Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nieqaf nirrifletti magħkom fuq it-tifsira tat-Twelid tal-Mulej Ġesù, li f’dawn il-jiem qed ngħixu fil-fidi u fiċ-ċelebrazzjonijiet.

 

Il-binja tal-presepju u, fuq kollox, il-liturġija, bil-Qari bibliku tagħha u l-għanjiet tradizzjonali tagħha, għenuna ngħixu mill-ġdid l-“illum” li fiha “twieled għalina l-Feddej, Kristu l-Mulej” (Lq 2:11).

 

Fi żmienna, speċjalment fl-Ewropa, qed naraw speċi ta’ “żnaturament” tal-Milied: f’isem rispett falz li mhuwiex Nisrani, li spiss jaħbi warajh ir-rieda ta’ min irid iwarrab għall-ġenb il-fidi, nippruvaw inneħħu mill-festa kull riferiment għat-twelid ta’ Ġesù. Imma fir-realtà din il-ġrajja hi l-uniku Milied veru! M’hemmx Milied mingħajr Ġesù; hemm festa oħra, imma mhux il-Milied. U jekk fiċ-ċentru hemm Hu, allura anki l-kontorn kollu, jiġifieri d-dwal, il-ħsejjes, id-diversi tradizzjonijiet lokali, anki l-ikel karatteristiku, kollox jgħin biex tinħoloq atmosfera ta’ festa, imma b’Ġesù fiċ-ċentru. Jekk inneħħu lilu, id-dawl jintefa u kollox isir fint, tal-qoxra biss.

 

Permezz tat-tħabbira li tagħmlilna l-Knisja, aħna, bħar-ragħajja tal-Vanġelu (ara Lq 2:9), niġu mmexxija biex infittxu u nsibu d-dawl veru, dak ta’ Ġesù li, meta sar bniedem bħalna, wera ruħu b’mod tal-għaġeb: twieled minn tfajla fqajra u mhux magħrufa, li tagħtih id-dawl fi stalla, bl-għajnuna biss ta’ żewġha… Id-dinja ma tintebaħ b’xejn, imma fis-Sema l-anġli li jafu bil-biċċa jgħannu bil-ferħ! U dan hu l-mod kif l-Iben ta’ Alla llum ukoll jippreżenta ruħu lilna: bħala d-don ta’ Alla għall-umanità li hi mitlufa fid-dalma u fl-irqad (ara Is 9:1). U llum ukoll qed naraw kif spiss il-bniedem jippreferi d-dalma, għax jaf li d-dawl se jikxef dawk l-għemejjel kollha u dawk il-ħsibijiet li jħammru l-wiċċ u jniggżu l-kuxjenza. Hekk, nippreferu nibqgħu fid-dlam u ma nċaqalqux iżżejjed id-drawwiet ħżiena tagħna.

 

Għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna xi jfisser tilqa’ d-don ta’ Alla li hu Ġesù. Kif hu stess għallimna b’ħajtu, ifisser li nsiru fil-ħajja ta’ kuljum don b’xejn għal dawk li niltaqgħu magħhom fit-triq tagħna. Għalhekk fil-Milied nagħtu r-rigali lil xulxin. Il-veru don għalina hu Ġesù, u bħalu rridu nkunu don għall-oħrajn. U billi aħna rridu nkunu don għall-oħrajn, aħna naqsmu r-rigali, bħala sinjal ta’ dan l-atteġġjament li jgħallimna Ġesù: hu, il-mibgħut tal-Missier, kien don għalina, u aħna doni għall-oħrajn.

 

L-Appostlu Pawlu joffrilna muftieħ biex naqraw kollox fi ftit kliem, meta jikteb – xi ġmiel din is-silta ta’ Pawlu –: “Dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien” (Tit 2:11-12). Il-grazzja ta’ Alla “dehret” f’Ġesù, il-wiċċ ta’ Alla, li l-Verġni Marija wildet bħal kull tarbija ta’ din id-dinja, imma li ma ġiex “mill-art”, ġie “mis-Sema”, minn Alla. Hekk, bl-inkarnazzjoni tal-Iben, Alla fetħilna t-triq tal-ħajja ġdida, mibnija mhux fuq l-egoiżmu imma fuq l-imħabba. It-twelid ta’ Ġesù hu l-ġest tal-ikbar imħabba ta’ Missierna tas-Sema.

 

U fl-aħħar nett, aspett ieħor importanti: fil-Milied nistgħu naraw kif l-istorja tal-bniedem, dik imċaqilqa mis-setgħanin ta’ din id-dinja, tiġi miżjura mill-istorja ta’ Alla. U Alla jinvolvi lil dawk li, mixħuta fit-trufijiet tas-soċjetà, huma l-ewwel destinatarji tad-don tiegħu, jiġifieri – id-don – is-salvazzjoni mwassla minn Ġesù. Maċ-ċkejknin u l-imkasbrin Ġesù jwaqqaf ħbiberija li tibqa’ maż-żmien u li timla bit-tama għal futur aħjar. Dawn il-persuni, irrappreżentati mir-ragħajja ta’ Betlehem, “il-glorja ddiet madwarhom” (Lq 2:9-12), u dan id-dawl wassalhom dritt għand Ġesù. Huma kienu mwarrbin, kulħadd kien jarahom minn lenti kerha, kienu mistmerra, u lilhom l-ewwel li dehret l-aħbar il-kbira. Magħhom, f’kull żmien, Alla jrid jibni dinja ġdida, dinja li fiha ma jkunx hemm iżjed persuni rrifjutati, ittrattati ħażin u mifnija bil-faqar.

 

Għeżież ħuti, f’dawn il-jiem ejjew niftħu moħħna u qalbna biex nilqgħu din il-grazzja. Ġesù hu d-don ta’ Alla għalina u, jekk nilqgħuh, anki aħna nistgħu nsiru don għall-oħrajn – inkunu don ta’ Alla għall-oħrajn – qabelxejn għal dawk li qatt ħadd ma wera magħhom attenzjoni u ħlewwa. Imma kemm nies f’ħajjithom qatt ma esperimentaw żegħila, attenzjoni ta’ mħabba, ġest ta’ ħlewwa… Il-Milied iridna nagħmlu dan. Hekk Ġesù jiġi jitwieled mill-ġdid fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u, permezz tagħna, jissokta jkun don ta’ salvazzjoni għaċ-ċkejknin u l-imwarrbin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard