Tislima lill-morda u tfal qabel l-Udjenza

 

L-għodwa t-tajba lil kulħadd, insellmilkom, u grazzi li ġejtu.

 

Aħjar li qgħadtu hawn ġew, għax il-kesħa. Tistgħu taraw l-udjenza fuq l-iskrin, u mill-pjazza jaraw lilkom. Ikkollegati. Hekk tkunu iżjed trankwilli, bogħod mill-kesħa, bilqiegħda… Anki t-tfal iż-żgħar nett jistgħu jilagħbu u hekk kollox jimxi iktar ħarir.

 

Issa rrid nagħtikom il-barka tiegħi. Nitolbu lill-Madonna. Bilqiegħda, kulħadd bilqiegħda…

 

[Sliema u barka]

 

Il-ġurnata t-tajba u itolbu għalija, ċaw! Allura, kif jagħmlu t-tfal? Ċaw ċaw!

 


 

KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Il-Vjaġġ Appostoliku fiċ-Ċilì u l-Perù

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Din l-udjenza qed nagħmluha f’żewġ postijiet ikkollegati ma’ xulxin: intom hawn fil-pjazza, u grupp ta’ tfal xi ftit morda, fl-awla. Huma qed jaraw lilkom u intom lilhom: u hekk inkunu kkollegati. Insellmu lit-tfal li hemm fl-Awla: imma aħjar li ma jibilgħux wisq kesħa, u għalhekk qegħdin hemm ġew.

 

Dħalt lura jumejn ilu mill-Vjaġġ Appostoliku fiċ-Ċilì u l-Perù. Applaws liċ-Ċilì u lill-Perù! Żewġ popli mill-aqwa, mill-aqwa… Nirringrazzja lill-Mulej għax kollox mar sew: stajt niltaqa’ mal-Poplu ta’ Alla li miexi f’dawk l-artijiet – anki dawk li mhumiex mexjin, qegħdin xi ftit weqfin… imma huma nies twajba – u nħeġġeġ għall-iżvilupp soċjali ta’ dawn il-pajjiżi. Inġedded il-gratitudni tiegħi lejn l-Awtoritajiet ċivili u lejn ħuti l-Isqfijiet, li laqgħuni b’tant għożża u ġenerożità; kif ukoll lill-kollaboraturi u l-voluntiera kollha. Aħsbu ftit kif f’kull wieħed miż-żewġ pajjiżi kien hemm iżjed minn għoxrin elf voluntier: għoxrin elf u iżjed fiċ-Ċilì, għoxrin elf fil-Perù. Nies tajbin: fil-parti l-kbira żgħażagħ.

 

Qabel il-wasla tiegħi fiċ-Ċilì kien hemm diversi manifestazzjonijiet ta’ protesta, għal bosta raġunijiet, kif intom stajtu taqraw fil-ġurnali. U dan għamel iżjed attwali u ħaj il-motto taż-żjara tiegħi: “Mi paz os doy – Nagħtikom il-paċi tiegħi”. Huma l-kelmiet ta’ Ġesù lid-dixxipli, li ntennu f’kull quddiesa: id-don tal-paċi, li Ġesù biss, mejjet u rxoxt, jista’ jagħti lil min jafda ruħu f’idejh. Mhux biss kull wieħed u waħda minna għandu bżonn tal-paċi, imma anki d-dinja, illum, f’din it-tielet gwerra dinjija f’biċċiet… Nitlobkom, itolbu għall-paċi!

 

Fil-laqgħa tiegħi mal-Awtoritajiet politiċi u ċivili tal-pajjiż ħeġġiġt il-mixja tad-demokrazija Ċilena, bħala spazju ta’ laqgħa solidali u kapaċi li tinkludi d-diversitajiet; għal dan il-għan bħala metodu indikajt it-triq tas-smigħ: b’mod partikulari s-smigħ tal-foqra, taż-żgħażagħ u tal-anzjani, tal-immigranti, u anki s-smigħ tal-art.

 

Fl-ewwel Ewkaristija, iċċelebrata għall-paċi u għall-ġustizzjqa, dwew il-Beatitudnijiet, speċjalment “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). Beatitudni li rridu nagħtu xhieda tagħha bl-istil tal-qrubija, tal-kondiviżjoni, u hekk insaħħu, bil-grazzja ta’ Kristu, it-tessut tal-komunità ekkleżjali u tas-soċjetà kollha.

 

F’dan l-istil ta’ qrubija jgħoddu iżjed il-ġesti mill-kliem, u ġest importanti li stajt nagħmel kien li nżur il-ħabs tan-nisa f’Santiago: l-uċuħ ta’ dawk in-nisa, ħafna minnhom ommijiet żgħar, biċ-ċkejknin tagħhom f’dirgħajhom, minkejja kollox kienu jesprimu tant tama. Għamiltilhom il-qalb biex jesiġu, minnhom infushom u mill-istituzzjonijiet, mixja serja ta’ preparazzjoni għar-ri-inseriment, bħala xefaq li jagħti sens lill-piena li qed jiskontaw ta’ kuljum. Ma nistgħux aħna naħsbu f’ħabs, ikun liema jkun, mingħajr din id-dimensjoni ta’ ri-inseriment, għax jekk ma jkunx hemm din it-tama ta’ ri-inseriment soċjali, il-ħabs hu tortura bla tmiem. Imma, meta naħdmu biex ninserixxu mill-ġdid – anki dawk b’sentenza ta’ ħajja sħiħa – permezz tal-ħidma mill-ħabs b’risq is-soċjetà, jinfetaħ djalogu. Imma ħabs dejjem għandu jkollu din id-dimensjoni tar-ri-inseriment, dejjem.

 

Mas-saċerdoti u l-ikkonsagrati u mal-Isqfijiet taċ-Ċilì għext żewġ laqgħat intensi ħafna, li saru aktar għammiela bit-tbatija maqsuma minħabba ċerti ġrieħi li qed jifnu lill-Knisja f’dak il-pajjiż. B’mod partikulari, wettaqt lil ħuti fiċ-ċaħda ta’ kull kompromess mal-abbużi sesswali fuq il-minuri, u fl-istess waqt fil-fiduċja f’Alla, li permezz ta’ din il-prova iebsa, isaffi u jġedded lill-ministri tiegħu.

 

Iż-żewġ quddisiet l-oħra fiċ-Ċilì ġew iċċelebrati waħda fin-nofsinhar u oħra fit-tramuntana. Dik fin-nofsinhar, fl-Araucanía, art fejn jgħixu l-indjos Mapuche, bidlet f’ferħ it-traġedji u l-taħbit ta’ dan il-poplu, b’sejħa qawwija għall-paċi bħala armonija tad-diversitajiet u għaċ-ċaħda ta’ kull vjolenza. Dik tat-tramuntana, f’Iquique, bejn oċean u deżert, kienet innu lil-laqgħa bejn il-popli, li tesprimi ruħha b’mod uniku fir-reliġjożità popolari.

 

Il-laqgħat maż-żgħażagħ u mal-Università Kattolika taċ-Ċilì wieġbu għall-isfida kruċjali li noffru sens kbir għall-ħajja tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Liż-żgħażagħ ħallejtilhom il-kelma programmatika ta’ San Albertu Hurtado: “X’kien jagħmel Kristu li kien floki?”. U lill-Università pproponejtilha mudell ta’ formazzjoni sħiħa, li jittraduċi l-identità Kattolika f’ħila li nieħdu sehem fil-bini ta’ soċjetajiet magħquda u magħmulin mill-armonija tad-differenzi, fejn il-kunflitti ma jiġux moħbija imma ttrattati fid-djalogu. Dejjem ikun hemm kunflitti: anki d-dar; dejjem ikun hemm. Imma, jekk nittrattaw il-kunflitti b’mod żbaljat, dan jiswa agħar. Ma rridux naħbu l-kunflitti taħt it-tapit: il-kunflitti li jiġu għad-dawl, nistgħu naffrontawhom u nsolvuhom bid-djalogu. Intom aħsbu fil-kunflitti ċkejknin li żgur ikollkom id-dar: ma tridx taħbihom, imma taffrontahom. Tfittex il-waqt it-tajjeb u titkellimhom: il-kunflitt hekk jissewwa, bid-djalogu.

 

Fil-Perù l-motto taż-Żjara kien:Unidos por la esperanza – Imxierka mit-tama”. Imxierka mhux f’uniformità sterili, kollha ugwali: din mhijiex għaqda; imma fl-għana kollu tad-differenzi li nirtu mill-istorja u mill-kultura. Dan tat xhieda emblematika tiegħu l-laqgħa mal-popli tal-Amażonja Peruvjana, li tat ukoll bidu għall-itinerarju tas-Sinodu Pan-Amażoniku msejjaħ għal Ottubru 2019, kif taw ukoll xhieda tiegħu l-mumenti li għexna flimkien mal-popolazzjoni ta’ Puerto Maldonado u mat-tfal tad-Dar ta’ akkoljenza “Il Piccolo Principe”. Flimkien għidna “le” għall-kolonizzazzjoni ekonomika u għall-kolonizzazzjoni ideoloġika.

 

Jiena u nkellem lill-Aworitajiet politiċi u ċivili tal-Perù, apprezzajt il-wirt ambjentali, kulturali u spiritwali ta’ dak il-pajjiż, u xħitt dawl fuq iż-żewġ realtajiet li l-iżjed qed jhedduh b’mod serju: it-tifrik ekoloġiku-soċjali u l-korruzzjoni. Ma nafx intom hawn smajtux min jitkellem fuq korruzzjoni… ma nafx… Mhux biss f’dawk l-inħawi teżisti: anki hawn, u hi perikoluża iżjed mill-influwenza! Tindiehes u tirvina l-qlub. Il-korruzzjoni tirvina l-qlub. Nitlobkom, għidu le għall-korruzzjoni. U rrimarkajt li ħadd ma hu eżenti mir-responsabbiltà quddiem dawn iż-żewġ pjagi u li l-impenn biex neħduha kontrihom hu ta’ kulħadd.

 

L-ewwel quddiesa pubblika fil-Perù ċċelebrajtha fuq ix-xatt tal-oċean, qrib il-belt ta’ Trujillo, fejn it-tempesta hekk imsejħa “Niño costiero” s-sena l-oħra laqtet bil-qawwi lill-popolazzjoni ta’ hemm. Għalhekk għamiltilhom il-qalb biex jirreaġixxu għal din, imma anki għal tempesti oħra bħall-ħajja kriminali, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, ta’ xogħol u ta’ għajxien fiż-żgur. Fi Trujillo ltqajt ukoll mas-saċerdoti u l-ikkonsagrati tat-tramuntana tal-Perù, u qsamt magħhom il-ferħ tas-sejħa u tal-missjoni, u r-responsabbiltà tal-komunjoni fil-Knisja. Ħeġġiġthom biex ikunu għonja fil-memorja u fidili lejn l-għeruq tagħhom. U fost dawn l-għeruq hemm id-devozzjoni popolari lejn il-Verġni Marija. Dejjem fi Trujillo seħħet iċ-ċelebrazzjoni Marjana li fiha inkurunajt lill-Verġni tal-Bieb, u pproklamajtha “Omm tal-Ħniena u tat-Tama”.

 

L-aħħar jum tal-vjaġġ, il-Ħadd li għadda, seħħ f’Lima, b’aċċent qawwi spiritwali u ekkleżjali. Fis-Santwarju l-iżjed ċelebri tal-Perù, fejn hu meqjum il-kwadru tal-Kruċifissjoni msejjaħSeñor de los Milagros”, iltqajt ma’ xi ħames mitt reliġjuża ta’ ħajja kontemplattiva: “pulmun” veru ta’ fidi u ta’ talb għall-Knisja u għas-soċjetà kollha. Fil-Katidral għamilt att ta’ talb speċjali bl-interċessjoni tal-qaddisin Peruvjani, u warajh seħħet il-laqgħa mal-Isqfijiet tal-pajjiż, li pproponejtilhom il-figura eżemplari ta’ San Turibju ta’ Mogrovejo. Anki liż-żgħażagħ Peruvjani indikajtilhom il-qaddisin bħala rġiel u nisa li ma tilfux żmien “jirtukkjaw” l-immaġni tagħhom infushom, imma mxew wara Kristu, li ħares lejhom bit-tama. Bħal dejjem, il-kelma ta’ Ġesù tagħti sens sħiħ lil kollox, u hekk anki l-Vanġelu tal-aħħar ċelebrazzjoni Ewkaristika ġabar flimkien il-messaġġ ta’ Alla lill-poplu tiegħu fiċ-Ċilì u l-Perù: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15). Hekk – donnu ried jgħidilna l-Mulej – tirċievu l-paċi li nagħtikom jien u tkunu mxierka fit-tama tiegħi.

 

Din hi ftit jew wisq il-ġabra fil-qosor ta’ dan il-vjaġġ. Nitolbu għal dawn iż-żewġ Nazzjonijiet aħwa, iċ-Ċilì u l-Perù, biex il-Mulej iberikhom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard