IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 23 ta’ Marzu 2016

 

11. It-Tridu ta’ l-Għid fil-Ġublew tal-Ħniena

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ir-riflessjoni tagħna fuq il-ħniena ta’ Alla l-lum tintroduċina għat-Tridu ta’ l-Għid.  Se ngħixu l-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt imqaddsa bħala mumenti qawwija li jippermettulna nidħlu dejjem iżjed fil-misteru kbir tal-fidi tagħna: il-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Kollox, f’dawn it-tlitt ijiem, jitkellem dwar il-ħniena, għax jurina sa fejn kapaċi tasal l-imħabba ta’ Alla.  Se nisimgħu r-rakkont ta’ l-aħħar jiem ta’ ħajjet Ġesù.  L-evanġelista Ġwanni joffrilna l-muftieħ biex nifhmu s-sens profond tagħhom: “Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1).  L-imħabba ta’ Alla hi bla limiti.  Kif kien itenni ta’ spiss Santu Wistin, hi mħabba li “tasal sa l-aħħar bla ma għandha tmiem”.  Alla tassew joffri kollox għal kull wieħed u waħda minna u xejn ma jżomm għalih.  Il-Misteru li nqimu f’din il-Ġimgħa Mqaddsa hu storja kbira ta’ mħabba li ma tħalli xejn iwaqqafha.  Il-Passjoni ta’ Ġesù tibqa’ sa l-aħħar tad-dinja, għax hi storja li fiha hu jaqsam fit-tbatija tal-bnedmin kollha, storja ta’ preżenza permanenti fil-ġrajjiet tal-ħajja personali ta’ kull wieħed u waħda minna.  Insomma, it-Tridu ta’ l-Għid hu memorjal ta’ dramm ta’ mħabba li jagħtina ċ-ċertezza li qatt m’aħna waħidna fil-provi tal-ħajja.

 

F’Ħamis ix-Xirka Ġesù jwaqqaf l-Ewkaristija, u f’din l-ikla ta’ l-Għid iħabbar minn qabel is-sagrifiċċju tiegħu fuq il-Golgota.  Biex ifiehem lid-dixxipli l-imħabba li qed tmexxih, jaħslilhom riġlejhom, biex hekk għal darb’oħra jagħtihom hu l-eżempju ta’ kif huma stess għandhom jaġixxu.  L-Ewkaristija hi l-imħabba li ssir qadi.  Hi l-preżenza sublimi ta’ Kristu li jixtieq jitma’ lil kull bniedem, fuq kollox lill-iżjed dgħajfa, biex jagħmilhom kapaċi jwettqu mixja ta’ xhieda qalb id-diffikultajiet tad-dinja.  Mhux hekk biss.  Meta jingħata għalina bħala ikel, Ġesù jurina li jeħtieġ nitgħallmu naqsmu dan l-ikel ma’ l-oħrajn biex isir komunjoni vera ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn.  Hu jingħata għalina u jitlobna nibqgħu Fih biex nagħmlu l-istess.

 

Il-Ġimgħa l-Kbira hi l-quċċata ta’ din l-imħabba.  Il-mewt ta’ Ġesù, li fuq is-salib jintelaq f’idejn il-Missier biex joffri lid-dinja kollha s-salvazzjoni, tesprimi l-imħabba mogħtija sa l-aħħar, bla tmiem.  Imħabba li trid tħaddan lil kulħadd, ħadd eskluż.  Imħabba li tinfirex f’kull żmien u f’kull post: għajn bla tarf ta’ salvazzjoni li minnha kull wieħed u waħda minna, midinbin, jista’ jixrob.  Jekk Alla wriena l-ogħla mħabba tiegħu fil-mewt ta’ Ġesù, mela anki aħna, imnisslin mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu, nistgħu u għandna nħobbu lil xulxin.

 

U, fl-aħħar, Sibt il-Għid hu l-jum tas-silenzju ta’ Alla.  Għandu jkun jum ta’ skiet, u għandna nagħmlu minn kollox biex għalina jkun sewwa sew jum ta’ skiet, kif kien dak in-nhar: il-jum tas-skiet ta’ Alla.  Ġesù midfun fil-qabar jaqsam ma’ l-umanità kollha t-traġedja tal-mewt.  Hu skiet li jitkellem u jesprimi l-imħabba bħala solidarjetà ma’ dawk li minn dejjem kienu abbandunati, li l-Iben ta’ Alla jilħaqhom biex jimla dak il-vojt li l-ħniena bla tarf ta’ Alla l-Missier biss tista’ timla.  Alla jisket, imma għax iħobb.  F’dan il-jum l-imħabba – dik l-imħabba siekta – issir stennija għall-ħajja tal-qawmien.  Ejjew naħsbu f’Sibt il-Għid: jagħmlilna tajjeb naħsbu fis-silenzju ta’ Marija, “Dik li emmnet”, li fis-sikta stenniet il-Qawmien.  Il-Madonna għandha tkun għalina l-ikona ta’ dak is-Sibt qaddis.  Naħsbu ħafna kif il-Madonna għexet dak is-Sibt qaddis; fl-istennija.  Hi l-imħabba li ma tiddubitax, imma li tittama fil-kelma tal-Mulej, biex tidher kollha ġmiel nhar l-Għid.

 

Dan hu kollu misteru kbir ta’ mħabba u ta’ ħniena.  Kliemna hu fqir wisq u m’huwiex biżżejjed biex jesprimih b’mod sħiħ.  Tista’ tgħinna l-esperjenza ta’ xebba, mhux tant magħrufa, li kitbet paġni sublimi fuq l-imħabba ta’ Kristu.  Kien jisimha Ġuljana ta’ Norwich; ma kinitx taf tikteb u taqra, din ix-xebba li kellha viżjonijiet tal-Passjoni ta’ Ġesù u li mbagħad, meta ngħalqet f’kunvent, fissret, b’lingwaġġ sempliċi, imma profond u intens, is-sens ta’ l-imħabba ħanina.  Qalet hekk: “U l-Mulej twajjeb tagħna staqsieni: ‘Kuntenta li jiena batejt għalik?’.  Jien weġibtu: ‘Iva, twajjeb Mulej, u nirringrazzjak ħafna; iva, twajjeb Mulej, ħa tkun imbierek’.  Għalhekk Ġesù, il-Mulej twajjeb tagħna, qalli: ‘Jekk int kuntenta, anki jien kuntent.  Li batejt il-passjoni għalik, dan għalija hu ta’ ferħ kbir, ta’ hena, ta’ hena dejjiem; u kieku stajt inbati iżjed, hekk kont nagħmel”.  Dan hu Ġesù tagħna, li lil kull wieħed u waħda minna qed jgħidlu: “Li kieku stajt inbati iżjed għalik, hekk kont nagħmel”.

 

Kemm hu sabiħ dan il-kliem!  Iħallina nifhmu tassew l-imħabba immensa u bla tarf li l-Mulej għandu għal kull wieħed u waħda minna.  Inħallu tgeżwirna din il-ħniena li toħroġ tiltaqa’ magħna; f’dawn il-jiem, waqt li nżommu ħarsitna msammra fuq il-passjoni u l-mewt tal-Mulej, ejjew nilqgħu bil-qalb il-kobor ta’ mħabbtu, u dan nagħmluh bħall-Madonna nhar Sibt il-Għid, fis-skiet, fl-istennija tal-Qawmien.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard