IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Ottubru 2015 

Il-Familja – 30. Fedeltà ta’ mħabba

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar meditazzjoni rriflettejna fuq il-wegħdiet importanti li l-ġenituri jagħmlu lil uliedhom, sa minn meta huma maħsuba fl-imħabba u mnissla fil-ġuf.

 

Nistgħu nżidu li, jekk inħarsu iżjed mill-qrib, ir-realtà sħiħa tal-familja hi msejsa fuq il-wegħda – ejjew naħsbu sew f’dan: l-identità tal-familja hi mibnija fuq wegħda –: nistgħu ngħidu li l-familja tgħix bil-wegħda ta’ mħabba u ta’ fedeltà li r-raġel u l-mara jagħmlu lil xulxin.  Dan jiġbor fih l-impenn li jilqgħu u jedukaw l-ulied; imma jitwettaq ukoll meta jieħdu ħsieb tal-ġenituri anzjani, jipproteġu u jieħdu ħsieb ta’ l-iżjed membri dgħajfa tal-familja, jgħinu lil xulxin biex joħorġu l-aħjar kwalitajiet f’xulxin u jaċċettaw il-limiti personali tagħhom.  U l-wegħda konjugali titwessa’ biex taqsam fil-ferħ u t-tbatija tal-missirijiet, l-ommijiet u l-ulied kollha, bi ftuħ ġeneruż fil-konfront tas-soċjetà umana u tal-ġid komuni.  Familja li tingħalaq fiha nfisha qisha kontradizzjoni, tkun qed ixxejjen il-wegħda li minnha twieldet u tgħajjixha.  Tinsew qatt: l-identità tal-familja hi dejjem wegħda li titwessa’, u titwessa’ għall-familja kollha u anki għall-umanità kollha.

 

Fi żmienna, il-ġieħ tal-fedeltà għall-wegħda tal-ħajja tal-familja donnu ddgħajjef ħafna.  Minn naħa, għax id-dritt mifhum ħażin li wieħed ifittex is-sodisfazzjon personali tiegħu, hu x’inhu l-prezz u f’kull relazzjoni, qed jiġi mgħolli bħala prinċipju non-negozjabbli ta’ liber.  Min-naħa l-oħra, għax ir-rabtiet tal-ħajja ta’ relazzjoni u ta’ l-impenn għall-ġid komuni qed jitħallew esklussivament f’idejn dak li trid il-liġi.  Imma fir-realtà ħadd ma jixtieq ikun maħbub biss għall-ġid li għandu jew b’obbligu.  L-imħabba, u magħha l-ħbiberija, jafu l-qawwa u l-ġmiel tagħhom propju lil dan il-fatt: li jnisslu rabta bla ma jneħħu l-libertà.  L-imħabba hi ħielsa, il-wegħda tal-familja hi ħielsa, u dan hu l-ġmiel tagħha.  Bla libertà m’hemmx ħbiberija, bla libertà m’hemmx imħabba, bla libertà m’hemmx żwieġ.

 

Mela, libertà u fedeltà ma jmorrux kontra xulxin, anzi, iwieżnu lil xulxin, kemm fir-relazzjonijiet interpersonali, u kemm f’dawk soċjali.  Fil-fatt, ejjew naħsbu fil-ħsara li jagħmlu, fiċ-ċiviltà tal-komunikazzjoni globali, il-ħafna wegħdiet mhux miżmuma, f’bosta oqsma, u t-tolleranza ta’ l-infedeltà għall-kelma mogħtija u l-impenji meħuda!

 

Iva, għeżież ħuti, il-fedeltà hi wegħda ta’ impenn li twettaq lilha nfisha, tikber fl-ubbidjenza ħielsa għall-kelma mogħtija.  Il-fedeltà hi fiduċja li “trid” tkun realment maqsuma, u tama li “trid” tkun ikkultivata flimkien.  U jekk qed nitkellemu fuq fedeltà, jiġini f’moħħi dak li l-anzjani tagħna, in-nanniet tagħna jirrakkuntaw: “Dari, meta kont tagħmel ftehim, li tieħu b’id il-persuna l-oħra kien biżżejjed, għax il-wegħdiet kienu jinżammu.  U anki dan, li hu fatt soċjali, għandu l-għeruq tiegħu fil-familja, fir-raġel li jieħu b’id il-mara biex it-tnejn jimxu flimkien, għal ħajjithom kollha.

 

Il-fedeltà għall-wegħdiet hi kapulavur veru ta’ l-umanità!  Jekk inħarsu lejn il-ġmiel qalbieni tagħha, kważi tbeżżagħna, imma jekk niddisprezzaw il-fermezza kuraġġjuża tagħha, aħna mitlufin.  L-ebda relazzjoni ta’ mħabba – l-ebda ħbiberija, l-ebda relazzjoni li fiha nixtiequ l-ġid lil xulxin, l-ebda kuntentizza tal-ġid komuni – ma tilħaq il-kobor tax-xewqa u t-tama tagħna, jekk ma tasalx biex tgħajjex dan il-miraklu tar-ruħ.  U ngħid “miraklu”, għax il-qawwa u l-persważjoni tal-fedeltà, minkejja kollox, ma jispiċċawx biex iżommuna f’bozza tal-ħolm, imma dejjem jgħaġġbuna.  Iż-żamma tal-kelma mogħtija, il-fedeltà għall-wegħda, ma tistax tixtrihom jew tbigħhom.  Ma tistax iżżommhom bil-forza, imma lanqas tħarishom mingħajr sagrifiċċju.

 

L-ebda skola oħra ma tista’ tgħallem il-verità ta’ l-imħabba, jekk dan ma tagħmlux il-familja.  L-ebda liġi ma tista’ timponi l-ġmiel u l-wirt ta’ dan it-teżor tad-dinjità umana, jekk ir-rabta personali bejn imħabba u tnissil ma tiktbux hi fuq laħamna.

 

Ħuti, hemm bżonn nagħtu lura l-ġieħ soċjali lill-fedeltà ta’ l-imħabba: irroddu l-ġieħ soċjali lill-fedeltà ta’ l-imħabba!  Hemm bżonn noħorġu mill-moħba tiegħu l-miraklu li qed jitwettaq ta’ kuljum minn miljuni ta’ rġiel u nisa li qegħdin dejjem inisslu mill-ġdid il-fundament tiegħu fil-familja, li minnu kull soċjetà tgħix, bla ma hi kapaċi tiggarantih bl-ebda mod ieħor.  Mhux ta’ b’xejn li dan il-prinċipju tal-fedeltà għall-wegħda ta’ l-imħabba u tat-tnissil hu minqux fil-ħolqien ta’ Alla bħala barka dejjiema, li d-dinja hi fdata lilha.

 

Jekk San Pawl jista’ jistqarr li fir-rabta tal-familja hemm misterjożament irrivelata verità deċiżiva anki għar-rabta tal-Mulej mal-Knisja, dan ifisser li l-Knisja nfisha ssib hawn il-barka tagħha biex tħarisha u li minnha dejjem titgħallem, qabel ma tista’ tgħallimha u tagħmel dixxiplina fuqha.  Il-fedeltà tagħna għall-wegħda hi dejjem fdata lill-grazzja u l-ħniena ta’ Alla.  L-imħabba għall-familja tal-bnedmin, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, hi punt ta’ ġieħ għall-Knisja!  Ħa jagħtina Alla l-grazzja li nwieġbu kif imiss għal din il-wegħda.  U nitolbu wkoll għall-Padri tas-Sinodu: il-Mulej ibierek il-ħidma tagħhom, imwettqa b’fedeltà kreattiva, fil-fiduċja li Hu l-ewwel, il-Mulej – Hu l-ewwel! –li jibqa’ fidil għall-wegħdiet li għamel.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard