IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2016

 

34. Ilqa’ lill-barrani u Libbes lil min hu għarwien

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nissoktaw bir-riflessjoni tagħna fuq l-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem, li l-Mulej Ġesù tana biex inżommu ħajja u ħawtiela l-fidi tagħna. Fil-fatt, dawn l-għemejjel juru biċ-ċar li l-Insara mhumiex għajjenin u għażżenin fl-istennija tal-laqgħa aħħarija mal-Mulej, imma ta’ kuljum jimxu lejh, u jagħrfu l-wiċċ tiegħu f’dak ta’ tant persuni li jitolbuhom l-għajnuna. Illum se nieqfu fuq din il-kelma ta’ Ġesù: “Kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni” (Mt 25:35-36). Fi żminijietna hi attwali iżjed minn qatt qabel il-ħidma mal-barranin. Il-kriżi ekonomika, il-ġlied bl-armi u l-bidliet fil-klima jwasslu lil tant persuni biex jemigraw. Madankollu, l-immigrazzjoni mhix xi fenomenu ġdid, imma hi parti mill-istorja tal-bniedem. Inkunu qed nitilfu l-memorja tal-istorja jekk naħsbu li hi ħaġa biss ta’ żmienna.

 

Il-Bibbja toffrilna bosta eżempji konkreti ta’ immigrazzjoni. Biżżejjed naħsbu f’Abraham. Is-sejħa ta’ Alla ġġagħalu jħalli pajjiżu biex imur f’ieħor: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik” (Ġen 12:1). U hekk ukoll ġralu l-poplu ta’ Israel, li mill-Eġittu, fejn kien ilsir, telaq miexi għal erbgħin sena sħaħ fid-deżert sa ma wasal fl-art imwiegħda lilu minn Alla. L-istess Familja Mqaddsa – Marija, Ġużeppi u ċ-ċkejken Ġesù – kellha temigra biex taħrab mit-theddida ta’ Erodi: “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqahemmhekk sal-mewt ta’ Erodi” (Mt 2:14-15). L-istorja tal-bnedmin hi storja ta’ immigrazzjoni: f’kull saff tal-globu, m’hemmx poplu li ma ħabbatx wiċċu mal-fenomenu migratorju.

 

Matul is-sekli hawn assistejna għal espressjonijiet għolja ta’ solidarjetà, anki jekk ma naqsux tensjonijiet soċjali. Illum, il-kuntest tal-kriżi ekonomika sfortunatament jiffavorixxi l-ħolqien ta’ mġibiet ta’ għeluq u li ma jilqgħux lill-oħrajn. F’xi partijiet tad-dinja jitilgħu ħitan u fruntieri. Xi drabi donnu l-ħidma siekta ta’ tant irġiel u nisa li, b’diversi modi, tant jitħabtu biex jgħinu u jassistu lir-refuġjati u l-immigranti, tisfa’ mdallma mill-istorbju ta’ oħrajn li jagħtu wisa’ għal egoiżmu impulsiv. Imma l-għeluq mhux soluzzjoni, anzi, jispiċċa jwassal għat-traffikar kriminali. L-unika triq ta’ soluzzjoni hi dik tas-solidarjetà. Solidarjetà mal-immigrant, solidarjetà mal-barrani…

 

L-impenn tal-Insara f’dan il-qasam hu urġenti llum daqs qatt qabel. Jekk inħarsu biss lejn is-seklu li għadda, niftakru fil-figura stupenda ta’ Santa Francesca Cabrini, li flimkien ma’ sħabha ddedikat ħajjitha għall-immigranti lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. Anki llum għandna bżonn ta’ dawn ix-xhieda biex il-ħniena tista’ tilħaq tant nies fil-bżonn. Hu impenn li jinvolvi lil kulħadd, ħadd ma għandu jibqa’ barra. Id-djoċesijiet, il-parroċċi, l-istituti ta’ ħajja kkonsagrata, l-għaqdiet u l-movimenti, kif ukoll l-Insara individwali, aħna lkoll imsejħin nilqgħu lil ħutna li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-ġuħ, mill-vjolenza u minn kundizzjonijiet ta’ ħajja xejn umani. Ilkoll flimkien aħna forza kbira ta’ għajnuna lil dawk li sfaw imkeċċija minn pajjiżhom, u tilfu familja, xogħol u dinjità. Xi jiem ilu, seħħet storja ċkejkna, hawn fil-belt. Kien hemm rifuġjat qed ifittex triq u waħda mara resqet lejh u qaltlu: “Qed tfittex xi ħaġa?”. Kien ħafi, dak ir-rifuġjat. U hu qalilha: “Nixtieq immur San Pietru biex ngħaddi mill-Bieb Imqaddes”. U dik il-mara bejnha u bejn ruħha qalet: “Imma bla żarbun kif ħa jimxi?”. U ċemplet lil tat-taxì. Imma dak l-immigrant, dak ir-rifuġjat kien jinten u x-xufier tat-taxì bħal donnu ma riedx iħallih jirkeb, imma fl-aħħar ħallieh jitla’ fil-karozza. U l-mara, maġenbu, tul il-vjaġġ qagħdet tistaqsih ftit fuq l-istorja tiegħu ta’ rifuġjat u ta’ immigrant: l-għaxar minuti sakemm wasal hawn. Dan ir-raġel irrakkonta l-istorja tiegħu ta’ tbatija, ta’ gwerra, ta’ ġuħ u għaliex kien ħarab minn pajjiżu biex emigra ’l hawn. Meta waslu, il-mara fetħet il-portmoni tagħha biex tħallas lix-xufier, imma x-xufier, li għall-bidu ma riedx lil dan l-immigrant jirkeb miegħu għax kien jinten, qal lill-mara: “Le, sinjura, huwa jien li rrid inħallsek għax bis-saħħa tiegħek smajt storja li bidlitli qalbi”. Din il-mara kienet taf x’inhu l-uġigħ ta’ immigrant, għax kellha demmha Armen u kienet taf it-tbatija tal-poplu tagħha. Meta aħna nagħmlu xi ħaġa hekk, għall-bidu nitqażżuha għax tagħmilna xi ftit skomdi, “le… jinten…”. Imma fl-aħħar, l-istorja tfewħilna lil ruħna u tibdilna. Aħsbu f’din l-istorja u naħsbu x’nistgħu nagħmlu għar-rifuġjati.

 

U l-ħaġa l-oħra hi li nlibbsu lil min hu għarwien: xi jfisser dan jekk mhux li rroddu d-dinjità lil min tilifha? Bla dubju, għandna nagħtu x’jilbes lil min m’għandux; imma naħsbu wkoll fin-nisa vittmi tan-negozju u mixħuta fit-triq, jew fl-oħrajn, tant modi kif il-ġisem tal-bniedem qed jintuża bħala merċa, saħansitra dak tat-tfal. U hekk, anki dik ta’ min m’għandux xogħol, dar, paga ġusta hi xorta ta’ għera, jew li xi ħadd ikun diskriminat minħabba razza, jew fidi, dawn huma kollha xorta ta’ “għera”, li quddiemhom bħala Nsara aħna msejħa nkunu attenti, għassa u lesti biex naġixxu.

 

Għeżież ħuti, ejjew ma naqgħux fin-nassa li ningħalqu fina nfusna, indifferenti għall-ħtiġijiet ta’ ħutna u mħabbta biss bl-interessi tagħna. Hu sewwasew skont kemm niftħu qalbna għall-oħrajn li l-ħajja ssir għammiela, is-soċjetajiet jiksbu mill-ġdid il-paċi, u lill-persuni tintraddilhom id-dinjità sħiħa tagħhom. U tinsewhiex dik il-mara, tinsewhx dak l-immigrant jinten, u tinsewx lix-xufier li lilu l-immigrant kien bidillu ħajtu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard