IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2015 

Il-familja – 16. Għerusija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu b’dawn il-katekeżi fuq il-familja, u l-lum nixtieq nitkellem fuq l-għerusija.  L-għerusija – donnok tħossha fil-kelma stess – għandha x’taqsam mal-fiduċja, mal-kunfidenza, ma’ l-affidabbiltà.  Kunfidenza mal-vokazzjoni li Alla jagħti, għax iż-Żwieġ hu qabel xejn l-iskoperta ta’ sejħa ta’ Alla.  Ċertament hi ħaġa sabiħa li l-lum iż-żgħażagħ jistgħu jagħżlu li jiżżewġu u jagħtu mħabbithom lil xulxin.  Imma propju l-libertà tar-rabta titlob armonija fid-deċiżjoni li wieħed ikun konxju minnha, mhux biss sempliċi qbil fil-ġibda jew is-sentiment, ta’ mument, ta’ żmien qasir… titlob mixja.

 

L-għerusija, f’termini oħra, hi ż-żmien li fih it-tnejn huma msejħin jaħdmu sew fuq l-imħabba, ħidma li fiha jipparteċipaw u jaqsmu t-tnejn, li tinżel iktar fil-fond.  Jiskopru ftit ftit lil xulxin, ir-raġel “jitgħallem” fuq il-mara billi jitgħallem fuq din il-mara, l-għarusa tiegħu; u l-mara “titgħallem” fuq ir-raġel billi titgħallem fuq dan ir-raġel, l-għarus tagħha.  Ejja ma nissottovalutawx l-importanza ta’ dan l-għarfien: hu impenn sabiħ, u titolbu l-istess imħabba, biex dan ma jkunx biss ferħ moħħ ir-riħ, emozzjoni mitlufa fil-ħolm…  Ir-rakkont Bibliku jitkellem fuq il-ħolqien kollu bħala ħidma sabiħa ta’ l-imħabba ta’ Alla; il-ktieb tal-Ġenesi jgħid li “ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31).  Alla “strieħ” biss meta wasal fl-aħħar.  Minn din ix-xbieha nifhmu li l-imħabba ta’ Alla, li tat bidu lid-dinja, ma kinitx deċiżjoni ta’ mument.  Le!  Kienet ħidma sabiħa.  L-imħabba ta’ Alla ħolqot il-kundizzjonijiet għal patt irrevokabbli, solidu, maħsub biex jibqa’ u jtul fiż-żmien.

 

Il-patt ta’ mħabba bejn ir-raġel u l-mara, patt għall-ħajja, ma jimprovizzahx, ma jaħdmux mil-lum għal għada.  Ma jeżistix iż-żwieġ express: l-imħabba trid taħdem fuqha, trid timxiha.  Il-patt ta’ mħabba bejn ir-raġel u l-mara huma jridu jitgħallmuh u jirfinawh.  Ippermettuli ngħid li hu patt artiġjanali.  Li minn żewġ ħajjiet tagħmel ħajja waħda, dan hu kważi miraklu, miraklu tal-libertà u tal-qalb, fdat f’idejn il-fidi.  Forsi hemm bżonn nistinkaw iżjed fuq dan il-punt, għax il-“kordinati sentimentali” tagħna marru xi ftit żmerċ.  Min jippretendi li jrid kollox u malajr, imbagħad ma’ l-ewwel diffikultà (jew ma’ l-ewwel okkażjoni) ukoll iċedi fuq kollox u malajr.  M’hemmx tama għall-fiduċja u l-fedeltà tad-don tiegħi nnifsi, jekk l-idea tiegħi ta’ mħabba qisha ta’ xi speċi ta’ “vitamina” tas-saħħa psikika-fiżika.  L-imħabba m’hix dan!  L-għerusija tqabbad fina r-rieda li flimkien inħarsu xi ħaġa li qatt m’għandha tiġi mixtrija jew mibjugħa, ittraduta jew abbandunata, tkun kemm tkun tħajrek l-offerta.  U anki Alla, meta jitkellem dwar il-patt mal-poplu tiegħu, dan kultant jagħmlu f’termini ta’ għerusija.  Fil-Ktieb ta’ Ġeremija, meta jkellem lill-poplu li tbiegħed minnU, ifakkru f’meta l-poplu kien l-“għarusa” ta’ Alla u hekk jgħidlu: “Ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek, fl-imħabba ta’ l-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja” (2:2).  U Alla nnifsu terraq din il-mixja ta’ għerusija; imbagħad jagħmel ukoll wegħda: smajnieh fil-bidu ta’ din l-udjenza, fil-Ktieb ta’ Hosegħa: “Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena, b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi, u int tagħraf lill-Mulej” (2:21-22).  Hi triq twila dik li l-Mulej jagħmel mal-poplu tiegħu f’din il-mixja ta’ għerusija.  Fl-aħħar Alla jiżżewweġ lill-poplu tiegħu f’Ġesù Kristu: f’Ġesù jiżżewweġ lill-Knisja.  Il-Poplu ta’ Alla hu l-għarusa ta’ Ġesù.  Imma xi triq twila!  U intom it-Taljani, fil-letteratura tagħkom għandkom kapulavur dwar l-għerusija [I Promessi Sposi].  Hemm bżonn li ż-żgħażagħ ikunu jafu bih, jaqrawh; hu kapulavur li jirrakkonta l-istorja ta’ l-għarajjes li għaddew minn tant tbatija, imxew triq mimlija b’tant diffikultajiet sakemm waslu fl-aħħar, għaż-żwieġ tagħhom.  Twarrbux dan il-kapulavur fuq l-għerusija li l-letteratura Taljana offriet propju lilkom.  Imxu, aqrawh u taraw il-ġmiel, it-tbatija, imma anki l-fedeltà ta’ l-għarajjes.

 

Il-Knisja, fl-għerf tagħha, tħares id-distinzjoni bejn l-għerusija u ż-żwieġ – m’humiex l-istess – propju fid-dawl ta’ kemm hu delikat u profond dan iż-żmien ta’ verifika.  Noqogħdu attenti li ma niddisprezzawx malajr dan it-tagħlim għaref, li hu msejjes ukoll fuq l-esperjenza ta’ l-imħabba konjugali megħjuxa bil-ferħ.  Is-simboli qawwija tal-ġisem fihom iċ-ċavetta tar-ruħ: ma nistgħux inqisu r-rabtiet tal-ġisem qisu xejn ma kien xejn, jekk ma rridux niftħu ġrieħi kbar fl-ispirtu (1 Kor 6:15-20).

 

Bla dubju, il-kultura u s-soċjetà tal-lum saru pjuttost indifferenti għad-delikatezza u s-serjetà ta’ dan il-passaġġ.  U min-naħa l-oħra, ma tistax tgħid li huma ġenerużi maż-żgħażagħ li għandhom intenzjoni serja li jibnu dar u jġibu t-tfal fid-dinja!  Anzi, spiss iqiegħdu elf xkiel, mentali u prattiku.  L-għerusija hi mixja tal-ħajja li trid timmatura bħall-frott, hi triq ta’ maturazzjoni fl-imħabba, sal-mument li fih issir żwieġ.

 

Il-korsijiet ta’ qabel iż-żwieġ huma espressjoni speċjali taż-żmien ta’ tħejjija.  U aħna naraw ħafna koppji, li forsi jiġu għall-kors xi ftit kontra qalbhom: “Imma dawn il-qassisin iridu jġagħluna nagħmlu kors!  Imma għaliex?  Aħna nafu!”… u jmorru għal dawn il-laqgħat kontra qalbhom.  Imma wara joħorġu kuntenti u jirringrazzjawna, għax fil-fatt hemm ikunu sabu l-okkażjoni – spiss l-unika waħda! – biex jirriflettu fuq l-esperjenza tagħhom f’termini li m’humiex banali.  Iva, ħafna koppji jkunu flimkien għal żmien twil, forsi anki f’intimità, xi drabi anki jgħixu flimkien taħt saqaf wieħed, imma ma jafux tassew lil xulxin.  Tidher stramba, imma l-esperjenza turi li hu hekk.  Għalhekk ta’ min jivvaluta mill-ġdid l-għerusija bħala żmien ta’ għarfien reċiproku u ta’ qsim ta’ proġett.  Il-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ għandna nħarsu lejha f’din il-perspettiva, billi nagħmlu użu wkoll mix-xhieda sempliċi imma intensa ta’ miżżewġin Insara.  U anki hawn infittxu dak li hu essenzjali: il-Bibbja, li ta’ min niskopruha mill-ġdid flimkien, b’mod għaref; it-talb, fid-dimensjoni liturġika tiegħu, imma anki f’dak it-“talb tad-dar”, li ngħixuh fil-familja, is-sagramenti, il-ħajja sagramentali, il-Qrar,… li fihom il-Mulej jiġi jgħammar fl-għarajjes u jħejjihom biex jilqgħu tassew wieħed lill-ieħor “bil-grazzja ta’ Kristu”; u l-fraternità mal-foqra, ma’ dawk fil-bżonn, li jipprovokawna biex ngħixu ħajja moderata u naqsmu dak li għandna ma’ l-oħrajn.  L-għarajjes li jimpenjaw ruħhom f’dan jikbru t-tnejn li huma u dan kollu jwassalhom biex iħejju ċelebrazzjoni sabiħa taż-Żwieġ b’mod differenti, mhux mondan imma b’mod Nisrani!  Ejjew naħsbu f’dawn il-kelmiet ta’ Alla li smajna meta Hu jkellem lill-poplu tiegħu kif ikellem għarus lil għarustu: Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena, b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi, u int tagħraf lill-Mulej” (Hos 2:21-22).  Kull koppja ta’ għarajjes għandha taħseb f’dan u tgħid lil xulxin: “Ngħarrsek miegħi”.  Nistennew dak il-mument; hu mument, hi mixja li timxi bil-mod ’il quddiem, imma hi mixja ta’ maturazzjoni.  It-tappi tal-mixja m’għandhomx jinqabżu.  Il-maturazzjoni hekk issir, pass wara pass.

 

Żmien l-għerusija jista’ jsir tabilħaqq żmien ta’ inizjazzjoni, għal xiex?  Għas-sorpriża!  Għas-sorpriża tad-doni spiritwali li bihom il-Mulej, permezz tal-Knisja, jagħni lix-xefaq tal-familja ġdida li hi miftuħa biex tgħix fil-barka tiegħu.  Issa jien nistedinkom titolbu lill-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth: Ġesù, Ġużeppi u Marija.  Itolbu biex il-familja tterraq din il-mixja ta’ tħejjija; u itolbu għall-għarajjes.  Nitolbu lill-Madonna lkoll flimkien, Sliema għall-għarajjes kollha, biex jistgħu jifhmu l-ġmiel ta’ din il-mixja lejn iż-Żwieġ.  [Sliem għalik…].  U lill-għarajjes li hawn fil-pjazza: “Il-mixja ta’ l-għerusija t-tajba!”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard