IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Novembru 2017

 

Il-Quddiesa – 3. Il-Quddiesa hi t-tifkira ħajja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Aħna u nkomplu bil-Katekeżi tagħna fuq il-Quddiesa, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: X’inhi essenzjalment il-Quddiesa? Il-Quddiesa hi t-tifkira ħajja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Tagħtina sehem mir-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt, u tagħti sens sħiħ lill-ħajja tagħna.

 

Għalhekk, biex nifhmu l-valur tal-Quddiesa, irridu qabelxejn nifhmu t-tifsira biblika tal-“memorjal”. “Mhijiex biss tifkira ta’ ġrajjiet tal-imgħoddi, imma tħabbira tal-għeġubijiet li Alla għamel mal-bnedmin (ara Eż 13:3). Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ dawn il-ġrajjiet, dawn b’xi mod isiru preżenti u attwali. Hu b’dan il-mod li Iżrael jifhem il-ħelsien mill-Eġittu: kull darba li ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-ġrajjiet tal-Eżodu dawk li jemmnu jġibuhom quddiemhom, biex isawru ħajjithom fuqhom” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1363). Ġesù Kristu, bil-passjoni, il-mewt, il-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-Sema wettaq l-Għid fil-milja tiegħu. U l-Quddiesa hi t-tifkira ħajja tal-Għid tiegħu, tal-“eżodu” tiegħu, li wettaq għalina, biex joħroġna mill-jasar u jdaħħalna fl-art imwiegħda tal-ħajja ta’ dejjem. Mhix sempliċiment tifkira, le, hi iżjed minn hekk: hi tagħmel preżenti llum dak li seħħ għoxrin seklu ilu.

 

L-Ewkaristija dejjem twassalna fil-quċċata tal-azzjoni ta’ salvazzjoni ta’ Alla: il-Mulej Ġesù, li sar għalina ħobż maqsum, isawwab fuqna l-ħniena u l-imħabba kollha tiegħu, kif għamel fuq is-salib, biex hekk iġedded il-qalb tagħna, il-ħajja tagħna u l-mod kif aħna nirrelataw miegħu u ma’ ħutna. Jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Kull darba li s-sagrifiċċju tas-salib, li fih ‘Kristu l-Ħaruf tal-Għid tagħna hu maqtul’ (1 Kor 5:7), ikun iċċelebrat fuq l-altar, tiġġedded il-fidwa tagħna” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 3).

 

Kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi bħal raġġ ta’ dik ix-xemx li ma tinżilx li hu Kristu Rxoxt. Meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, speċjalment dik tal-Ħadd, inkunu nidħlu fir-rebħa tal-Irxoxt, niddawlu mid-dawl tiegħu, nissaħħnu mis-sħana ta’ mħabbtu. Permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-Ispirtu s-Santu jagħtina sehem fil-ħajja divina li tista’ tibdel dak kollu li hu mortali fina. U fil-mogħdija tiegħu mill-mewt għall-ħajja, miż-żmien għall-eternità, il-Mulej Ġesù jkaxkar miegħu lilna wkoll biex nagħmlu l-Għid. Fil-Quddiesa niċċelebraw l-Għid. Aħna, fil-Quddiesa, ninsabu ma’ Ġesù, mejjet u rxoxt, u hu jiġbidna ’l quddiem, lejn il-ħajja ta’ dejjem. Fil-Quddiesa ningħaqdu miegħu. Anzi, Kristu jgħix fina u aħna ngħixu fih. “Issallabt ma’ Kristu”, jgħid San Pawl. “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:19-20). Hekk kien jaħsibha Pawlu.

 

Fil-fatt, id-demm tiegħu jeħlisna mill-mewt u mill-biża’ tal-mewt. Jeħlisna mhux biss mill-ħakma tal-mewt fiżika, imma mill-mewt spiritwali li hu l-ħażen, id-dnub, li taqbadna kull darba li naqgħu vittmi tad-dnub tagħna jew ta’ ħaddieħor. U allura l-ħajja tagħna tiġi mniġġsa, titlef ġmielha, titlef is-sens tagħha, titneżża’.

 

Imma Kristu jroddilna l-ħajja; Kristu hu l-milja tal-ħajja, u meta ġie wiċċ imb wiċċ mal-mewt, xejjinha għal dejjem: “Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet qered il-mewt u ġedded il-ħajja” (Talba Ewkaristika IV). L-Għid ta’ Kristu hu r-rebħa definittiva fuq il-mewt, għax hu bidel il-mewt tiegħu fl-ogħla att ta’ mħabba. Miet għall-imħabba! U fl-Ewkaristija, hu jrid jaqsam magħna din l-imħabba tal-Għid tiegħu, rebbieħa. Jekk nilqgħuha bil-fidi, anki aħna nistgħu nħobbu tassew lil Alla u lill-proxxmu, nistgħu nħobbu kif hu ħabb lilna, billi ta ħajtu.

 

Jekk l-imħabba ta’ Kristu hi fija, nista’ ningħata b’mod sħiħ għall-oħrajn, ċert ġewwa fija li mqar kieku l-ieħor jew l-oħra kellhom iweġġgħuni, jien ma mmutx; inkella jkolli noqgħod niddifendi ruħi. Il-martri taw ħajjithom proprju għal din iċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Huwa biss jekk induqu minn din is-setgħa ta’ Kristu, is-setgħa ta’ mħabbtu, li nkunu tassew ħielsa biex nistgħu ningħataw bla biża’. Din hi l-Quddiesa: nidħlu f’din il-passjoni, il-mewt, il-qawmien, it-tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù; meta mmorru l-Quddiesa, qisna telgħin fuq il-Kalvarju, l-istess. Imma aħsbu ftit: jekk aħna fil-mument tal-Quddiesa mmorru l-Kalvarju – ejja nistaħjlu dan – u nafu li dak il-bniedem hemm hu Ġesù. Allura nistgħu nippermettu li noqogħdu npaċpċu, nieħdu r-ritratti, qisna qed nagħmlu spettaklu? Le! Għax dak hu Ġesù! Żgur li noqogħdu fis-skiet, nibku u anki nithennew li ġejna mifdija. Meta aħna nidħlu l-knisja biex niċċelebraw il-Quddiesa, ejja naħsbu f’dan: dieħel il-Kalvarju, fejn Ġesù se jagħti ħajtu għalija. U hekk jgħib l-ispettaklu, jgħib it-tpaċpiċ bla bżonn, il-kummenti u dawn il-ħwejjeġ li jbegħduna minn din il-ħaġa hekk sabiħa li hi l-Quddiesa, it-trijonf ta’ Ġesù.

 

Naħseb issa hu aktar ċar kif l-Għid isir preżenti u ħaj kull darba li niċċelebraw il-Quddiesa, jiġifieri s-sens tat-tifkira ħajja. Is-sehem tagħna fl-Ewkaristija jdaħħalna fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jagħtina li miegħu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, jiġifieri hemm fuq il-Kalvarju. Il-Quddiesa tfisser li tgħix mill-ġdid il-Kalvarju, mhijiex xi spettaklu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard