Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar jiem, kif tafu, għamilt pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa.  Kien don kbir għall-Knisja, u tiegħu rrodd ħajr lil Alla.  Hu mexxieni f’dik l-Art imbierka, li rat il-preżenza storika ta’ Ġesù u fejn seħħu ġrajjiet ta’ importanza fundamentali għall-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Islam.  Nixtieq inġedded il-gratitudni kbira tiegħi lejn il-Beatitudni Tiegħu l-Patrijarka Fouad Twal, lejn l-Isqfijiet tad-diversi Riti, lejn is-saċerdoti, lejn il-Franġiskani tal-Kustodja ta’ l-Art Imqaddsa.  Dawn il-Franġiskani huma bravi!  Ix-xogħol tagħhom hu mill-isbaħ, ix-xogħol li jagħmlu huma!  Il-gratitudni tiegħi tmur anki lejn l-Awtoritajiet tal-Ġordan, ta’ Israel u ta’ l-Istat Palestinjan, li laqgħuni b’tant korteżija, ikolli ngħid anki bi ħbiberija, kif ukoll lejn dawk kollha li kkoperaw għas-suċċess ta’ din iż-żjara.

 

1. L-għan ewlieni ta’ dan il-pellegrinaġġ kien li nfakkru l-50 anniversarju mil-laqgħa storika bejn il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagora.  Dik kienet l-ewwel darba li fiha Suċċessur ta’ Pietru żar l-Art Imqaddsa: hekk Pawlu VI inawgura, matul il-Konċilju Vatikan II, il-vjaġġi tal-Papiet barra mill-Italja fl-epoka kontemporanja.  Dak il-ġest profetiku ta’ l-Isqof ta’ Ruma u tal-Patrijarka ta’ Kostantinopli kien kisba importanti fil-mixja sofferenti imma promettenti lejn l-għaqda ta’ l-Insara kollha, li minn dak in-nhar għamlet passi notevoli.  Għalhekk, il-laqgħa tiegħi mal-Qdusija Tiegħu Bartilmew, ħuna l-maħbub fi Kristu, kienet il-qofol taż-żjara kollha.  Flimkien tlabna fil-Qabar ta’ Ġesù, u magħna kien hemm il-Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Ġerusalemm Teofilu III u l-Patrijarka Appostoliku Armen Nourhan, barra Arċisqfijiet u Isqfijiet ta’ bosta Knejjes u Komunitajiet, Atworitajiet ċivili u għadd ta’ fidili.  F’dak il-post fejn dwiet l-aħbar tal-Qawmien, ilkoll stajna nħossu d-diqa u t-tbatija tal-firdiet li għad hemm bejn id-dixxipli ta’ Kristu; u dan tassew jagħmel ħsara, jagħmel ħsara lill-qalb.  Għadna mifruda bejnietna; f’dak l-imkien fejn dwiet sewwa sew it-tħabbira tal-Qawmien, fejn Ġesù jagħtina l-ħajja, aħna għadna xi ftit mifruda.  Imma fuq kollox, f’dik iċ-ċelebrazzjoni mimlija bi fraternità reċiproka, b’rispett u bi mħabba, stajna nisimgħu qawwi l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb Rxoxt li jrid jagħmel min-nagħaġ kollha tiegħu merħla waħda; ħassejna x-xewqa li ndewwu l-ġrieħi li għadhom miftuħa u b’determinazzjoni nkomplu l-mixja tagħna lejn il-komunjoni sħiħa.  Mill-ġdid għal darb’oħra, kif għamlu l-Papiet ta’ qabli, nitlob maħfra għal dak li aħna stajna għamilna favur dawn il-firdiet, u nitlob lill-Ispirtu s-Santu jgħinna nfejqu l-ġrieħi li aħna kkawżajna lil ħutna l-oħra.  Ilkoll aħna aħwa fi Kristu u mal-Patrijarka Bartilmew aħna ħbieb, aħwa, u qsamna ma’ xulxin ir-rieda waħda li nimxu flimkien, nagħmlu dak kollu li mil-lum ’il quddiem nistgħu nagħmlu: nitolbu flimkien, naħdmu flimkien għall-merħla ta’ Alla, infittxu l-paċi, inħarsu l-ħolqien, tant ħwejjeġ li għandna komuni bejnietna.  U bħal aħwa jeħtieġ li nibqgħu mexjin ’il quddiem.

 

2. Għan ieħor ta’ dan il-pellegrinaġġ kien li nħeġġeġ f’dak ir-reġjun il-mixja lejn il-paċi, li hi don ta’ Alla u fl-istess ħin impenn tal-bnedmin.  Dan għamiltu fil-Ġordan, fil-Palestina, f’Israel.  U għamiltu dejjem bħala pellegrin, f’isem Alla u f’isem il-bniedem, bi ħniena kbira fil-qalb tiegħi għal ulied dik l-Art li ilhom żmien twil jgħixu fi gwerra ma’ xulxin u għandhom id-dritt li sa fl-aħħar jaraw ġranet ta’ paċi!

 

Għalhekk sejjaħt lill-fidili Nsara biex, b’qalb miftuħa u doċli, iħallu lill-Ispirtu s-Santu “jidlikhom”, biex ikollhom dejjem iżjed il-ħila jwettqu ġesti ta’ umiltà, ta’ fratellanza u ta’ rikonċiljazzjoni.  L-Ispirtu jagħtina li jkollna dawn l-atteġġjamenti fil-ħajja ta’ kuljum, ma’ persuni ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti, u hekk insiru “nies tas-sengħa” li jibnu l-paċi.  Il-paċi tinbena bis-sengħa!  M’hemmx fabbriki tal-paċi, le.  Din tinbena jum wara jum, b’sengħa, u anki b’qalb miftuħa biex tirċievi d-don ta’ Alla.  Għalhekk jien tlabt lill-fidili Nsara biex iħalluh “jidlikhom”.

 

Fil-Ġordan irringrazzjajt lill-Awtoritajiet u lill-poplu għall-impenn tagħhom biex jilqgħu f’pajjiżhom lil għadd ta’ maħruba miz-zoni tal-gwerra, impenn umanitarju li jixraqlu u jitlob is-sostenn kontinwu tal-Komunità internazzjonali.  Ħassejtni milqut mill-ġenerożità tal-poplu tal-Ġordan biex jilqa’ lill-maħruba, lil tant persuni li jaħarbu mill-gwerra, f’dik iz-zona.  Il-Mulej ibierek lil dan il-poplu akkoljenti, ibierku ħafna!  U aħna għandna nitolbu biex il-Mulej ibierek din il-merħba u nitolbu lill-istituzzjonijiet internazzjonali kollha biex jgħinu lil dan il-poplu f’din il-ħidma ta’ merħba li qed iwettaq.  Matul il-pellegrinaġġ anki f’postijiet oħra sejjaħt lill-Awtoritajiet konċernati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex inaqqsu t-tensjoni fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, fuq kollox fl-imsejkna Sirja, kif ukoll biex jissoktaw ifittxu soluzzjoni ugwali għall-kunflitt bejn Israel u l-Palestina.  Għalhekk stedint lill-President ta’ Israel u lill-President tal-Palestina, it-tnejn bnedmin ta’ paċi u bennejja tal-paċi, biex jiġu l-Vatikan ħalli jitolbu flimkien miegħi għall-paċi.  U jekk jogħġobkom, nitlobkom biex ma tħalluniex waħidna: itolbu intom ukoll, itolbu ħafna biex il-Mulej jagħtina l-paċi, jagħtina l-paċi f’dik l-Art imbierka!  Se nserraħ fuq it-talb tagħkom.  Bil-qawwa, itolbu, f’dan iż-żmien, itolbu ħafna biex tasal il-paċi.

 

3. Dan il-pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa kien ukoll l-okkażjoni għalija biex inwettaq fil-fidi lill-komunitajiet Insara, li qed ibatu tant, u biex nesprimi l-gratitudni tal-Knisja kollha għall-preżenza ta’ l-Insara f’dik iz-zona u fil-Lvant Nofsani kollu.  Dawn ħutna huma xhieda qalbiena ta’ tama u ta’ mħabba, “melħ u dawl” f’dik l-Art.  Bil-ħajja tal-fidi u t-talb tagħhom u bl-attività edukattiva u assistenzjali li hi apprezzata ferm, huma qed jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra, u hekk jikkontribwixxu għall-ġid komuni tas-soċjetà.

 

B’dan il-pellegrinaġġ, li kien tassew grazzja mill-Mulej, ridt inwassal kelma ta’ tama, imma rċivejt waħda jien ukoll!  Irċivejtha minn għand l-aħwa rġiel u nisa li jittamaw “kontra kull tama” (Rum 4:18), qalb tant tbatijiet, bħal dawk ta’ min kellu jaħrab minn pajjiżu minħabba l-kunflitti; bħal dawk ta’ min, f’bosta partijiet tad-dinja, issir diskriminazzjoni miegħu u hu ddisprezzat minħabba fil-fidi fi Kristu.  Nissoktaw inkunu qrib tagħhom!  Nitolbu għalihom u għall-paċi fl-Art Imqaddsa u fil-Lvant Nofsani kollu.  Ħalli t-talb tal-Knisja kollha wkoll iwieżen il-mixja lejn l-għaqda sħiħa ta’ l-Insara, biex id-dinja temmen fl-imħabba ta’ Alla li f’Ġesù Kristu ġie jgħammar fostna.

 

U issa nistedinkom kollha titolbu miegħi, nitolbu flimkien lill-Madonna, Sultana tal-paċi, Sultana ta’ l-għaqda bejn l-Insara, l-Omm ta’ l-Insara kollha: ħa tagħtina l-paċi, lid-dinja kollha, u sseħibna f’din it-triq ta’ l-għaqda.

 

[Ave Maria]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard