Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Din il-ġimgħa hi l-ġimgħa tal-ferħ: fiha niċċelebraw il-Qawmien ta’ Ġesù.  Hu ferħ veru, qawwi, mibni fuq iċ-ċertezza li Kristu Rxoxt issa m’hux ħa jmut iżjed, imma hu ħaj u jaħdem fil-Knisja tiegħu u fid-dinja.  Din iċ-ċertezza tgħammar fil-qalb ta’ dawk li jemmnu sa minn dik l-għodwa ta’ l-Għid, meta n-nisa marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù u l-anġli qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?” (Lq 24:5).  “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.  Dawn il-kelmiet huma bħal ġebla li hi pedament ta’ l-istorja; imma anki “ġebla tax-xewka”, jekk ma niftħux qalbna għall-Bxara t-Tajba, jekk naħsbu li jagħtina inqas fastidju Ġesù mejjet milli Ġesù ħaj!  Min-naħa l-oħra kemm drabi, fil-mixja tagħna ta’ kuljum, għandna bżonn ta’ xi ħadd li jgħidilna: “L-għala qed tfittex qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.  Kemm drabi nfittxu l-ħajja qalb il-ħwejjeġ mejtin, qalb il-ħwejjeġ li ma jistgħux jagħtu l-ħajja, qalb il-ħwejjeġ li l-lum hawn u għada m’humiex iżjed, il-ħwejjeġ li jgħaddu…  “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.

 

Għandna bżonn nisimgħuha meta nkunu ngħalaqna f’kull xorta ta’ egoiżmu u ta’ pjaċir tagħna nfusna; meta nħallu jqarrqu bina l-poteri ta’ din l-art u l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u ninsew lil Alla u l-proxxmu; meta nqiegħdu t-tamiet tagħna fit-tlellix fieragħ ta’ din id-dinja, fil-flus, fis-suċċess.  Hawn il-Kelma ta’ Alla tgħidilna: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.  Għaliex qed tfittex hemm?  Dik il-ħaġa ma tistax tagħtik ħajja!  Iva, forsi tferrħek għal ftit minuti, għal ġurnata, għal ġimgħa, għal xahar… imbagħad?  “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.  Din il-frażi hemm bżonn tidħol fil-qalb tagħna u jeħtieġ intennuha spiss.  Intennuha flimkien għal tliet darbiet?  Nippruvaw?  Ilkoll flimkien: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?[jirripeti mal-folla]  Il-lum, meta nerġgħu lura d-dar, intennuha bil-qalb, fis-skiet, u nistaqsu lilna nfusna: Għaliex jien fil-ħajja nfittex qalb il-mejtin lil min hu ħaj?  Jagħmlilna tajjeb.

 

M’hux faċli nkunu miftuħa għal Ġesù.  M’hix ħaġa ħafifa nilqgħu l-ħajja ta’ l-Irxoxt u l-preżenza tiegħu fostna.  Il-Vanġelu jlaqqagħna ma’ diversi reazzjonijiet: dik ta’ l-Appostlu Tumas, dik ta’ Marija ta’ Màgdala u dik taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws: jagħmlilna tajjeb jekk inqabblu ftit ruħna magħhom.  Tumas jagħmel kundizzjoni għall-fidi, jitlob li jmiss b’idejh l-evidenza, il-pjagi; Marija Maddalena tibki, tarah imma ma tagħrfux, tintebaħ biss li hu Ġesù meta Hu jsejħilha b’isimha; id-dixxipli ta’ Għemmaws, qalbhom sewda u mirbuħa, jiltaqgħu ma’ Ġesù meta jħallu jimxi magħhom fit-triq lil dak il-vjaġġatur misterjuż.  Kull wieħed u waħda b’mixjiet differenti!  Kienu qed ifittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj, u jkun il-Mulej innifsu li jdawwar ir-rotta tagħhom.  U jien x’jien nagħmel?  F’liema rotta qed nimxi biex niltaqa’ ma’ Kristu ħaj?  Hu sa jkun dejjem qrib tagħna biex idawwar ir-rotta tagħna jekk inkunu żbaljajna.

 

L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?” (Lq 24:5).  Din il-mistoqsija tgħinna nirbħu t-tentazzjoni li nħarsu lura, lejn dak li seħħ il-bieraħ, u timbuttana ’l quddiem lejn il-futur.  Ġesù m’huwiex iżjed fil-qabar, hu l-Irxoxt!  Hu l-Ħaj, Dak li dejjem iġedded il-ġisem tiegħu li hu l-Knisja, il-qabar tal-verità u tal-ġustizzja; “il-lum” hu l-qawmien dejjiemi li lejh jiġbidna l-Ispirtu s-Santu, u jagħtina l-ħelsien sħiħ.

 

Il-lum issirilna wkoll din il-mistoqsija.  Int, għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj, int li tingħalaq fik innifsek wara falliment u int li m’għadekx issib il-qawwa biex titlob?  Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj, int li tħossok waħdek, abbandunat minn ħbiebek u forsi anki minn Alla?  Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj, int li tlift it-tama u int li tħossok imjassar minn dnubietek?  Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj, int li taspira għall-ġmiel, għall-perfezzjoni spiritwali, għall-ġustizzja, għall-paċi?

 

Għandna bżonn li din it-twissija ta’ l-anġlu nisimgħuha mtennija u nfakkruha lil xulxin!  Din it-twissija, “Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”, tgħinna noħorġu mill-irkejjen tad-diqa tagħna u tiftaħna għall-orizzonti tal-ferħ u tat-tama.  Dik it-tama li tħarrek il-blatiet li jagħlqu l-oqbra u tħeġġiġna biex inħabbru l-Bxara t-Tajba, kapaċi noħolqu ħajja ġdida għall-oħrajn.  Intennu din il-frażi ta’ l-anġli biex inżommuha f’qalbna u f’moħħna u mbagħad kull wieħed u waħda jwieġeb fis-skiet: “Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”.  Intennuha!  [jirripeti mal-folla] Ħarsu, ħuti, Hu ħaj, hu jinsab magħna!  Ma noqogħdux infittxu ħafna oqbra li l-lum iwiegħduk ħaġa, sabiħa, u mbagħad ma jagħtuk xejn!  Hu ħaj!  Ejjew ma nfittxux iżjed qalb il-mejtin lil min hu ħaj!  Grazzi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard