IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Mejju 2014

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Il-lum nixtieq nixħet dawl fuq don ieħor ta’ l-Ispirtu s-Santu, id-don tax-xjenza.  Meta nitkellmu dwar xjenza, il-ħsieb tagħna minnufih jaqa’ fuq il-ħila tal-bniedem li jkun jaf dejjem aħjar ir-realtà li biha hu mdawwar u li jiskopri l-liġijiet li jmexxu n-natura u l-univers.  Imma x-xjenza li tiġi mill-Ispirtu s-Santu ma tillimitax ruħha biss għall-għarfien uman: hi don speċjali, li jwassalna biex, permezz tal-ħolqien, nifhmu l-kobor u l-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni profonda tiegħu ma’ kull ħlejqa.

 

1. Meta għajnejna huma mdawla mill-Ispirtu, huma jinfetħu għall-kontemplazzjoni ta’ Alla, fil-ġmiel tan-natura u fil-kobor tal-kożmu, u jwassluna biex niskopru kif kull ħaġa tkellimna dwarU u dwar imħabbtu.  Dan kollu jqajjem fina għoġba kbira u sens qawwi ta’ gratitudni!  Hi s-sensazzjoni li nħossu anki meta nammiraw xi opra ta’ arti jew kull meravilja oħra li hi frott tal-ġenju u tal-kreattività tal-bniedem: quddiem dan kollu, l-Ispirtu jwassalna biex infaħħru lill-Mulej mill-qiegħ tal-qalb tagħna u biex, f’dak kollu li għandna u aħna, nagħrfu don bla qies ta’ Alla u sinjal ta’ mħabbtu bla tarf għalina.

 

2. Fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, sewwa sew fil-bidu tal-Bibbja kollha, naraw kif Alla kien kuntent bil-ħolqien tiegħu, b’enfasi mtennija fuq il-ġmiel u t-tjieba ta’ kull ħaġa.  Fi tmiem kull ġurnata, insibu miktub: “Alla ra li kollox kien tajjeb” (1:12,18,21,25): jekk Alla jara li l-ħolqien hu ħaġa tajba, hu ħaġa sabiħa, anki aħna jrid ikollna dan l-atteġġjament u naraw fil-ħolqien ħaġa tajba u sabiħa.  Hawn hu d-don tax-xjenza li jgħinna nilmħu dan il-ġmiel, biex hekk infaħħru lil Alla, irroddulu ħajr talli tana tant ġmiel.  U meta Alla temm joħloq il-bniedem, ma naqrawx li “ra li kienet ħaġa tajba”, imma jgħid li kienet “tajba ħafna” (v. 31).  F’għajnejn Alla aħna l-aktar ħaġa sabiħa, kbira u tajba fil-ħolqien kollu: anki l-anġli qegħdin taħtna, aħna aqwa mill-anġli, kif smajna fil-ktieb tas-Salmi.  Il-Mulej iħobbna!  Għandna rroddulu ħajr ta’ dan.  Id-don tax-xjenza jqegħidna f’sintonija qawwija mal-Ħallieq u jagħtina sehem fil-mod ċar ta’ kif hu jħares u jiġġudika kollox.  U f’din il-prospettiva li aħna jirnexxielna nagħrfu fir-raġel u fil-mara l-quċċata tal-ħolqien, bħala twettiq ta’ pjan ta’ mħabba li hu mnaqqax f’kull wieħed u waħda minna u li jagħmilna lkoll aħwa ta’ xulxin.

 

3. Dan kollu hu raġuni biżżejjed biex nimtlew bis-serenità u l-paċi u jagħmel min-Nisrani xhud hieni ta’ Alla, fuq il-passi ta’ San Franġisk ta’ Assisi u ta’ tant qaddisin li għarfu jfaħħru u jgħannu l-imħabba tiegħu permezz tal-kontemplazzjoni tal-ħolqien.  Fl-istess waqt, imma, id-don tax-xjenza jgħinna ma naqgħux f’ċerti atteġġjamenti eċċessivi jew żbaljati.  L-ewwel hu r-riskju li nqisu ruħna sidien tal-ħolqien.  Il-ħolqien m’hux propjetà tagħna, li nistgħu nagħmlu biha li rridu; wisq inqas m’hu propjetà ta’ xi wħud biss, tal-ftit: il-ħolqien hu don, hu don mill-isbaħ li tana Alla, biex nieħdu ħsiebu u nużawh għall-ġid ta’ kulħadd, dejjem bl-ogħla rispett u gratitudni.  It-tieni atteġġjament żbaljat jiġi mit-tentazzjoni li nieqfu mal-ħlejjaq, bħallikieku dawn jistgħu jagħtuna t-tweġiba għax-xewqat kollha tagħna.  Bid-don tax-xjenza, l-Ispirtu jgħinna ma naqgħux f’dan l-iżball.

 

Imma nixtieq nerġa’ lura għall-ewwel triq żbaljata: li nqisuna sidien tal-ħolqien flok inħarsuh.  Jeħtieġ inħarsu l-ħolqien għax hu don li tana l-Mulej, hu r-rigal ta’ Alla lilna; aħna ħarriesa tal-ħolqien.  Meta aħna nisfruttaw il-ħolqien, inkunu neqirdu s-sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Meta neqirdu l-ħolqien, lil Alla nkunu ngħidulu: “Ma jogħġobnix”.  U dan m’hux sew: hawn jidħol id-dnub.

 

Il-ħarsien tal-ħolqien fil-verità hu l-ħarsien tad-don ta’ Alla, u hekk lil Alla nkunu ngħidulu: “Grazzi, jien il-ħarries tal-ħolqien, imma biex jimxi ’l quddiem, u qatt biex neqred id-don tiegħek”.  Din għandha tkun l-imġiba tagħna fil-konfront tal-ħolqien: inħarsuh, għax jekk neqirdu l-ħolqien, il-ħolqien jeqred lilna!  Tinsewhx dan.  Darba kont fil-kampanja u smajt dan il-qawl minn fomm persuna sempliċi, li kienu jogħġbuha wisq il-fjuri u kienet tieħu ħsiebhom.  Qaltli: “Irridu nieħdu ħsiebhom dawn il-ħwejjeġ sbieħ li tana Alla; il-ħolqien qiegħed hemm għalina biex nagħmlu użu tajjeb minnu; mhux biex nisfruttawh, imma biex inħarsuh, għax Alla jaħfer dejjem, aħna l-bnedmin naħfru xi kultant, imma n-natura ma taħfirha qatt, u jekk int ma tiħux ħsiebha, teqirdek hi”.

 

Dan għandu jġagħilna naħsbu biex nistgħu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu d-don tax-xjenza ħalli nistgħu nifhmu sew li l-ħolqien hu l-isbaħ rigal li tana Alla.  Hu għamel tant ħwejjeġ tajbin għall-aktar ħaġa tajba li hi l-persuna umana.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard