IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Frar 2016

 

8. Ħniena u Poter

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna dwar il-ħniena fl-Iskrittura Mqaddsa.  F’diversi partijiet jissemmew is-setgħana, is-slaten, il-bnedmin li qegħdin “fil-għoli”, u anki l-arroganza tagħhom u l-abbuż tal-poter.  L-għana u l-poter huma realtajiet li jistgħu jkunu tajbin u siewja għall-ġid komuni, jekk imqiegħda għas-servizz tal-foqra u ta’ kulħadd, b’ġustizzja u mħabba.  Imma meta, kif jiġri ta’ spiss, wieħed jgħixhom bħala privileġġ, b’egoiżmu u prepotenza, jinbidlu f’għodda ta’ korruzzjoni u mewt.  Dan hu li jiġri fl-episodju ta’ l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot, irrakkuntat fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten, fil-kapitlu 21, li fuqu sa nieqfu nirriflettu l-lum.

 

F’din is-silta naqraw kif is-sultan ta’ Israel, Aħab, ried jixtri l-għalqa ta’ wieħed jismu Nabot, għax din l-għalqa kienet tmiss mal-palazz irjali.  Il-proposta tidher leġittima, saħansitra ġeneruża, imma f’Israel il-propjetà ta’ l-art kienet meqjusa kważi inaljenabbli.  Fil-fatt il-ktieb tal-Levitiku hekk jistipula: “L-art, imbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi” (Lev 25:23).  L-art hi qaddisa, għax hi don ta’ Alla, u għalhekk għandha tiġi mħarsa u miżmuma hekk, bħala sinjal tal-barka divina li tgħaddi minn nisel għal nisel u garanzija ta’ dinjità għal kulħadd.  Allura wieħed jifhem għaliex Nabot lis-sultan qallu le: “Iħarisni l-Mulej milli qatt nagħtik wirt missirijieti” (1 Slat 21:3).

 

Għal dan ir-rifjut is-sultan Aħab irreaġixxa b’diqa u korla.  Ħassu offiż – hu s-sultan, dak li għandu s-setgħa –, umiljat fl-awtorità tiegħu ta’ sovran, u ffrustrat fil-possibbiltà li jissodisfa x-xewqa tiegħu li jikseb xi ħaġa.  Meta ratu daqshekk ħosbien, martu Ġeżabel, sultana pagana li kienet kebbset f’Israel il-kulti ta’ idolatrija u qatlet il-profeti tal-Mulej (ara 1 Slat 18:4), – ma kinitx kerha, kienet kattiva! – iddeċidiet li tidħol hi fin-nofs.  Il-kelmiet li bihom iddur fuq is-sultan għandhom sinifikat qawwi ħafna.  Isimgħu l-ħażen wara din il-mara: “Issa int tridha ta sultan fuq Israel?  Qum, ħu xi ħaġa ta l-ikel, u tieħu r-ruħ.  Jiena nagħtihielek l-għalqa tad-dwieli ta Nabot, il-Ġeżragħeli” (v. 7).  Hi tagħfas fuq il-prestiġju u fuq is-setgħa tas-sultan, li, skond kif kienet taraha hi, kienu qed jiġu mhedda mir-rifjut ta’ Nabot.  Poter li min-naħa tagħha hi kienet tqisu assolut, u li għalih kull xewqa tas-sultan setgħan issir ordni.  Il-kbir Sant’Ambroġ kiteb ktejjeb ċkejken fuq din il-ġrajja.  Jismu “Nabot”.  Sew kieku naqrawh f’dan iż-żmien tar-Randan.  Hu sabiħ ħafna, konkret ħafna.

 

Ġesù, meta jfakkarna f’dawn il-ħwejjeġ, jgħidilna: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.  Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20:25-27).  Jekk nitilfu d-dimensjoni tal-qadi, is-setgħa tinbidel f’arroganza u ssir ħakma u abbuż tal-poter.  Dan hu sewwa sew li jiġri fl-episodju ta’ l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot.  Ġeżabel, is-sultana, bla skrupli ta’ xejn, tiddeċiedi li teqred lil Nabot u twettaq il-pjan li ħmiet f’moħħha.  Tinqeda bil-qerq ta’ legalità perversa: tibgħat, f’isem is-sultan, ittri lix-xjuħ u lill-kbarat tal-belt tordnalhom iqabbdu xhieda foloz li jixlu pubblikament lil Nabot li seħet lil Alla u lis-sultan, att kriminali li l-kastig għalih kien il-mewt.  Hekk, meta Nabot ikun miet, is-sultan ikun jista’ jieħu f’idejh l-għalqa tad-dwieli tiegħu.  U din m’hix xi storja ta’ dari, hi anki l-istorja tal-lum, tas-setgħana li biex jagħmlu iktar flus lesti li jabbużaw mill-foqra, jabbużaw min-nies.  Hi l-istorja tat-traffikar tal-persuni, tax-xogħol imjassar, tan-nies foqra li jitħaddmu kontra l-liġi u b’pagi baxxi biex jimlew il-bwiet ta’ min hu b’saħħtu.  Hi l-istorja tal-politiċi korrotti li jridu iżjed u iżjed u iżjed!  Għalhekk għidtilkom li nagħmlu sew naqraw dak il-ktieb ta’ Sant’Ambroġ dwar Nabot, għax hu ktieb attwali ħafna.

 

Sa hawn iwassal it-tħaddim ta’ awtorità bla rispett għall-ħajja, bla ġustizzja, bla ħniena.  Araw naqra fejn iwassal l-għatx għall-poter: isir kilba li trid taħtaf kollox.  F’dan ir-rigward, nistgħu niddawlu partikularment minn silta mill-profeta Isaija.  Fiha, il-Mulej jiftħilna għajnejna mir-regħba tas-sidien għonja ta’ l-art li dejjem iridu jaħtfu taħt idejhom iżjed djar u artijiet.  U jgħid il-profeta Isaija:

 

Gwaj għal dawk li jżidu dar ma’ dar,

u jgħaqqdu għalqa ma’ għalqa,

sakemm ma jibqax aktar wisa

u tibqgħu tgħammru weħidkom

f’nofs il-pajjiż!” (Is 5:8).

 

U l-profeta Isaija ma kienx Komunista!  Imma Alla hu ogħla mill-ħażen u mil-logħob maħmuġ tal-bnedmin.  Fil-ħniena tiegħu hu jibgħat lill-profeta Elija biex jgħin lil Aħab jikkonverti.  Issa naqilbu l-paġna, u kif tkompli l-istorja?  Alla jara dan l-att kriminali u jħabbat ukoll fuq il-qalb ta’ Aħab, u s-sultan, meta jsib ruħu wiċċ imb’wiċċ mad-dnub tiegħu, jifhem, jiċċekken u jitlob maħfra.  Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku dawk li l-lum qed jabbużaw mis-setgħa tagħhom kellhom jagħmlu l-istess!  Il-Mulej jilqa’ l-indiema tiegħu; madankollu, ġiet maqtula ħajja innoċenti, u l-ħtija li saret għandha konsegwenzi li wieħed ma jistax jaħrab minnhom.  Il-ħażen li twettaq fil-fatt iħalli l-marki koroh tiegħu, u l-istorja tal-bnedmin iġġorr il-ġrieħi tiegħu.

 

Il-ħniena anki hawn turina t-triq għalliema li għandna nimxu.  Il-ħniena tista’ tfejjaq il-ġrieħi u tista’ tibdel l-istorja.  Iftaħ qalbek għall-ħniena!  Il-Ħniena divina hi aqwa mid-dnub tal-bnedmin.  Hi aktar b’saħħitha, dan hu l-eżempju li nsibu fl-istorja ta’ Aħab!  Aħna nagħrfu x’qawwa għandha meta niftakru fil-miġja ta’ l-Iben Innoċenti ta’ Alla li sar bniedem biex bil-maħfra tiegħu jeqred il-ħażen.  Ġesù Kristu hu s-sultan veru, imma s-setgħa tiegħu hi għal kollox differenti.  It-tron tiegħu hu s-salib.  Hu m’huwiex sultan li joqtol, imma għall-kuntrarju, jagħti l-ħajja.  Hu joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd, speċjalment ma’ l-iżjed dgħajfa, u b’dan il-mod jegħleb is-solitudni u d-destin tal-mewt li għalihom iwassal id-dnub.  Ġesù Kristu bil-qrubija u l-ħlewwa tiegħu jdaħħal lill-midinbin fl-ispazju tal-grazzja u tal-maħfra.  U din hi l-ħniena ta’ Alla.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard