IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

L-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2019

 

Il-Vjaġġ Appostoliku fit-Tajlandja u l-Ġappun

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ilbieraħ wasalt lura mill-vjaġġ appostoliku tiegħi fit-Tajlandja u l-Ġappun, don li għalih jien tant grat lejn il-Mulej. Nixtieq inġedded ir-rikonoxxenza tiegħi lejn l-Awtoritajiet u l-Isqfijiet ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, li stednuni u laqgħuni b’għożża kbira, u fuq kollox nirringrazzja lill-poplu Tajlandiż u lill-poplu Ġappuniż. Din iż-żjara kabbret il-qrubija u l-imħabba tiegħi għal dawn il-popli: jagħnihom il-Mulej b’kotra ta’ ġid u ta’ paċi.

 

It-Tajlandja hija Saltna qadima li mmodernizzat ruħha qatigħ. Meta ltqajt mar-Re, il-Prim Ministru u l-Awtoritajiet l-oħra, urejt ukoll ir-rispett tiegħi lejn it-tradizzjoni spiritwali u kulturali għanja tal-poplu Thai, il-poplu tat-“tbissima ħelwa”. In-nies hemm isfel titbissem. Ħeġġiġthom fl-impenn b’risq l-armonija bejn id-diversi komponenti tan-nazzjon, kif ukoll biex l-iżvilupp ekonomiku jista’ jiswa għall-ġid ta’ kulħadd u jitfejqu l-pjagi tal-isfruttament, speċjalment fuq in-nisa u t-tfal. Ir-reliġjon Buddista hi parti integrali mill-istorja u mill-ħajja ta’ dan il-poplu, u għalhekk żort lill-Patrijarka Suprem tal-Buddisti, fuq il-passi tal-istess stima reċiproka li bdew il-Predeċessuri tiegħi, biex joktru fid-dinja kollha l-ħniena u l-imħabba fraterna. F’dan is-sens kienet sinifikattiva ħafna l-laqgħa ekumenika u interreliġjuża, li nżammet fl-ikbar Università tal-pajjiż.

 

Ix-xhieda tal-Knisja fit-Tajlandja tgħaddi wkoll minn opri ta’ qadi lill-morda u lill-foqra. Fost dawn jeċċella l-Isptar Saint Louis, li żort biex nagħmel il-qalb lill-istaff mediku u niltaqa’ ma’ xi pazjenti. Imbagħad iddedikajt mumenti speċifiċi lis-saċerdoti u lill-persuni kkonsagrati, lill-isqfijiet, u anki lil ħuti l-Ġiżwiti. F’Bangkok iċċelebrajt il-Quddiesa mal-poplu ta’ Alla kollu fl-Istadju Nazzjonali u mbagħad maż-żgħażagħ fil-Katidral. Hemm ħassejna kif fil-familja ġdida msawra minn Ġesù Kristu hemm anki l-uċuħ u l-ilħna tal-poplu Thai.

 

Imbagħad, mort il-Ġappun. Mal-wasla tiegħi fin-Nunzjatura ta’ Tokyo ġejt milqugħ mill-Isqfijiet tal-pajjiż, li magħhom dritt qsamna l-isfida li huma ragħajja ta’ Knisja ċkejkna ħafna, imma li qed iġorr fiha l-ilma ħaj, il-Vanġelu ta’ Ġesù.

 

“Nipproteġu kull ħajja” kien il-motto taż-żjara tiegħi l-Ġappun, pajjiż li jġorr fuq ġismu l-pjagi tal-bumbardament atomiku u huwa għad-dinja kollha leħen tad-dritt fundamentali għall-ħajja u għall-paċi. F’Nagasaki u Hiroshima waqaft fit-talb, iltqajt ma’ wħud li skampaw il-mewt u ma’ familjari tal-vittmi, u tennejt bil-qawwa l-kundanna tal-armi nukleari u tal-ipokrezija ta’ min jitkellem fuq il-paċi imma mbagħad jibni u jbigħ armamenti tal-gwerra. Wara dik it-traġedja, il-Ġappun wera ħila straordinarja li jitqabad favur il-ħajja; u dan għamlu wkoll dan l-aħħar, wara d-diżastru tripliku tal-2011: terremot, tsunami u inċident fil-bini ċentrali nukleari.

 

Biex nipproteġu l-ħajja hemm bżonn inħobbuha, u llum it-theddida gravi, fil-pajjiżi l-iktar żviluppati, hi li tlifna s-sens tal-ħajja.

 

L-ewwel vittmi ta’ sens ta’ ħajja vojta huma ­ż-żgħażagħ, għalhekk waħda mil-laqgħat f’Tokyo ddedikajnieha lilhom. Smajt il-mistoqsijiet tagħhom u l-ħolm tagħhom; għamiltilhom il-qalb biex flimkien jeħduha qatta’ bla ħabel kontra kull xorta ta’ bulliżmu, u biex jegħlbu l-biża’ u l-għeluq billi jiftħu qalbhom għall-imħabba ta’ Alla, fit-talb u fil-qadi tal-proxxmu. Żgħażagħ oħra ltqajt magħhom fl-Università “Sophia”, flimkien mal-komunità akkademika. Din l-università, bħall-iskejjel Kattoliċi kollha, hi apprezzata ħafna fil-Ġappun.

 

F’Tokyo kelli l-opportunità li nżur lill-Imperatur Naruhito, li lejh mill-ġdid nesprimi kull gratitudni; iltqajt mal-Awtoritajiet tal-pajjiż u l-Korp Diplomatiku. Ħeġġiġt favur kultura tal-laqgħa u d-djalogu, ikkaratterizzata mill-għerf u minn viżjoni wiesgħa. Jekk jibqa’ fidil lejn il-valuri reliġjużi u morali tiegħu, u miftuħ għall-messaġġ tal-Vanġelu, il-Ġappun jista’ jkun pajjiż li jħeġġeġ għal dinja iktar ġusta u paċifika u għall-armonija bejn il-bniedem u l-ambjent.

 

Għeżież ħuti, ejjew nafdaw f’idejn it-tjieba u l-providenza ta’ Alla l-popli tat-Tajlandja u tal-Ġappun. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard