IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Ottubru 2014

 

11. Il-Knisja hija l-Ġisem ta' Kristu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Meta nkunu rridu nuru kif l-elementi li jsawru realtà waħda huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib u flimkien jagħmlu ħaġa waħda, spiss nużaw ix-xbieha tal-ġisem.  Ibda mill-Appostlu Pawlu, din l-espressjoni ntużat għall-Knisja u kienet magħrufa bħala l-karatteristika distintiva l-iżjed profonda u sabiħa tagħha.  Il-lum, mela, nixtiequ nistaqsu: F’liema sens il-Knisja tinbena f’ġisem?  U għaliex tissejjaħ “il-ġisem ta’ Kristu”?

 

Fil-Ktieb ta’ Eżekjel hemm imfissra viżjoni xi ftit partikulari, impressjonanti, imma li kapaċi tispira fiduċja u tama fi qlubna.  Alla juri lill-profeta ħafna għadam imxerred, maqlugħ minn ma’ xulxin u niexef qoxqox.  Xenarju ta’ swied il-qalb…  Stħajlu medda kbira art mimlija għadam.  Imbagħad Alla jitolbu jsejjaħ l-Ispirtu fuqhom.  Hawnhekk l-għadam jibda jitħarrek, jibda joqrob u jingħaqad ma’ xulxin, fuqu jibdew telgħin l-ewwel in-nervaturi u mbagħad il-laħam u hekk jissawwar ġisem, sħiħ u mimli ħajja (ara Eżek 37:1-14).  Araw, din hi l-Knisja!  Il-lum x’ħin tmorru d-dar aqbdu l-Bibbja, kapitlu 37 tal-profeta Eżekjel, tinsewx, u aqraw dan, hu test sabiħ ħafna.  Din hi l-Knisja, hi kapulavur, il-kapulavur ta’ l-Ispirtu, li jixħet f’kull wieħed u waħda minna l-ħajja ġdida ta’ l-Irxoxt u jqegħidna maġenb xulxin, wieħed għas-servizz u t-tweżin ta’ l-ieħor, u hekk jagħmel minna lkoll ġisem wieħed, mibni fil-komunjoni u fl-imħabba.

 

Imma l-Knisja m’hix biss ġisem mibni fl-Ispirtu: il-Knisja hi l-ġisem ta’ Kristu!  U hawn m’aħniex sempliċement illissnu espressjoni: imma aħna tassew hekk!  Dan hu d-don kbir li nirċievu dak in-nhar tal-Magħmudija tagħna!  Fil-fatt, fis-sagrament tal-Magħmudija, Kristu jagħmilna tiegħu, jilqagħna fil-qalba tal-misteru tas-Salib, l-ogħla misteru ta’ mħabbtu għalina, biex imbagħad iqajjimna miegħu, bħala ħolqien ġdid.  Araw: hekk titwieled il-Knisja, u hekk il-Knisja tagħraf lilha nfisha bħala ġisem Kristu!  Il-Magħmudija hi tassew twelid ġdid, tnissilna mill-ġdid fi Kristu, tagħmilna parti minnu, u tgħaqqadna b’mod intimu bejnietna, bħala membri ta’ l-istess ġisem, li tiegħu hu r-ras (ara Rum 12:5; 1 Kor 12:12-13).

 

Għalhekk, dak li joħroġ minn dan hu komunjoni qawwija ta’ mħabba.  F’dan is-sens, hemm tifsira għolja f’dak li Pawlu jafferma, hu u jsejjaħ lill-irġiel miżżewġa biex “iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess”: “Bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu” (Efes 5:28-30).  Kemm tkun ħaġa sabiħa li niftakru iżjed ta’ spiss min aħna, dak li fih sawwarna l-Mulej Ġesù: aħna l-ġisem tiegħu, dak il-ġisem li xejn u ħadd ma jista’ qatt iżjed jeħodhulu u li hu jsawwab fuqu l-passjoni u l-imħabba kollha tiegħu, l-istess kif raġel jagħmel ma’ martu.  Dan il-ħsieb, imma, għandu jqanqal fina x-xewqa li naħdmu id f’id mal-Mulej Ġesù u naqsmu mħabbtu ma’ xulxin, bħala membri ħajjin ta’ l-istess ġisem tiegħu.  Fi żmien Pawlu, il-komunità ta’ Korintu kienet qed issibha ħafna bi tqila tagħmel dan, u kienet għaddejja, kif spiss ngħaddu aħna wkoll, mill-esperjenza tal-firdiet, tal-mibegħda u l-għira, tan-nuqqas ta’ ftehim u ta’ l-emarġinazzjoni.  Xejn minn dan m’hu sew, għax, flok jibnu u jkabbru l-Knisja bħala ġisem ta’ Kristu, dawn ifarrkuh f’elf biċċa, jaqsmuh f’biċċiet.  U dan qed jiġri anki fi żmienna.  Jiġuni f’moħħi l-komunitajiet Insara, f’xi parroċċi, fil-postijiet fejn ngħixu, kemm firdiet, kemm mibegħda, kif nitkellmu ħażin fuq xulxin, kemm ma nifhmux lil xulxin u nwarrbu wieħed lill-ieħor.  U dan għal xiex iwassal?  Jaqtagħna minn ma’ xulxin.  Hu l-bidu tal-gwerra.  Il-gwerra ma tibdiex fuq il-kamp tal-battalja: il-gwerra, il-gwerer jibdew fil-qalb, bin-nuqqas ta’ ftehim, firdiet, mibegħda, b’dan il-tilwim ma’ l-oħrajn.  Il-komunità ta’ Korintu hekk kienet, għal dan kienu jinqalgħu l-iżjed!  L-Appostlu Pawlu ta lill-Korintin xi pariri konkreti li jiswew għalina wkoll: ma nkunux għajjurin għal xulxin, imma napprezzaw fil-komunitajiet tagħna d-doni u l-kwalitajiet ta’ ħutna.  L-għira: “Dak xtara karozza ġdida”, u jien inħossni ngħir; “Dan rebaħ il-lottu”, u ngħir mill-ġdid; “U l-ieħor sejjer tajjeb ħafna f’hekk”, u mill-ġdid tiġi l-għira.  Dan kollu jċarrat ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, hu ħażin, m’għandux ikun!  Għax hekk l-għira tikber u timla l-qalb.  U qalb għajjura hi qalb aċiduża, qalb li flok demm donnha għandha l-aċtu fiha; hi qalb li qatt m’hi ferħana, hi qalb li tifred il-komunità.  Imma allura x’għandi nagħmel?  Napprezzaw fil-komunitajiet tagħna d-doni u l-kwalitajiet ta’ l-oħrajn, ta’ ħutna.  U meta titfaċċa l-għira – għax din tiġi lil kulħadd, kollna nidinbu xi darba jew oħra –, jeħtieġ ngħid lill-Mulej: “Grazzi, Mulej, li tajt dan id-don lil dik il-persuna”.  Napprezzaw il-kwalitajiet, inkunu qrib u nieħdu sehem fit-tbatija tal-foqra u ta’ dawk fil-bżonn; nesprimu l-gratitudni tagħna ma’ kulħadd.  Il-qalb li taf tgħid grazzi hi qalb tajba, qalb nobbli, qalb kuntenta.  Nistaqsikom: Kollha nafu ngħidu grazzi, dejjem?  Mhux dejjem, għax il-mibegħda, l-għira żżommna xi ftit.  U, fl-aħħar nett, il-parir li l-Appostlu Pawlu jagħti lill-Korintin u li anki aħna għandna nagħtu lil xulxin: ħadd m’għandu jqis ruħu aqwa mill-oħrajn.  Kemm hemm persuni li jħossuhom aqwa mill-oħrajn!  Anki aħna, spiss ngħidu bħal dak il-Fariżew tal-parabbola: “Nirringrazzjak, Mulej, għax jien m’iniex bħal dan, jien aħjar minnu”.  Imma din ħaġa kerha, qatt m’għandna nagħmluha!  U meta tkun ħa tagħmilha, ftakar fi dnubietek, f’dawk li ħadd ma jaf bihom, istħi quddiem Alla u għid: “Imma int, Mulej, int taf min hu l-aqwa, u jien ħa nagħlaq ħalqi”.  U jagħmillek tajjeb.  U dejjem fl-imħabba nżommu lil xulxin membri wieħed ta’ l-ieħor, li jgħixu u jinagħataw għal xulxin għall-ġid ta’ kulħadd (ara 1 Kor 12-14).

 

Għeżież ħuti, bħall-profeta Eżekjel u bħall-Appostlu Pawlu, nitolbu aħna wkoll lill-Ispirtu s-Santu, biex il-grazzja tiegħu u l-kotra tad-doni tiegħu jgħinuna ngħixu tabilħaqq bħala ġisem ta’ Kristu, magħqudin, bħala familja waħda, imma familja li hi l-ġisem ta’ Kristu, u bħala sinjal li jidher u kollu ġmiel ta’ l-imħabba ta’ Kristu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard