IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 21 ta’ Settembru 2016

 

30. Inħennu bħall-Missier (ara Lq 6:36-38)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Għadna kemm smajna s-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (6:36-38) li minnha hu meħud il-motto ta’ din is-Sena Mqaddsa straordinarja: Inħennu bħall-Missier. L-espressjoni sħiħa hi: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (v. 36). Dan mhuwiex xi slogan biex iħalli effett, imma impenn għall-ħajja kollha. Biex nifhmu tajjeb din l-espressjoni, nistgħu nqabbluha ma’ dik pariġġha fil-Vanġelu ta’ Mattew, fejn Ġesù jgħid: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-Smewwiet” (5:48). Fl-hekk imsejjaħ Diskors tal-Muntanja, li jiftaħ bil-Beatitudnijiet, il-Mulej jgħallimna li l-perfezzjoni tikkonsisti fl-imħabba, il-milja tal-preċetti kollha tal-Liġi. F’din l-istess perspettiva, San Luqa jespliċita li l-perfezzjoni hi l-imħabba ħanina: inkunu perfetti jfisser inkunu ħanina. Persuna li mhix ħanina hi perfetta? Le! Persuna li mhix ħanina hi tajba? Le! It-tjieba u l-perfezzjoni għandhom għeruqhom fil-ħniena. Bla dubju, Alla biss hu perfett. Madankollu, jekk inqisuh hekk, isir impossibbli għall-bnedmin li jimmiraw lejn dik il-perfezzjoni assoluta. Imma jekk inżommuh quddiem għajnejna bħala ħanin, inkunu nistgħu nifhmu aħjar fiex tikkonsisti l-perfezzjoni tiegħu u jixprunana biex insiru bħalu mimlija mħabba, kompassjoni, ħniena.

 

Imma hawn nistaqsi lili nnifsi: Kliem Ġesù hu realistiku? Veru hu possibbli li nħobbu kif iħobb Alla u nkunu ħanina bħalu?

 

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja tas-salvazzjoni, naraw li r-rivelazzjoni kollha ta’ Alla hi mħabba għall-bnedmin li la tieqaf u lanqas tegħja: Alla hu bħal missier jew bħal omm li jħobb bi mħabba bla qies u jsawwabha bil-kotra fuq kull ħlejqa. Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib hi l-quċċata tal-istorja ta’ mħabba ta’ Alla mal-bnedmin. Imħabba hekk kbira li Alla biss jista’ jasal għaliha. Hi ħaġa ċara li meta nqabbluha ma’ din l-imħabba bla qies, l-imħabba tagħna hi difettuża. Imma meta Ġesù qed jitlobna nħennu bħall-Missier, f’moħħu m’għandux il-kwantità! Hu jitlob mid-dixxipli tiegħu li jsiru sinjal, kanali, xhieda tal-ħniena tiegħu.

 

U l-Knisja ma tistax ħlief tkun sagrament tal-ħniena ta’ Alla fid-dinja, f’kull żmien u għall-bnedmin kollha. Mela kull Nisrani hu msejjaħ ikun xhud tal-ħniena, u dan iseħħ f’mixja ta’ qdusija. Ejjew naħsbu f’kemm qaddisin saru ħanina għax ħallew il-ħniena divina timla l-qalb tagħhom. Laħħmu fihom l-imħabba tal-Mulej billi sawbuha fuq il-kotra ta’ ħtiġijiet tal-bnedmin bit-tbatijiet tagħhom. Hekk ixxettlu tant għamliet ta’ karità u sar possibbli li wieħed jieħu idea tal-mera tal-wiċċ ħanin ta’ Kristu.

 

Nistaqsu: Xi jfisser għad-dixxpli li jħennu? Ġesù dan ifissru b’żewġ verbi: “aħfru” (v. 37) u “agħtu” (v. 38).

 

Qabelxejn, il-ħniena tesprimi ruħha fil-maħfra: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra” (v. 37). Ġesù ma jridx b’xi mod jindaħal fil-kors tal-ġustizzja umana, imma jfakkar lid-dixxipli li biex bejniethom ikollhom relazzjoni ta’ aħwa jeħtieġ iżommu lura milli jiġġudikaw u jikkundannaw. Fil-fatt hi l-maħfra l-pilastru li jrieġi l-ħajja tal-komunità Nisranija, għax fiha tidher l-imħabba b’xejn li biha Alla ħabbna hu l-ewwel. In-Nisrani għandu jaħfer! Imma għaliex? Għax hu stess ġie maħfur. Aħna lkoll li ninsabu hawn, illum, fil-pjazza, ġejna maħfura. Ħadd minna ma jista’ jgħid li f’ħajtu qatt ma ġie bżonn il-maħfra ta’ Alla. U ladarba aħna ġejna maħfura, jeħtieġ naħfru. Ilkoll nistqarruh dan fil-Missierna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Mela naħfru d-deni li jsirilna, naħfru tant ħwejjeġ, għax aħna ġejna maħfura tant nuqqasijiet, tant dnubiet. U hekk faċli taħfer: jekk Alla lili ħafirli, għaliex m’għandix naħfer lill-oħrajn? Forsi jien aqwa minn Alla? Dan il-pilastru tal-maħfra jurina li l-imħabba ta’ Alla hija b’xejn, li hu ħabbna l-ewwel. Nagħmlu żball niġġudikaw u nikkundannaw lil ħuna li dineb. Mhux għax ma rridux nagħrfu d-dnub li sar, imma għax meta nikkundannaw il-midneb inkunu nkissru r-rabta ta’ aħwa li għandna miegħu u nistmerru l-ħniena ta’ Alla, li ma jrid jiċħad lil ħadd minn uliedu. M’għandna l-ebda jedd nagħmlu ħaqq minn ħuna li żbalja, m’aħniex ’il fuq minnu: pjuttost għandna d-dmir li nreġġgħuh lura għad-dinjità ta’ iben il-Missier u nseħbuh fil-mixja tiegħu ta’ konverżjoni.

 

Lill-Knisja tiegħu, lilna, Ġesù jurina wkoll it-tieni pilastru: “agħtu”. Li naħfru hu l-ewwel pilastru; li nagħtu hu t-tieni pilastru. “Agħtu, u jingħatalkom […] bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (v. 38). Alla jagħtina wisq aktar milli jistħoqqilna, imma jiftaħ ħafna aktar idejh ma’ dawk li fuq l-art kienu ġenerużi. Ġesù ma jgħidx x’sa jiġri minn dawk li ma jagħtux, imma x-xbieha tal-“kejl” hi twiddiba serja: bil-kejl tal-imħabba li nagħtu, aħna stess inkunu qed niddeċiedu kif sa jsir ħaqq minna, kif sa nkunu maħbuba. Jekk naraw tajjeb, hemm loġika koerenti: bil-kejl li bih nirċievu mingħand Alla, nagħtu lil ħutna, u bil-kejl li nagħtu lil ħutna, nirċievu mingħand Alla!

 

Għalhekk l-imħabba ħanina hi l-unika triq li rridu nimxu. Kemm għandna bżonn ilkoll kemm aħna li nuru xi ftit iżjed ħniena, li ma nqassux fuq l-oħrajn, li ma niġġudikawx, li ma “nżarmawx” lill-oħrajn bil-kritika tagħna, bil-mibegħda, bl-għira! Jeħtieġ naħfru, inħennu, inqattgħu ħajjitna fl-imħabba. Din l-imħabba lid-dixxipli ta’ Ġesù tgħinhom ma jitilfux l-identità li rċivew minnu, u jagħrfu li huma wlied l-istess Missier. Hekk fl-imħabba li huma jħaddmu f’ħajjithom tidwi dik il-Ħniena li ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13:1-12). Imma tinsewhx dan: ħniena u don; maħfra u don. Hekk il-qalb titwessa’, titwessa’ fl-imħabba. Imma l-egoiżmu, ir-rabja, iċekknu l-qalb, li tibbies bħal ġebla. X’tippreferu? Qalb tal-ġebel jew qalb mimlija mħabba? Jekk tippreferu qalb mimlija mħabba, ħennu!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard