IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 25 ta’ Mejju 2016

 

20. It-talb għajn ta’ Ħniena (ara Lq 18:1-8)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-parabbola li għadna kemm smajna mill-Vanġelu (ara Lq 18:1-8) fiha tagħlima importanti: “Għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (v. 1). Mela qed nitkellmu mhux fuq li nitolbu darba, meta jfettlilna. Le, Ġesù qed jgħidilna li għandna “nitolbu dejjem, bla ma naqtgħu”. U jġibilna l-eżempju ta’ l-armla u l-imħallef.

 

L-imħallef hu persuna b’saħħitha, imsejħa biex taqta’ sentenzi skond il-Liġi ta’ Mosè. Għalhekk it-tradizzjoni Biblika kienet tirrikkmanda li l-imħallfin ikunu persuni li għandhom il-biża’ ta’ Alla, denji tal-fidi, imparzjali u li ma jikkorrompux ruħhom (ara Eż 18:21). Għall-kuntrarju, dan l-imħallef “la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd” (v. 2). Kien imħallef inġust, bla skrupli, li ma kienx jagħti kas tal-Liġi imma kien jagħmel dak li jrid, skond l-interessi tiegħu. Għandu tmur waħda armla biex jagħmlilha ħaqq. Ir-romol, flimkien ma’ l-iltiema u l-barranin, kienu l-iktar kategoriji dgħajfa tas-soċjetà. Il-jeddijiet li kienet tiżguralhom il-Liġi setgħu jiġu mżebilħa faċilment għax, billi kienu persuni waħidhom u li ma kellhom lil ħadd jiddefendihom, diffiċilment kellhom siwi f’għajnejn xi ħadd: armla, hemm, waħidha, bla m’għandha ħadd min jaqbeż għaliha, setgħu ma jagħtux kasha, u lanqas jagħmlulha ħaqq. Hekk ukoll l-iltim, hekk ukoll il-barrani, l-immigrant: f’dak iż-żmien din il-problematika kienet b’saħħitha ħafna. Quddiem l-indifferenza ta’ l-imħallef, l-armla ddur għall-arma waħdanija li għandha: li b’insistenza kbira tkompli ddejqu, billi tressaqlu t-talba tagħha biex jagħmlilha ħaqq. U propju b’din il-perseveranza tilħaq l-iskop tagħha. Fil-fatt, l-imħallef, f’ċertu punt jisma’ talbha, mhux għax hu mqanqal mill-ħniena, lanqas għax il-kuxjenza timponilu dan; sempliċement jammetti: “Għax din l-armla dejqitni, ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini” (v. 5).

 

Minn din il-parabbola Ġesù joħroġ b’konklużjoni doppja: jekk l-armla bit-talbiet insistenti tagħha rnexxielha tikkonvinċi lill-imħallef diżonest, forsi Alla, li hu Missier tajjeb u ġust, iżjed u iżjed “lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq”; u barra minn hekk “se joqgħod itawwal magħhom”, flok jaġixxi “malajr” (vv. 7-8).

 

Għalhekk Ġesù jsejħilna biex nitolbu “bla ma naqtgħu”. Kollha ngħaddu minn mumenti ta’ għeja u ta’ qtigħ il-qalb, fuq kollox meta t-talba tagħna donnha m’hix tħalli frott. Imma Ġesù jiżgurana: b’differenza mill-imħallef diżonest, Alla malajr jisma’ lil uliedu, anki jekk dan ma jfissirx li jagħmlu skond iż-żminijiet u bil-manjiera li rridu aħna. It-talb m’hux xi bakketta maġika! Hu jgħinna nżommu sħiħa l-fidi tagħna f’Alla, biex nafdaw Fih imqar meta ma nifhmux ir-rieda tiegħu. F’dan, Ġesù nnifsu – li tant kien jitlob! – hu ta’ eżempju għalina. L-Ittra lil-Lhud tfakkarna li “meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla” (5:7). Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn din l-affermazzjoni ma tantx tidher possibbli, għax Ġesù miet fuq is-salib. Imma l-Ittra lil-Lhud m’hix tiżbalja: Alla tassew salva lil Ġesù mill-mewt u tah rebħa sħiħa fuqha, imma t-triq li mexa biex kiseb din ir-rebħa kellha tgħaddi mill-mewt infisha! Ir-riferiment għas-supplika li Alla sema’ jfakkarna fit-talba ta’ Ġesù fil-Ġetsemani. Mifni mill-ħsieb tat-tbatija li kienet ġejja fuqu, Ġesù jitlob lill-Missier jeħilsu mill-kalċi morr tal-passjoni, imma t-talba tiegħu hi mimlija fiduċja fil-Missier, dik il-fiduċja għamja fir-rieda tiegħu: “Imma”, jgħid Ġesù, “mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39). L-oġġett tat-talb jaqa’ fit-tieni post; dak li jiswa qabel kollox hu r-relazzjoni mal-Missier. Araw x’jagħmel it-talb: jittrasforma x-xewqa u jsawwarha skond ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi din ir-rieda, għax min jitlob jixxennaq qabel xejn għall-għaqda tiegħu ma’ Alla, li hu Mħabba ħanina.

 

Il-parabbola tagħlaq b’mistoqsija: “Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (v. 8). U b’din il-mistoqsija kollha qed niġu mwissijin: m’għandniex naqtgħu qalbna nitolbu, anki jekk ma nsibux tweġiba. Hu t-talb li jżomm il-fidi ħajja, mingħajru l-fidi togħtor! Nitolbu lill-Mulej fidi li ssir talba bla waqfien, perseveranti, bħal dik ta’ l-armla tal-parabbola, fidi li tixrob qawwietha mix-xewqa għall-miġja tiegħu. U fit-talb induqu l-mogħdrija ta’ Alla, li bħala Missier jiġi jiltaqa’ ma’ wliedu kollu mħabba ħanina għalihom.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard