħu nwettqu proġetti bejnietna biex niġġieldu lill-faqar u niżguraw lil kull bniedem kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża.

 

Il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, li għandna quddiemna, hu l-okkażjoni t-tajba biex naħdmu flimkien fil-qasam ta’ l-opri ta’ karità.  U f’dan il-qasam, fejn li tiswa fuq kollox hi l-kompassjoni, jistgħu jingħaqdu magħna ħafna persuni li ma jħossuhomx jemmnu f’xi reliġjon, jew li qed ifittxu lil Alla u l-verità, persuni li jqiegħdu fiċ-ċentru l-wiċċ tal-persuna l-oħra, b’mod partikulari wiċċ ħuhom jew oħthom fil-bżonn.  Imma l-ħniena li għaliha msejħin tħaddan il-ħolqien kollu, li Alla fdalna f’idejna biex inħarsuh, u mhux nisfruttawh jew, agħar u agħar, neqirduh.  Dejjem għandna nagħmlu l-ħila tagħna biex inħallu d-dinja aħjar milli sibnieha (ara Enċiklika Laudato si’, 194), ibda mill-ambjent li fih ngħixu, mill-ġesti żgħar tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

 

Għeżież ħuti, dwar il-futur tad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi nitolbu.  U nitolbu għal xulxin: aħna aħwa!  Mingħajr il-Mulej, xejn m’hu possibbli; biH magħna, kollox isir possibbli!  Jalla t-talba tagħna – kull wieħed u waħda skond it-tradizzjoni tiegħu jew tagħha – tista’ titwaħħad b’mod sħiħ mar-rieda ta’ Alla, li jixtieq li l-bnedmin kollha jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin u jgħixu hekk tabilħaqq, billi jsawru l-familja kbira tal-bnedmin fl-armonija tad-diversità.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard