Kont ħejjejt il-katekeżi tal-lum, bħal kull Erbgħa ieħor ta’ din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, bit-tema tal-qrubija ta’ Ġesù lejna, imma quddiem l-aħbar tat-terremot li laqat l-Italja ċentrali, li fena zoni sħaħ u ħalla ħafna mejta u midruba, ma nistax ma nesprimix in-niket kbir tiegħi u l-qrubija tiegħi lejn il-persuni kollha preżenti fil-postijiet milquta mit-terremot, lejn il-persuna kollha li tilfu l-għeżież tagħhom u dawk li għadhom iħossuhom mħeżża mill-biża’ u mit-terrur. Ħassejtni tassew milqut nisma’ lis-Sidku ta’ Amatrice jgħid: “Ir-raħal m’għadux jeżisti”, u li fost il-mejtin hemm anki trabi u tfal.

 

U għalhekk nixtieq niżgura lil dawn il-persuni kollha – fl-inħawi ta’ Accumoli, Amatrice u oħrajn, fid-Djoċesi ta’ Rieti u ta’ Ascoli Piceno u fil-Lazio, fl-Umbrija u fil-Marche – mit-talb tiegħi u ngħidilhom li jistgħu jibqgħu żguri mill-għożża u t-tgħanniqa tal-Knisja kollha li bħalissa tixtieq trosskom magħha bi mħabbitha ta’ omm, anki mit-tgħanniqa tagħna, hawn, fil-pjazza.

 

Nirringrazzja lill-voluntiera u l-ħaddiema kollha tal-protezzjoni ċivili li qed jgħinu lil dawn in-nies, u nitlobkom tingħaqdu miegħi fit-talb biex il-Mulej Ġesù, li dejjem tqanqal quddiem it-tbatija tal-bniedem, ifarraġ lil dawn il-qlub maqsuma u bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija jagħtihom is-sliem.

 

Ejjew nitqanqlu flimkien ma’ Ġesù.

 

Għalhekk inħallu għall-ġimgħa d-dieħla l-katekeżi ta’ dan l-Erbgħa. U nistedinkom titolbu miegħi parti mir-Rużarju: “il-Misteri tat-Tbatija”.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard