IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 L-Erbgħa 23 ta’ Ottubru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 13.

“Alla fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani” (Atti 14:27). Il-missjoni ta’ Pawlu u Barnaba u l-Konċilju ta’ Ġerusalemm

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta kif San Pawl, wara dik il-laqgħa ma’ Ġesù li bidlitu, jiġi milqugħ mill-Knisja ta’ Ġerusalemm grazzi għall-medjazzjoni ta’ Barnaba u jibda jxandar lil Kristu. Imma, minħabba fl-ostilità ta’ xi wħud, ikollu jmur Tarsu, belt twelidu, fejn Barnaba jilħqu biex jinkludih miegħu fil-vjaġġ twil tal-Kelma ta’ Alla. Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, li qed nikkummentaw f’dawn il-katekeżijiet, nistgħu nsejħulu l-ktieb tal-vjaġġ twil tal-Kelma ta’ Alla: il-Kelma ta’ Alla qiegħda biex tiġi mxandra, u mxandra ma’ kullimkien. Dan il-vjaġġ jibda wara persekuzzjoni qawwija (ara Atti 11:19); imma din, flok ma hi daqqa ta’ ħarta għall-evanġelizzazzjoni, issir opportunità biex twessa’ l-għalqa fejn tinxteħet iż-żerriegħa t-tajba tal-Kelma. L-Insara ma jibżgħux. Ikollhom jaħarbu, imma jaħarbu bil-Kelma magħhom, u jxerrdu l-Kelma xi ftit jew wisq ma’ kullimkien.

 

Pawlu u Barnaba jaslu l-ewwel f’Antjokja tas-Sirja, fejn jieqfu għal sena sħiħa biex jgħallmu u jgħinu lill-komunità tniżżel għeruqha (ara Atti 11:26). Ipprietkaw lill-komunità Lhudija, lil-Lhud. U hekk Antjokja ssir iċ-ċentru tal-istimolu missjunarju, grazzi għall-predikazzjoni li biha ż-żewġ evanġelizzaturi – Pawlu u Barnaba – imissu l-qlub ta’ dawk li jemmnu, li hawn, f’Antjokja, jiġu għall-ewwel darba msejħa “Kristjani” (ara Atti 11:26).

 

Mill-Ktieb tal-Atti toħroġ in-natura tal-Knisja, li mhix xi fortizza, imma għarix li kapaċi jwessa’ l-ispazju tiegħu (ara Iż 54:2) u fih jidħol kulħadd. Il-Knisja, jew hija dik li “toħroġ”, jew ma hi Knisja xejn, jew tinsab f’mixja u dejjem twessa’ l-ispazju tagħha sakemm jista’ jidħol kulħadd, jew mhija Knisja xejn. “Knisja bil-bibien tagħha miftuħa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 46), dejjem bil-bibien tagħha miftuħa. Meta nara xi knisja ċkejkna hawn, f’din il-belt, jew meta kont nara xi waħda fid-djoċesi l-oħra mnejn ġej, bil-bibien magħluqa, dan hu sinjal ħażin. Il-knejjes dejjem għandhom ikunu bil-bibien miftuħa għax dan huwa s-simbolu ta’ x’inhi knisja: dejjem miftuħa. Il-Knisja hi “msejħa tkun id-dar miftuħa tal-Missier. Wieħed mis-sinjali konkreti ta’ dan il-ftuħ hu li jkollna kullimkien knejjes bil-bibien tagħhom miftuħa. Hekk, jekk xi ħadd irid jimxi skont ma jqanqlu l-Ispirtu u jersaq ifittex lil Alla, ma jkollux iħabbat wiċċu mal-kesħa ta’ bieb magħluq” (ibid., 47).

 

Imma din il-karatteristika ġdida tal-bibien miftuħa għal min? Għall-pagani, għax l-Appostli pprietkaw lil-Lhud, imma jħabbtu l-bibien tal-Knisja ġew ukoll il-pagani; u dan l-aspett ġdid tal-bibien miftuħa għall-pagani jqajjem kontroversja mqanqla ħafna. Xi Lhud jisħqu fuq il-ħtieġa li dawn isiru Lhud permezz taċ-ċirkonċiżjoni biex jistgħu jsalvaw, u mbagħad jirċievu l-Magħmudija. Jgħidulhom: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw” (Atti 15:1), jiġifieri ma tistgħux imbagħad tirċievu l-Magħmudija. L-ewwel ir-rit Lhudi u mbagħad il-Magħmudija: din kienet il-pożizzjoni tagħhom. U biex jaqtgħu darba għal dejjem din il-kwistjoni, Pawlu u Barnaba jikkonsultaw il-kunsill tal-Appostli u tal-anzjani f’Ġerusalemm, u jitlaqqa’ dak li hu miżmum bħala l-ewwel konċilju fl-istorja tal-Knisja, il-konċilju jew ġemgħa ta’ Ġerusalemm, li għaliha jirriferi Pawlu fl-Ittra lill-Galatin (2:1-10).

 

Tiġi affrontata kwistjoni teoloġika, spiritwali u dixxiplinari delikata ħafna: jiġifieri r-relazzjoni bejn il-fidi fi Kristu u l-osservanza tal-Liġi ta’ Mosè. Matul din il-laqgħa huma deċiżivi d-diskorsi ta’ Pietru u Ġakbu, “kolonni” tal-Knisja-omm (ara Atti 15:7-21; Gal 2:9). Huma jistiednu lill-oħrajn biex ma jimponux iċ-ċirkonċiżjoni fuq il-pagani, imma jitolbu minnhom biss li jiċħdu l-idolatrija u l-espressjonijiet kollha tagħha. Mid-diskussjoni toħroġ it-triq komuni, u din id-deċiżjoni, irratifikata mill-hekk imsejħa ittra Appostolika mibgħuta Antjokja.

 

Il-ġemgħa ta’ Ġerusalemm toffrilna dawl importanti fuq kif naffrontaw id-differenzi u nfittxu s-“sewwa fl-imħabba” (Efes 4:15). Tfakkarna li l-metodu ekkleżjali għat-tiswija tal-kunflitti jissejjes fuq id-djalogu li jsir fis-smigħ attent u kollu sabar u fuq id-dixxerniment imwettaq fid-dawl tal-Ispirtu. Fil-fatt, huwa l-Ispirtu li jgħinna negħlbu l-għeluq u t-tensjonijiet u jaħdem fil-qlub biex, fil-verità u fit-tjieba, jaslu għall-għaqda. Dan it-test jgħinna nifhmu x’inhi s-sinodalità. Interessanti kif jiktbuha l-Ittra: jibdew l-Appostli billi jgħidu: “Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li…”. Din hi ħaġa tas-sinodalità, il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, inkella ma tkun sinodalità xejn, ikun parlatorju, parlament, ħaġa oħra…

 

Nitolbu lill-Mulej isaħħaħ fina l-Insara kollha, speċjalment fl-isqfijiet u fil-presbiteri, ix-xewqa u r-responsabbiltà tal-komunjoni. Jgħinna ngħixu d-djalogu, is-smigħ u l-laqgħa ma’ ħutna fil-fidi u ma’ dawk imbiegħda, biex niggustaw u nuru li l-Knisja hi tassew għammiela, imsejħa biex tkun f’kull żmien “omm ferħana” b’ħafna wlied (ara Salm 113:9).

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard