IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Jannar 2016

 

5. Alla jisma’ l-karba u jagħmel patt

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-Iskrittura Mqaddsa, il-ħniena ta’ Alla hi preżenti tul l-istorja kollha tal-poplu ta’ Israel.

 

Bil-ħniena tiegħu, il-Mulej isieħeb il-mixja tal-Patrijarki, jibgħatilhom l-ulied għad li ma jistax ikollhom tfal, imexxihom tul mogħdijiet ta’ grazzja u ta’ rikonċiljazzjoni, kif turi l-istorja ta’ Ġużeppi u ħutu (ara Ġen 37-50).  U hawn naħseb f’tant aħwa fl-istess familja li tbiegħdu minn xulxin u ma jitkellmux.  Imma din is-Sena tal-Ħniena hi okkażjoni tajba biex jerġgħu jsibu lil xulxin, jitgħannqu u jaħfru lil xulxin u jinsew il-ħwejjeġ koroh.  Imma, kif nafu, fl-Eġittu l-ħajja għall-poplu ssir iebsa.  U hu propju meta l-Israeliti jkunu waslu fit-tarf, li l-Mulej jindaħal u jġib is-salvazzjoni.

 

Naqraw fil-Ktieb ta’ l-Eżodu: “Għadda ż-żmien u miet is-sultan ta’ l-Eġittu; u wlied Israel bdew jitniehdu taħt il-jasar u jgħajtu.  L-għajat tagħhom mill-jasar wasal sa għand Alla.  U Alla sama’ l-krib tagħhom u ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb.  Alla xeħet ħarstu fuq ulied Israel u ra f’liema stat kienu” (2:23-25).  Il-ħniena ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem it-tbatija tal-maħqurin, quddiem il-karba ta’ min hu mgħaffeġ mill-vjolenza, imjassar, ikkundannat għall-mewt.  Hi realtà ta’ swied il-qalb li tolqot lil kull epoka, inkluża din tagħna, u li spiss iġġagħalna nħossuna bla saħħa, ittentati li nwebbsu qalbna u naħsbu fi ħwejjeġ oħra.  Imma Alla “m’hux indifferenti” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2016, 1), qatt ma jwarrab ħarstu minn fuq it-tbatija tal-bniedem.  Alla tal-ħniena jwieġeb u jieħu ħsieb tal-foqra, ta’ dawk li qed jokorbu bid-disperazzjoni.  Alla jisma’ u jindaħal biex isalva, u jibgħat nies kapaċi jisimgħu l-krib tat-tbatija u jaħdmu b’risq il-maħqurin.

 

U hekk tibda l-istorja ta’ Mosè bħala medjatur ta’ ħelsien għall-poplu.  Hu jaffronta lill-Fargħun biex jikkonvinċih iħalli lil Israel jitlaq; u mbagħad imexxi lill-poplu, jgħaddih mill-Baħar l-Aħmar u d-deżert, lejn il-ħelsien.  Mosè, li meta kien għadu tarbija tat-twelid il-ħniena divina ħelsitu minn ħalq il-mewt fl-ilmijiet tan-Nil, isir medjatur ta’ dik l-istess ħniena, u hekk jagħti lill-poplu l-possibbiltà li jitwieled għall-ħelsien, mifdi minn qalb l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar.  U anki aħna f’din is-Sena tal-Ħniena nistgħu nwettqu din il-ħidma li nkunu medjaturi ta’ ħniena bl-opri tal-ħniena biex nersqu eqreb ta’ l-oħrajn, noffrulhom serħan, biex inġibu l-għaqda.  Hemm tant ħwejjeġ tajba x’nistgħu nagħmlu.

 

Il-ħniena ta’ Alla taġixxi dejjem biex tifdi.  Kollox bil-kontra ta’ l-opra ta’ dawk li jaġixxu dejjem biex joqtlu: ngħidu aħna, dawk li jagħmlu l-gwerer.  Il-Mulej, permezz tal-qaddej tiegħu Mosè, imexxi lil Israel fid-deżert qisu kien ibnu, jedukah fil-fidi u jagħmel patt miegħu, u hekk joħloq rabta ta’ mħabba l-aktar qawwija, bħal dak tal-missier ma’ ibnu u tar-raġel ma’ martu.

 

Il-ħniena divina tilħaq lil kulħadd.  Alla jipproponi relazzjoni ta’ mħabba partikulari, esklussiva, ipprivileġġjata.  Meta jagħti istruzzjonijiet lil Mosè dwar il-patt, jgħidlu: “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.  Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis” (Eż 19:5-6).

 

Daż-żgur, l-art diġà hi kollha kemm hi ta’ Alla, għax hu ħalaqha; imma l-poplu jsir għaliH pussess differenti, speċjali: ir-“riserva ta’ deheb u fidda” personali tiegħu, bħal dik li s-Sultan David sostna li kien ta għall-bini tat-Tempju.

 

Mela hekk insiru aħna għal Alla meta nilqgħu l-patt tiegħu u nħalluH isalvana.  Il-ħniena tal-Mulej tagħmel lill-bniedem prezzjuż, bħal għana u ġid personali li hu Tiegħu, li Hu jieħu ħsieb u bih jitgħaxxaq.

 

Dawn huma l-għeġubijiet tal-ħniena divina, li tilħaq il-milja tagħha fil-Mulej Ġesù, f’dak il-“patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem” ikkunsmat fid-demm tiegħu, li bil-maħfra jeqred id-dnub tagħna u jagħmilna darba għal dejjem ulied Alla (ara 1 Ġw 3:1), ġawhar prezzjuż f’idejn il-Missier twajjeb u ħanin.  U jekk aħna wlied Alla u dan il-wirt jista’ jkun tagħna – dak tat-tjieba u tal-ħniena – f’konfront ma’ l-oħrajn, nitolbu lill-Mulej li f’din is-Sena tal-Ħniena anki aħna nwettqu ħwejjeġ ta’ ħniena; niftħu qalbna biex naslu għand kulħadd bl-opri tal-ħniena, il-wirt ħanin li Alla l-Missier wera magħna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard