Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nieqaf nimmedita magħkom it-Tridu tal-Għid li jibda għada, biex ninżlu iktar fil-fond ta’ dak li l-jiem l-iżjed importanti tas-sena liturġika jirrappreżentaw għalina li nemmnu. Nixtieq nagħmlilkom mistoqsija: Liema hi l-aktar festa importanti tal-fidi tagħna: il-Milied jew l-Għid? L-Għid, għax hi l-festa tas-salvazzjoni tagħna, il-festa tal-imħabba ta’ Alla għalina, il-festa, iċ-ċelebrazzjoni tal-mewt u l-Qawmien tiegħu. U għalhekk irrid nirrifletti magħkom fuq din il-festa, fuq dawn il-jiem, li huma l-jiem tal-Għid, sal-Qawmien tal-Mulej. Dawn il-jiem jagħmlu t-tifkira ċelebrattiva ta’ misteru wieħed kbir: il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù. It-Tridu jibda għada, bil-Quddiesa tal-Ikla tal-Mulej u jagħlaq bil-vġili ta’ Ħadd il-Qawmien. Imbagħad tiġi l-“Pasquetta” biex niċċelebraw din il-festa kbira: ġurnata iktar fuq ir-riħ. Imma din hi post-liturġika: hi l-festa tal-familja, hi l-festa tas-soċjetà. Dan jimmarka t-tappi fundamentali tal-fidi tagħna u tas-sejħa tagħna fid-dinja, u l-Insara kollha huma msejħin jgħixu t-Tlitt Ijiem imqaddsa – il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt; u l-Ħadd – wieħed jifhimha –, imma s-Sibt hu l-qawmien – it-Tlitt Ijiem imqaddsa bħala, biex ngħidu hekk, il-“matriċi” tal-ħajja personali tagħhom, tal-ħajja komunitarja tagħhom, kif għexu ħutna l-Lhud il-ħruġ mill-Eġittu.

 

Dawn it-Tlitt Ijiem jerġgħu jipproponu lill-poplu Nisrani l-ġrajjiet il-kbar tas-salvazzjoni li ġabilna Kristu, u hekk fix-xefaq tad-destin tiegħu jipproġettaw futur u jsaħħuh fl-impenn tiegħu ta’ xhieda fl-istorja.

 

Nhar l-Għid filgħodu, f’ħarsa lura lejn it-tappi li nkunu għexna matul it-tridu, il-Kant tas-Sekwenza, jiġifieri innu jew xorta ta’ Salm, isemmagħna solennement it-tħabbira tal-qawmien; u jgħid hekk: “Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi, li fih ittamajt! Mar hu l-Galilija qabilkom: hemmhekk se tarawh”. Din hi l-affermazzjoni l-kbira: Kristu rxoxta. U f’tant popli tad-dinja, fuq kollox fl-Ewropa tal-Lvant, in-nies f’dawn il-jiem issellem lil xulxin mhux b’“bonġu”, “il-lejla t-tajba”, imma bi “Kristu qam”, biex tafferma t-tislima kbira tal-Għid. “Kristu qam mill-mewt”. F’dawn il-kelmiet – “Kristu qam mill-mewt” – ta’ ferħ imqanqal jilħaq il-quċċata tiegħu t-Tridu. Fihom mhux biss hemm tħabbira ta’ ferħ u ta’ tama, imma anki sejħa għar-responsabbiltà u għall-missjoni. U ma jagħlaqx bil-figolla, il-bajd, il-festi – anki jekk dawn affarijiet sbieħ għax din hi festa tal-familja – imma mhux hekk jagħlaq. Hemm tibda l-mixja lejn il-missjoni, lejn it-tħabbira: Kristu rxoxta. U din it-tħabbira, li lejha jwassalna t-Tridu billi jħejjina nilqgħuha, hi ċ-ċentru tal-fidi tagħna u tat-tama tagħna, hi l-qalba, hi t-tħabbira, u – il-kelma tqila, imma tgħid kollox –, hi l-kerygma, li kontinwament tevanġelizza lill-Knisja u li min-naħa tagħha hi mibgħuta tevanġelizza.

 

San Pawl jiġbor il-ġrajja kollha tal-Għid f’din l-espressjoni: “Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul” (1 Kor 5:7), il-ħaruf. Ġie maqtul. Għalhekk – jissokta – “il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5:17). Twieled il-ġdid. U għalhekk, sa mill-qedem nhar l-Għid kienu jiġu mgħammda n-nies. Anki fil-lejl tas-Sibt li ġej jien se ngħammed hawnhekk, f’San Pietru, tmien persuni adulti li se jibdew il-ħajja Nisranija. U kollox jibda għax se jitwieldu mill-ġdid. U b’formula oħra qasira San Pawl ifisser kif Kristu “kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rum 4:25). L-uniku, l-uniku wieħed li jiġġustifikana; l-uniku li jagħtina twelid ġdid hu Ġesù Kristu. Ħadd iżjed. U għalhekk m’għandna bżonn inħallsu xejn, għax il-ġustifikazzjoni – li nsiru ġusti – hi ħaġa b’xejn. U dan hu l-kobor tal-imħabba ta’ Ġesù: hu jagħtina l-ħajja b’xejn biex iqaddisna, biex iġeddidna, biex jaħfrilna. U din hi sewwasew il-qalba ta’ dan it-Tridu tal-Għid. Fit-Tridu tal-Għid it-tifkira ta’ din il-ġrajja fundamentali ssir ċelebrazzjoni mimlija rikonoxxenza u, fl-istess waqt, iġġedded fl-imgħammdin is-sens tal-qagħda ġdida tagħhom, li dejjem l-Appostlu Pawlu jesprimi hekk: “Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, […] u mhux… dawk tal-art” (Kol 3:1-3). Inħarsu fil-għoli, inħarsu lejn ix-xefaq, inwessgħu l-ixfqa tagħna: din hija l-fidi tagħna, din hi l-ġustifikazzjoni tagħna, dan hu l-istat tal-grazzja! Fil-fatt, bil-Magħmudija ġejna mqajmin ma’ Ġesù u mitna għall-ħwejjeġ u għal-loġika tad-dinja; twelidna mill-ġdid bħala ħlejjaq ġodda: realtà li titlob minna li jum wara jum nagħmluha eżistenza konkreta.

 

In-Nisrani, jekk tassew iħalli lil Kristu jaħslu, jekk tassew iħallih ineżżgħu mill-bniedem il-qadim biex jimxi f’ħajja ġdida, imqar jekk jibqa’ midneb – għax kollha aħna midinbin – ma jistax jibqa’ iżjed korrott, il-ġustifikazzjoni ta’ Ġesù ssalvana mill-korruzzjoni, aħna midinbin imma mhux korrotti; ma jistax jibqa’ jgħix bil-mewt fir-ruħ tiegħu, u lanqas ikun kawża ta’ mewt. U hawn irrid insemmi ħaġa kerha u ta’ wġigħ il-qalb… Hemm Kristjani foloz: dawk li jgħidu “Kristu qam mill-mewt”, “jien ġejt iġġustifikat minn Ġesù”, ninsab fil-ħajja ġdida, imma ngħix ħajja korrotta. U dawn l-Insara foloz jispiċċaw ħażin. In-Nisrani, nirrepeti, hu midneb – kollha aħna, anki jien – imma għandna ċ-ċertezza li meta nitolbu maħfra, il-Mulej se jaħfrilna. Il-korrott jagħmel tabirruħu li hu persuna ta’ ġieħ, imma, fl-aħħar mill-aħħar f’qalbu hemm it-taħsir. Ħajja ġdida jagħtina Ġesù. In-Nisrani ma jistax jgħix bil-mewt fil-qalb tiegħu, lanqas ikun kawża ta’ mewt. Biex ma mmorrux ’il bogħod, ejja naħsbu f’darna stess, ejja naħsbu fl-hekk imsejħa “Nsara mafjużi”. Imma dawn minn tan-Nisrani m’għandhom xejn: jgħidu li huma Nsara, imma jġorru l-mewt f’ruħhom u lill-oħrajn. Nitolbu għalihom, biex il-Mulej imissilhom qalbhom. Il-proxxmu, fuq kollox l-iċken wieħed u l-iżjed li qed ibati, isir il-wiċċ konkret li lilu rridu nagħtu l-imħabba li Ġesù ta lilna. U d-dinja ssir l-ispazju tal-ħajja ġdida tagħna ta’ mqajmin. Aħna qomna ma’ Ġesù: fuq saqajna, b’rasna merfugħa, u nistgħu naqsmu fl-umiljazzjoni ta’ dawk li anki llum, bħal Ġesù, qegħdin fit-tbatija, fl-għera, fil-ħtieġa, fis-solitudni, fil-mewt, biex insiru, grazzi għalih u miegħu, strumenti ta’ fidwa u ta’ tama, sinjali ta’ ħajja u ta’ qawmien. F’tant pajjiżi – hawn l-Italja u anki f’art twelidi – hemm id-drawwa li meta nhar l-Għid jisimgħu l-qniepen, l-ommijiet, in-nanniet, jieħdu t-tfal tagħhom biex jaħslulhom għajnejhom bl-ilma, bl-ilma tal-ħajja, bħala sinjali li jistgħu jaraw dak li hu ta’ Ġesù, il-ħwejjeġ ġodda. F’dan l-Għid ejjew inħallu l-qalb tagħna tiġi maħsula, l-għajnejn ta’ ruħna jinħaslu, biex naraw il-ħwejjeġ sbieħ, u nagħmlu ħwejjeġ sbieħ. U din hi ħaġa sabiħa wisq! Dan hu tabilħaqq il-Qawmien ta’ Ġesù wara l-mewt tiegħu, li kienet il-prezz li bih feda lilna lkoll.

 

Għeżież ħuti, ejjew nitħejjew biex ngħixu tajjeb dan it-Tridu Qaddis li issa jinsab fuq l-għatba – jibda għada –, biex nidħlu dejjem iżjed fil-fond tal-misteru ta’ Kristu, li miet u rxoxta għalina. Ħa sseħibna f’din il-mixja spiritwali l-Verġni Mqaddsa, li mxiet wara Ġesù fil-passjoni tiegħu – hi kienet hemm, tara, tbati… – kienet preżenti u magħquda miegħu taħt is-salib tiegħu, imma ma stħatx minn binha. Omm li qatt ma stħat minn binha! Kienet hemm, u laqgħet fil-qalb tagħha ta’ Omm il-ferħ bla qies tal-qawmien. Ħa tiksbilna hi l-grazzja li minn ġewwa nħossuna parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-jiem li ġejjin, biex il-qalb u l-ħajja tagħna jinbidlu tassew.

 

U jiena u nħallikom b’dan il-ħsibijiet, lilkom kollha nixteqilkom minn qalbi Għid hieni u qaddis, flimkien mal-komunitajiet u l-għeżież tagħkom.

 

U isimgħu minni: nhar l-Għid filgħodu ħudu lit-tfal tagħkom taħt il-vit u aħslulhom għajnejhom. Ikun sinjal ta’ kif għandhom jaraw lil Ġesù Rxoxt.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard