IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 28 ta’ Frar 2018

 

Il-Quddiesa – 11. Il-Liturġija tal-Ewkaristija: I. Il-preżentazzjoni tad-doni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Quddiesa. Wara l-Liturġija tal-Kelma – li dwarha tkellimt fl-aħħar katekeżi – tiġi l-parti l-oħra kostituttiva tal-Quddiesa, li hi l-Liturġija tal-Ewkaristija. Fiha, permezz tas-sinjali mqaddsa, il-Knisja kontinwament tagħmel preżenti s-Sagrifiċċju tal-patt il-ġdid issiġillat minn Ġesù fuq l-altar tas-Salib (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 47). Dak tas-Salib kien l-ewwel altar Nisrani, u meta aħna nersqu lejn l-altar biex niċċelebraw il-Quddiesa, il-ħsieb tagħna jmur lura lejn l-altar tas-Salib, fejn sar l-ewwel sagrifiċċju. Is-saċerdot, li fil-Quddiesa jirrappreżenta lil Kristu, iwettaq dak li l-Mulej innifsu għamel u fada f’idejn id-dixxipli fl-Aħħar Ċena: ħa l-ħobż u l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, tah lid-dixxipli, u qal: “Ħudu u kulu… ixorbu: dan hu ġismi… dan hu l-kalċi ta’ demmi. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

 

Ubbidjenti għall-kmand ta’ Ġesù, il-Knisja qiegħdet fil-Liturġija tal-Kelma mumenti li jikkorrispondu għall-kelmiet u għall-ġesti mwettqa minnu awl il-lejl qabel ma bata. Hekk, fit-tħejjija tad-doni jitwasslu lejn l-altar il-ħobż u l-inbid, jiġifieri l-elementi li Kristu ħa f’idejh. Fit-Talba Ewkaristika rroddu ħajr lil Alla għall-ħidma tal-fidwa u l-offerti jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad jiġi l-qsim tal-Ħobż u t-Tqarbin, li fihom ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-Appostli li rċivew id-doni Ewkaristiċi minn idejn Kristu nnifsu (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 72).

 

Għalhekk, mal-ewwel ġest ta’ Ġesù: “ħa l-ħobż u l-kalċi mimli bl-inbid”, tikkorrispondi t-tħejjija tad-doni. Hi l-ewwel parti tal-Liturġija tal-Ewkaristija. Tajjeb li jkunu l-fidili li jippreżentaw lis-saċerdot il-ħobż u l-inbid, għax dawn ifissru l-offerta spiritwali tal-Knisja miġbura hemm għall-Ewkaristija. Hi ħaġa sabiħa li jkunu sewwasew il-fidili li jwasslu fuq l-altar il-ħobż u l-inbid. Imqar jekk illum “il-fidili m’għadhomx iġibu, bħal żmien ilu, il-ħobż u l-inbid tagħhom stess għal-Liturġija, madankollu r-rit tal-preżentazzjoni ta’ dawn id-doni għad għandu l-valur u t-tifsira spiritwali tiegħu” (ibid., 73). U f’dan ir-rigward hu sinifikattiv li, meta jordna presbiteru ġdid, l-Isqof, meta jagħtih il-ħobż u l-inbid, jgħidlu: “Ilqa’ l-offerta tal-poplu qaddis li se ssir lil Alla” (Pontifikal Ruman – Ordinazzjoni tal-isqfijiet, tal-presbiteri u tad-djakni). Hu l-poplu ta’ Alla li jġib l-offerta, il-ħobż u l-inbid, l-offerta kbira għall-Quddiesa! Mela, fis-sinjali tal-ħobż u tal-inbid il-poplu fidil iqiegħed l-offerta tiegħu nnifsu f’idejn is-saċerdot, li jqegħedha fuq l-altar jew mejda tal-Mulej, “li hi ċ-ċentru tal-Liturġija kollha tal-Ewkaristija” (OGMR, 73). Għalhekk, iċ-ċentru tal-Quddiesa hu l-altar, u l-altar hu Kristu; dejjem għandna nħarsu lejn l-altar li hu ċ-ċentru tal-Quddiesa. Għalhekk, fil-“frott tal-art u xogħol il-bniedem”, jiġi offrut l-impenn tal-fidili li jagħmlu minnhom infushom, ubbidjenti għall-Kelma divina, “sagrifiċċju li jogħġob lil Alla l-Missier li jista’ kollox”, “għall-ħtiġijiet tal-Knisja mqaddsa kollha tiegħu”. Hekk, “il-ħajja tal-Insara, it-tifħir, it-tbatijiet, it-talb, ix-xogħol tagħhom jingħaqdu ma’ dawk ta’ Kristu u mal-offerta sħiħa tiegħu, u hekk jiksbu siwi ġdid” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1368).

 

Ċertament, l-offerta tagħna hi ħaġa żgħira, imma Kristu għandu bżonn ta’ dak il-ftit. Il-Mulej jitlobna ftit u jroddilna ħafna. Ftit jitlobna. Fil-ħajja ta’ kuljum, jitlob minna rieda tajba; jitlob minna qalb miftuħa; jitlob minna r-rieda li nsiru aħjar biex nilqgħu lilu li joffri lilu nnifsu għalina fl-Ewkaristija; jitlobna dawn l-offerti simboliċi li mbagħad isiru l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Xbieha ta’ dan il-moviment ta’ offerta fit-talb hi rrappreżentata fl-inċens li, maħruq fin-nar, iħalli duħħan ifuħ li jitla’ fil-għoli: meta ninċensaw l-offerti, kif isir fil-festi, ninċensaw is-salib, l-altar, is-saċerdot u l-poplu saċerdotali, dan juri b’mod ċar ir-rabta ta’ offerta li xxierek dawn ir-realtajiet kollha mas-sagrifiċċju ta’ Kristu (ara OGMR, 75). U tinsewx: hemm l-altar li hu Kristu, imma dejjem f’riferiment għall-ewwel altar li hu s-Salib, u fuq l-altar li hu Kristu nwasslu l-ftit doni tagħna, il-ħobż u l-inbid, li mbagħad isiru l-ħafna: Ġesù nnifsu li jingħata għalina.

 

U dan kollu tesprimih anki t-Talba fuq l-Offerti. Fiha s-saċerdot jitlob lil Alla jilqa’ d-doni li l-Knisja toffrilu, biex joħroġ il-frott mill-qsim tal-għaġeb bejn il-faqar tagħna u l-għana tiegħu. Fil-ħobż u fl-inbid nippreżentawlu l-offerta tal-ħajja tagħna, biex tinbidel mill-Ispirtu s-Santu fis-sagrifiċċju ta’ Kristu u ssir flimkien miegħu offerta spiritwali waħda mogħġuba mill-Missier. Waqt li hekk tasal fi tmiemha t-tħejjija tad-doni, nitħejjew għat-Talba Ewkaristika (ara ibid., 77).

 

L-ispiritwalità tad-don tagħna nfusna, li jgħallimna dan il-mument tal-Quddiesa, tista’ ddawwal il-jiem tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, dak li nagħmlu, it-tbatijiet li magħhom inħabbtu wiċċna, u tgħinna nibnu l-belt fuq din l-art fid-dawl tal-Vanġelu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard