Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Is-Sibt li għadda bdejna l-Ottava ta’ talb għall-għaqda ta’ l-Insara, li tagħlaq is-Sibt li ġej, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu.  Din l-inizjattiva spiritwali, dejjem prezzjuża, ilha iżjed minn mitt sena tiġbor flimkien il-komunitajiet Insara.  Dan hu żmien iddedikat għat-talb għall-għaqda bejn l-imgħammdin kollha, skond ir-rieda ta’ Kristu: “li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).  Kull sena, grupp ekumeniku minn xi reġjun tad-dinja, taħt il-gwida tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes u tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda ta’ l-Insara, jissuġġerixxi t-tema u jipprepara sussidji għall-Ottava ta’ talb.  Din is-sena dawn is-sussidji ġejjin mill-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali tal-Kanada, u jirriferu għall-mistoqsija li San Pawl għamel lill-Insara ta’ Korintu: “Jaqaw Kristu mifrud?” (1 Kor 1:13).

Żgur li Kristu m’hux mifrud.  Imma jeħtieġ nagħrfu b’sinċerità u b’uġigħ tal-qalb li l-komunitajiet tagħna għadhom jgħixu firdiet li huma ta’ skandlu.  Il-firdiet bejnietna l-Insara huma skandlu.  M’hemmx kelma oħra: skandlu.  “Kull wieħed minnkom – kitbilhom l-Appostlu – qiegħed jgħid: ‘Jiena ta’ Pawlu!’, ‘U jiena ta’ Apollo!’, ‘U jiena ta’ Kefa!’, ‘U jiena ta’ Kristu’” (1:12).  Pawlu lanqas lil dawk li kienu qed jistqarru lil Kristu bħala r-ras tagħhom m’hu jfaħħar, għax kienu jużaw l-isem ta’ Kristu biex jinfirdu mill-oħrajn fl-istess komunità Nisranija.  Imma l-isem ta’ Kristu joħloq komunjoni u għaqda, mhux firda!  Hu ġie biex iġibilna l-komunjoni bejnietna, mhux biex jifridna minn xulxin.  Il-Magħmudija u s-Salib huma elementi ċentrali tad-dixxipulat Kristjan li għandna komuni bejnietna.  Il-firdiet, min-naħa l-oħra, idgħajfu l-kredibbiltà u l-effikaċja ta’ l-impenn tagħna ta’ evanġelizzazzjoni u jirriskjaw li jneżżgħu s-Salib mill-qawwa li għandu (ara 1:17).

Pawlu jċanfar lill-Korintin minħabba fit-tilwim ta’ bejniethom, imma jiżżi ħajr ukoll lill-Mulej “għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf” (1:4-5).  Dan il-kliem ta’ Pawlu m’hux xi sempliċi formalità, imma s-sinjal li hu qabel xejn qed jara – u b’dan hu sinċerament jifraħ – id-doni li Alla ta lill-komunità.  Dan l-atteġġjament ta’ l-Appostlu jagħmlilna kuraġġ, lilna u lil kull komunità Nisranija, biex nagħrfu bil-ferħ id-doni ta’ Alla preżenti f’komunitajiet oħra.  Minkejja t-tbatija tal-firdiet, li b’xorti ħażina jibqgħu, ejjew nilqgħu kliem Pawlu bħala stedina biex nifirħu sinċerament bil-grazzji li Alla ta lil Insara oħrajn.  Għandna l-istess Magħmudija, l-istess Spirtu s-Santu li tana l-Grazzja: ejjew nagħrfuh dan u nifirħu.

Kemm hu sabiħ li nistgħu nagħrfu l-grazzja li biha Alla jberikna u, iżjed minn hekk, li nfittxu fi Nsara oħra xi ħaġa li neħtieġu, xi ħaġa li nistgħu nirċievu bħala don minn għand ħutna.  Il-grupp Kanadiż li ħejja s-sussidji ta’ din l-Ottava ta’ talb ma stedinx lill-komunitajiet biex jaħsbu f’dak li jistgħu jagħtu lill-Insara ġirien tagħhom, imma ħeġġiġhom jiltaqgħu biex jifhmu dak li kollha kemm huma jistgħu jirċievu minn għand l-oħrajn.  Dan jitlob minna xi ħaġa iżjed.  Jitlob ħafna talb, jitlob umiltà, jitlob riflessjoni u konverżjoni kontinwa.  Nimxu f’din it-triq, nitolbu għall-għaqda bejn l-Insara, biex dan l-iskandlu jonqos u ma jibqax iżjed fostna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard