IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2013

 

Għeżież ħuti,

 

L-għodwa t-tajba u nifirħilkom għax kontu kuraġġjużi ġejtu fil-pjazza f’din il-kesħa kollha.  Nifirħilkom tassew.

 

Nixtieq nikkonkludi l-katekeżi fuq il-Kredu, li għamilna tul din is-Sena tal-Fidi, li għalqet il-Ħadd li għadda.  F’din il-katekeżi u f’li ġejja nixtieq nittratta t-tema tal-qawmien tal-ġisem mill-imwiet, billi naqbad żewġ aspetti hekk kif jippreżentahom il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jiġifieri l-mewt tagħna u l-qawmien tagħna f’Ġesù Kristu.  Il-lum se nieqaf fuq l-ewwel aspett, “immutu fi Kristu”.

 

1. Fostna spiss jeżisti mod żbaljat ta’ kif inħarsu lejn il-mewt.  Il-mewt tolqot lil kulħadd, u tpoġġilna quddiemna mistoqsija profonda, speċjalment meta tmissna mill-qrib, jew meta tolqot liż-żgħar, lil dawk li m’għandhomx min jiddefendihom, b’mod li jidhrilna “skandaluż”.  Lili dejjem laqtitni l-mistoqsija: Għaliex ibatu t-tfal?  Għaliex imutu t-tfal?  Jekk nifhmuha bħala t-tmiem ta’ kollox, il-mewt tbeżżagħna, titterrorizzana, tinbidel f’theddida li xxejjen kull ħolma, kull ħsieb dwar il-futur, li tkisser kull relazzjoni u twaqqaf kull mixja.  Dan jiġri meta nħarsu lejn ħajjitna qisha żmien marsus bejn żewġt itruf: it-twelid u l-mewt; meta ma nemmnux f’orizzont li jmur lil hemm mill-ħajja ta’ bħalissa; meta ngħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti.  Dan il-kunċett tal-mewt hu tipiku tal-ħsieb ateu, li jinterpreta l-eżistenza bħallikieku sibna ruħna każwalment f’din id-dinja u ninsabu mexjin lejn ix-xejn.  Imma hemm ukoll ateiżmu prattiku, li jfisser li wieħed jgħix biss għall-interessi tiegħu u jgħix biss għall-ħwejjeġ tad-dinja.  Jekk nittieħdu minn din il-viżjoni żbaljata tal-mewt, ma jifdlilniex għażla oħra ħlief dik li naħbu l-mewt, li niċħduha, jew li nibbanalizzawha, biex ma tbeżżagħniex.

 

2. Imma kontra din is-soluzzjoni falza tirribella l-“qalb” tal-bniedem, ix-xewqa li lkoll kemm aħna għandna għall-infinit, in-nostalġija li lkoll kemm aħna għandna ta’ l-etern.  U allura liema hu s-sens Nisrani tal-mewt?  Jekk inħarsu lejn l-iżjed mumenti ta’ swied il-qalb fil-ħajja tagħna, meta tlifna persuna għażiża – il-ġenituri tagħna, ħuna, oħtna, ir-raġel jew il-mara tagħna, xi ħadd minn uliedna, xi ħabib tagħna –, nintebħu li, anki fid-drama tat-telfa, anki meta aħna mifnija mill-firda, tixref minn ġo qalbna l-konvinzjoni li ma jistax ikun li spiċċa kollox, li l-ġid li tajna u rċivejna kien għalxejn.  Hemm stint tassew b’saħħtu fina, li qed jgħidilna li ħajjitna ma tintemmx mal-mewt.

 

Dan l-għatx għall-ħajja sab it-tweġiba vera u ċerta tiegħu fil-qawmien ta’ Ġesù Kristu.  Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet mhux biss jagħtina ċ-ċertezza tal-ħajja wara l-mewt, imma jdawwal ukoll il-misteru nnifsu tal-mewt ta’ kull wieħed u waħda minna.  Jekk ngħixu magħquda ma’ Ġesù, fidili lejH, ikollna l-ħila naffrontaw bit-tama u s-serenità anki l-passaġġ tal-mewt.  Il-Knisja fil-fatt titlob: “Għad li mnikktin għax nafu li għandna mmutu, nitfarrġu bil-wegħda ta’ ħajja oħra li qatt ma tintemm”.  Kemm hi sabiħa din it-talba tal-Knisja!  Il-bniedem aktarx imut kif ikun għex.  Jekk ħajti kienet mixja flimkien mal-Mulej, mixja ta’ fiduċja fil-ħniena immensa tiegħu, sa nkun lest biex nilqa’ l-aħħar mument ta’ l-eżistenza tiegħi fuq din l-art bħala abbandun definittiv, kunfidenti fl-idejn tiegħu li jilqgħuni u fl-istennija li nikkontempla wiċċ imb’wiċċ il-wiċċ tiegħu.  Din hi l-isbaħ ħaġa li qatt tista’ tiġrilna: li nikkontemplaw wiċċ imb’wiċċ dak il-wiċċ meraviljuż tal-Mulej, narawh kif Hu tabilħaqq, sabiħ, kollu dawl, kollu mħabba, kollu ħlewwa.  Aħna mexjin lejn din id-destinazzjoni: li naraw lill-Mulej.

 

3. F’dan id-dawl nifhmuha l-istedina ta’ Ġesù biex inkunu dejjem lesti, nishru, għax nafu li l-ħajja f’din id-dinja ngħatatilna wkoll biex fiha nitħejjew għall-ħajja l-oħra, dik ma’ Missierna tas-Sema.  U għal dan hemm triq żgura: nitħejjew tajjeb għall-mewt, billi noqogħdu qrib ta’ Ġesù.  Din hi ċ-ċertezza: jien inħejji ruħi għall-mewt billi noqgħod qrib ta’ Ġesù.  U kif noqogħdu qrib ta’ Ġesù?  Bit-talb, fis-Sagramenti u anki fit-tħaddim tal-karità.  Niftakru li Hu preżenti f’dawk l-iżjed dgħajfa u fil-bżonn.  Hu stess identifika ruħu magħhom, fil-parabbola famuża tal-ġudizzju finali, meta jgħid: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni  Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35-36,40).  Għalhekk, it-triq żgura tkun li nsibu mill-ġdid is-sens tal-karità Nisranija u tal-qsim fratern, li ndewwu l-ġrieħi tal-ġisem u dawk ta’ ruħ il-proxxmu tagħna.  Is-solidarjetà f’li nikkumpatixxu l-uġigħ u nxerrdu t-tama hi premessa u kundizzjoni biex nistgħu nirċievu b’wirt dik is-Saltna mħejjija għalina.  Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt.  Aħbsu sew f’dan: Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt!  Taqblu miegħi?  Ngħiduha flimkien biex ma ninsewhiex?  Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt.  U għaliex ma jibżax mill-mewt?  Għax iħares lejha f’wiċċha fil-ġrieħi ta’ ħutu, u jirbħilha bl-imħabba ta’ Ġesù Kristu.

 

Jekk nifħtu l-bieb ta’ ħajjitna u ta’ qalbna għall-iċken fost ħutna, allura anki l-mewt tagħna ssir bieb li jwassal għas-Sema, għall-art imbierka tagħna, li lejha mexjin, imxennqin li ngħammru għal dejjem ma’ Alla Missierna, ma’ Ġesù, mal-Madonna u mal-qaddisin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard