IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 27 ta’ April 2016

 

16. Mur u agħmel hekk int ukoll (ara Lq 10:25-37)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum se nirriflettu fuq il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37). Wieħed għaref tal-Liġi jġarrab lil Ġesù b’din il-mistoqsija: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 25). Ġesù jitolbu jagħtih hu stess it-tweġiba, u dak jagħtihielu b’mod perfett: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (v. 27). Għalhekk Ġesù jikkonkludi: “Agħmel hekk u tgħix” (v. 28).

 

Allura dak ir-raġel jagħmillu mistoqsija oħra, li għalina ssir prezzjuża ħafna: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (v. 29), u qed jifhem: “Il-qraba tiegħi? Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi? Dawk tat-twemmin tiegħi?…”. Insomma, irid regola ċara biex jista’ jikklassifika l-oħrajn fi “proxxmu” u “mhux proxxmu”, f’dawk li jistgħu jsiru proxxmu u f’dawk li ma jistgħux isiru proxxmu.

 

U Ġesù jwieġeb b’parabbola, li fiha jidħlu qassis, Levita u Samaritan. L-ewwel tnejn huma figuri marbuta mal-kult tat-Tempju; it-tielet hu Lhudi xiżmatiku, meqjus barrani, pagan u mniġġes, jiġifieri s-Samaritan. Fit-triq minn Ġerusalemm għal Ġeriko l-qassis u l-Levita jaħbtu f’raġel moribond, li l-ħallelin tat-triq ħabtu għalih, serquh, u telquh hemm għal mejjet. Il-Liġi tal-Mulej f’sitwazzjonijiet bħal dawn kienet tgħid li wieħed għandu jagħtih l-għajnuna, imma t-tnejn li huma jgħaddu minn biswitu bla ma jieqfu. Kienu mgħaġġla… Il-qassis, aktarx, ħares lejn l-arloġġ u qal bejn u bejn ruħu: “Imma ħa nasal tard għall-Quddiesa… Għad fadalli nqaddes”. U l-ieħor qal: “Imma ma nafx il-Liġi tippermettilix, għax hemm id-demm hemm u mbagħad nitniġġes…”. Jgħaddu minn triq oħra u ma jersqux lejh biex jgħinuh. U hawn il-parabbola toffrilna l-ewwel tagħlima: m’hix ħaġa awtomatika li min jiffrekwenta d-dar ta’ Alla u daq il-ħniena tiegħu, jaf iħobb lill-proxxmu tiegħu. M’hix ħaġa awtomatika! Tista’ tkun taf il-Bibbja kollha, tista’ tkun taf ir-rubriki liturġiċi kollha, tista’ tkun taf it-teoloġija kollha, imma m’hix ħaġa awtomatika li mill-għerf tgħaddi għall-imħabba: li tħobb hi triq oħra, titlob intelliġenza, imma anki xi ħaġa iżjed minn hekk… Il-qassis u l-Levita jaraw, imma jinjoraw; iħarsu, imma ma jagħmlu xejn. U safrattant ma jeżistix tassew kult jekk dan ma jinbidilx f’qadi lill-proxxmu. Ma ninsewha qatt din: quddiem it-tbatija ta’ tant nies mifnija bil-ġuħ, bil-vjolenza u bl-inġustizzji, ma nistgħux nibqgħu spettaturi. Ninjoraw it-tbatija tal-bniedem, xi jfisser dan? Ifisser ninjoraw lil Alla! Jekk jien ma nersaqx qrib ta’ dak ir-raġel, ta’ dik il-mara, ta’ dik it-tarbija, ta’ dak l-anzjan jew dik l-anzjana li qed tbati, qrib ta’ Alla ma nkunx qed nersaq.

 

Imma niġu għall-qalba tal-parabbola: is-Samaritan, jiġifieri propju dak li kien imkasbar, dak li ħadd ma ried jaf bih għal xejn, u li safrattant anki hu kellu l-impenji u l-ħwejjeġ tiegħu x’jagħmel, meta jilmaħ lil dak ir-raġel midrub, ma jibqax għaddej bħat-tnejn l-oħrajn, li kienu marbuta mat-Tempju, imma “tħassru” (v. 33). Hekk jgħid il-Vanġelu: “Tħassru”, jiġifieri l-qalb, il-ġewwieni, iċċaqalqu minn posthom! Din hi d-differenza. It-tnejn l-oħra “raw”, imma l-qlub tagħhom baqgħu magħluqa, berdin. Imma l-qalb tas-Samaritan kienet f’sintonija ma’ l-istess qalb ta’ Alla. Fil-fatt, il-“kompassjoni” hi karatteristika essenzjali tal-ħniena ta’ Alla. Alla jitħassarna. Xi jfisser dan? Ibati magħna, it-tbatija tagħna hu jħossha wkoll. Kompassjoni tfisser “tbati ma’”. Il-verb juri li l-ġewwieni jiċċaqlaq u jitkexkex quddiem il-ħażen tal-bniedem. U fil-ġesti u fl-għemejjel tas-Samaritan it-tajjeb naraw kif taħdem il-ħniena ta’ Alla fl-istorja kollha tas-salvazzjoni. Hi l-istess kompassjoni li biha l-Mulej jiġi jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna: Hu ma jibqax għaddej minn fejnna, jaf x’inhu l-uġigħ tagħna, jaf kemm neħtieġu l-għajnuna u l-faraġ. Jersaq qrib tagħna u ma jitlaqna qatt. Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi u jwieġeb lilu nnifsu fil-qalb tiegħu: “Jiena dan nemmnu? Jiena nemmen li l-Mulej tiġih ħniena minni, hekk kif jien, midneb, b’tant problemi u tant affarijiet?”. Naħsbu f’dan u t-tweġiba hi: “Iva!”. Imma kull wieħed irid ifittex fil-qalb tiegħu jekk jemminx f’din il-kompassjoni ta’ Alla, ta’ Alla twajjeb li jersaq lejna, ifejjaqna, iżiegħel bina. U jekk aħna niċħduh, Hu jibqa’ jistenna: jistabar u hu dejjem qrib tagħna.

 

Is-Samaritan iġib ruħu bi ħniena tassew: jinfaxxa l-ġrieħi ta’ dak il-bniedem, iwasslu f’lukanda, personalment jieħu ħsiebu u jipprovdi għal dak li għandu bżonn. Dan kollu jgħallimna li l-kompassjoni, l-imħabba, m’hix sentiment fl-arja, imma tfisser li nieħdu ħsieb tal-persuna u noħorġu minn butna wkoll. Ifisser li niċċappsu, u nagħmlu l-passi kollha meħtieġa biex “noqorbu” lejn il-persuna l-oħra sa ma nimmedeżimaw ruħna magħha: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Dan hu l-Kmandament tal-Mulej.

 

Meta jkun għalaq il-parabbola, Ġesù jdawwar il-mistoqsija ta’ l-għaref tal-Liġi u jistaqsih: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqaf’idejn il-ħallelin?” (v. 36). It-tweġiba sa fl-aħħar hi ċara: “Min ħenn għalih” (v. 27). Fil-bidu tal-parabbola għall-qassis u għal-Levita l-proxxmu kien il-moribond; fi tmiemha, il-proxxmu hu s-Samaritan li resaq qrib tal-persuna fil-bżonn. Ġesù jaqleb il-perspettiva ta’ taħt fuq: Toqgħodx tikklassifika lill-oħrajn biex tara min hu proxxmu u min m’hux. Int tista’ ssir il-proxxmu ta’ kull min tiltaqa’ miegħu u hu fil-bżonn, u tista’ tkun hekk jekk fil-qalb tiegħek għandek il-kompassjoni, jiġifieri jekk kapaċi tbati mal-persuna l-oħra.

 

Din il-parabbola hi rigal ta’ l-għaġeb għalina lkoll, u anki impenn! Lil kull wieħed u waħda minna Ġesù qed itenni dak li qal lill-għaref tal-Liġi: “Mur u agħmel hekk int ukoll” (v. 37). Aħna lkoll imsejħa nterrqu l-istess mixja tas-Samaritan it-tajjeb, li hu figura ta’ Kristu: Ġesù tbaxxa lejna, sar l-ilsir tagħna, u hekk fdiena, biex aħna wkoll stajna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu, bl-istess mod.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard