IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa 23 ta’ Awwissu
2017
It-Tama Nisranija
– 31.
“Ara,
se nġedded kollox” (Apok 21:5).
Il-ġdid tat-tama Nisranija
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Għadna kemm smajna l-Kelma ta’ Alla
fil-ktieb tal-Apokalissi, u jgħid hekk: “Ara, se nġedded kollox”
(21:5). It-tama Nisranija hi msejsa fuq il-fidi f’Alla li dejjem joħloq
il-ġdid fil-ħajja tal-bniedem, joħloq il-ġdid fl-istorja,
joħloq il-ġdid fil-kożmu. Alla tagħna hu Alla li
joħloq il-ġdid, għax hu Alla tas-sorpriżi.
Mhuwiex atteġġjament Nisrani dak ta’
min ħarstu dejjem ’l isfel – kif jagħmlu l-ħnieżer: dejjem
hekk mexjin – mingħajr ma jerfa’ għajnejh lejn ix-xefaq.
Bħallikieku l-mixja tagħna kollha se tieqaf hawn, fuq medda ta’ ftit
metri ta’ vjaġġ; bħallikieku fil-ħajja tagħna ma kien
hemm l-ebda destinazzjoni u l-ebda post fejn għad irridu naslu, u
aħna konna mġiegħla noqogħdu nitlajjaw għal dejjem,
mingħajr ebda raġuni għal dan it-taħbit kollu tagħna.
Dan mhuwiex Nisrani.
L-aħħar paġni tal-Bibbja juruna
l-aħħar xefaq tal-mixja ta’ min jemmen: Ġerusalemm tas-Sema,
Ġerusalemm ċelesti. Din hi mistħajla qabelxejn bħala
għarix kbir, fejn Alla jilqa’ lill-bnedmin kollha biex hu jgħix
għal dejjem magħhom (Apok 21:3). U din hi t-tama tagħna. U x’se
jagħmel Alla, meta sa fl-aħħar inkunu miegħu? Jimxi bi
ħlewwa bla tarf magħna, bħal missier li jilqa’ lil uliedu kollha
li għal żmien twil tħabtu u batew. Ġwanni, fl-Apokalissi,
iħabbar minn qabel: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin!
[…] Hu jixxuttalhom kull demgħa minn
għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew
tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’
qabel. […] ‘Ara, se nġedded kollox!’” (21:3-5). Alla tal-ġdid!
Ippruvaw immeditaw din is-silta tal-Iskrittura
Mqaddsa mhux b’mod astratt, imma wara li tkunu qrajtu kronaka ta’
żminijietna, wara li taraw l-aħbarijiet jew il-qoxra
tal-ġurnali, fejn issibu tant traġedji, fejn iġibu
aħbarijiet koroh u li lkoll kemm aħna qed nirriskjaw li nidrawhom iżżejjed.
U sellimt lil xi wħud minn Barcellona: kemm aħbarijiet koroh minn
hemmhekk! Sellimt lil xi wħud mill-Kongo, u kemm aħbarijiet koroh
minn hemm! U kemm aktar! Biex inkun semmejt biss żewġ pajjiżi
minn fostkom li tinsabu hawn… Ippruvaw aħsbu fl-uċuħ tat-tfal
imwerwra mill-gwerra, fil-biki tal-ommijiet, fil-ħolm imkisser ta’ tant
żgħażagħ, fir-rifuġjati li qed jaffrontaw
vjaġġi terribbli, u huma sfruttati tant drabi… Il-ħajja b’xorti
ħażina hi dan ukoll. Xi drabi jiġik li tgħid li hi fuq
kollox hekk.
Jista’ jkun. Imma hemm Missier li qed jibki
magħna; hemm Missier li jxerred dmugħ ta’ tjieba bla tarf għal
uliedu. Aħna għandna Missier li jaf jibki, li jibki magħna.
Missier li jistenniena biex ifarraġna, għax jaf minn xiex inbatu u
ħejja għalina ġejjieni differenti. Din hi l-viżjoni kbira tat-tama
Nisranija, li tikber ta’ kuljum f’ħajjitna, u trid terfagħna ’l fuq.
Ma kienx bi żball li Alla riedna
ngħixu, u ġagħal lilu nnifsu u lilna noqogħdu għal
iljieli ibsin ta’ tbatija. Imma hu ħalaqna għax iridna ferħanin.
Hu l-Missier tagħna, u jekk aħna hawn, issa, qed ngħixu
ħajja li mhijiex dik li hu ried għalina, Ġesù jiggarantilna li
Alla nnifsu qed iwettaq il-fidwa tagħna. Hu qed jaħdem biex jifdina.
Aħna nemmnu u nafu li l-mewt u
l-mibegħda mhumiex l-aħħar kelma mlissna dwar l-istorja
tal-ħajja tal-bniedem. Li tkun Nisrani jimplika perspettiva ġdida:
ħarsa mimlija tama. Hemm min jemmn li l-ħajja żżomm
il-kuntentizza kollha għaż-żgħożija u
għall-imgħoddi, u li l-ħajja naqra naqra sejra lura. Oħrajn
iżommu li l-ferħ tagħna hu biss għal ftit ħin u
ħaġa li tgħaddi, u li l-ħajja tal-bnedmin ma tagħmilx
sens. Dawk li quddiem tant traġedji jgħidu: “Imma l-ħajja x’sens
fiha? It-triq tagħna hi dak li ma jagħmilx sens”. Imma aħna
l-Insara ma nemmnux hekk. Aħna nemmnu li fuq ix-xefaq tal-bniedem hemm
xemx li ddawwal għal dejjem. Nemmnu li l-isbaħ jiem tagħna
għad iridu jaslu. Aħna nies iżjed tar-rebbiegħa milli
tal-ħarifa. Jien nixtieq nistaqsi, issa – kulħadd iwieġeb
fil-qalb tiegħu, fis-skiet, imma jwieġeb –: “Jiena raġel, mara,
żagħżugħ, żagħżugħa tar-rebbiegħa
jew tal-ħarifa? Ruħi tinsab fir-rebbiegħa jew fil-ħarifa?”.
Ħa jwieġeb kulħadd għalih. Ejja nħarsu lejn dinja
ġdida li qed twarrad, pjuttost milli lejn il-weraq li sfar fuq
il-friegħi. Ejja ma ningħalqux fin-nostalġiji tagħna,
fil-biki tal-passat u t-tgergir: nafu li Alla jridna werrieta ta’ wegħda u
bdiewa bieżla ta’ ħolmiet kbar. Tinsewhiex dik il-mistoqsija: “Jiena
persuna tar-rebbiegħa jew tal-ħarifa?”. Tar-rebbiegħa, li
tistenna l-ward, li tistenna l-frott, li tistenna x-xemx li hu Ġesù, jew
tal-ħarifa, li dejjem wiċċha ’l isfel, imdejqa u, kif għidt
drabi oħra, b’wiċċ ta’ bżaru tal-ħall?
In-Nisrani jaf li s-Saltna ta’ Alla, li fiha hu
jsaltan bi mħabba, qed tikber bħal għalqa kbira tal-qamħ,
anki jekk fin-nofs hemm is-sikrana. Dejjem ħa jkun hemm problemi, ħa
jkun hemm min ipaċpaċ, il-gwerer, il-mard… il-problemi. Imma
l-qamħ jikber xorta, u fl-aħħar il-ħażen għad
jinqered. Il-futur mhuwiex tagħna, imma nafu li Ġesù Kristu hu
l-akbar grazzja li għandna fil-ħajja: hu t-tgħanniqa ta’ Alla li
hemm tistenniena fl-aħħar, imma li diġà minn issa sseħibna
u tfarraġna fil-mixja tagħna. Hu jwassalna għall-“għamara”
l-kbira ta’ Alla mal-bnedmin (ara Apok 21:3), ma’ tant ħutna oħra,
fejn inqiegħdu f’riġlejn Alla t-tifkira tal-jiem li għexna hawn
isfel. Xi ġmiel meta niskopru f’dak il-waqt li xejn ma ntilef, l-ebda
tbissima u l-ebda demgħa! Kienet kemm kienet twila ħajjitna,
quddiemna tidher bħallikieku nkunu għexnieha f’nifs wieħed. U li
l-ħolqien ma ntemmx mas-sitt jum tal-Ġenesi, imma baqa’ għaddej
bla heda, għax Alla dejjem ħaseb fina. Sa dak il-jum li fih kollox
għad jitwettaq, f’dik l-għodwa li fiha jintemm id-dmugħ kollu
tagħna, fl-istess waqt li fih Alla jlissen l-aħħar kelma
tiegħu ta’ barka: “Ara – jgħid il-Mulej – se nġedded kollox!” (v.
5). Iva, Missierna hu Alla tal-ġdid u tas-sorpriżi. U dak il-jum
aħna nkunu tassew hienja, u nibku. Iva: imma nibku bil-ferħ.
miġjuba
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard