IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa
20 ta’ April
2016
15.
Id-dmugħ tal-midinba jikseb il-maħfra (Lq
7:36-50)
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-lum nixtieq
nieqaf fuq aspett tal-ħniena li hu rrappreżentat tajjeb mis-silta
tal-Vanġelu ta’ Luqa li għadna kemm smajna. Din hi ġrajja li
għadda minnha Ġesù meta darba kien mistieden għand Fariżew
jismu Xmun. Dan ried jistieden lil Ġesù f’daru għax kien
semagħhom jitkellmu tajjeb fuqU bħala profeta kbir. U waqt li jkunu
bil-qiegħda għall-ikel, tidħol mara li fil-belt hi magħrufa
minn kulħadd bħala midinba. Din, bla ma biss tiftaħ fommha,
tinxteħet f’riġlejn Ġesù u tinfexx tibki; bi dmugħha xxarrab
saqajn Ġesù u tixxuttahomlu b’xuxitha, imbagħad tbushom u tidlikhom biż-żejt
ifuħ li ġabet magħha.
Tispikka
d-differenza bejn iż-żewġ figuri: dik ta’ Xmun, il-qaddej
żelanti tal-liġi, u dik tal-mara midinba li ma nafux isimha. Waqt li l-ewwel
wieħed jiġġudika lill-oħrajn fuq id-dehra, it-tieni
bil-ġesti tagħha tesprimi b’sinċerità dak li hemm fil-qalb
tagħha. Xmun, anki jekk kien stieden għandu lil Ġesù, ma jridx
jikkomprometti ruħu u lanqas jidher li hu ma’ l-Imgħallem; il-mara,
għall-kuntrarju, tafda fih b’mod sħiħ, bi mħabba u b’qima.
Il-Fariżew ma
jistax jifhem kif Ġesù jippermetti li “jiċċappas” mill-midinbin.
Hu jaħseb li kieku dan kien tassew profeta, messu jagħraf min huma u
jżomm ’il bogħod minnhom biex ma jiċċappasx, qishom kienu
xi mġiddmin. Din l-imġiba hi tipika ta’ ċertu mod ta’ kif
wieħed jifhem ir-reliġjon, u hi mmotivata mill-fatt li Alla u d-dnub
huma radikalment kontra xulxin. Imma l-Kelma ta’ Alla tgħallimna
nagħżlu bejn id-dnub u l-midneb: mad-dnub ma tistax tidħol f’kompromessi,
waqt li l-midinbin – jiġifieri lkoll kemm aħna! – huma bħal
morda, li għandhom bżonn il-fejqan, u biex ifiqu hemm bżonn li
t-tabib joqrob lejhom, iżurhom, imisshom. U naturalment il-marid, biex
ifiq, irid jagħraf li għandu bżonn tat-tabib!
Bejn
il-Fariżew u l-mara midinba, Ġesù jagħżel li jkun ma’ din
ta’ l-aħħar. Ġesù, ħieles minn kull preġudizzju li
jżomm lill-ħniena milli tesprimi ruħha, iħalliha
tagħmel dak li ġiet biex tagħmel. Hu, il-Qaddis ta’ Alla,
iħalliha tmissu bla ma jibża’ li ħa jittieħed minn xi
marda. Ġesù hu ħieles, għax hu qrib ta’ Alla li hu Alla
ħanin. U din il-qrubija lejn Alla, Missier kollu ħniena, tagħti
lil Ġesù libertà sħiħa. Anzi, meta jidħol f’relazzjoni
mal-midinba, Ġesù jtemm dik il-qagħda ta’ iżolament li
għalih hi kienet ġiet ikkundannata mill-ġudizzju bla ħniena
tal-Fariżew u ta’ sħabu: “Dnubietek maħfura” (v. 48). Il-mara
issa tista’ tmur “fis-sliem”. Il-Mulej ra s-sinċerità tal-fidi tagħha
u tal-konverżjoni tagħha; għalhekk jipproklama quddiem
kulħadd: “Il-fidi tiegħek salvatek” (v. 50). Minn naħa, dak
il-wiċċ b’ieħor ta’ l-imgħallem tal-liġi,
min-naħa l-oħra għandna s-sinċerità, l-umiltà u l-fidi
tal-mara. Aħna lkoll midinba, imma ħafna drabi naqgħu
fit-tentazzjoni tal-wiċċ b’ieħor, li naħsbu li aħna
aħjar mill-oħrajn, u ngħidu: “Ara d-dnub tiegħek…”. Imma
lkoll kemm aħna għandna nħarsu lejn id-dnub tagħna,
il-waqgħat tagħna, l-iżbalji tagħna u ndawru ħarsitna
fuq il-Mulej. Din hi t-triq tas-salvazzjoni: ir-relazzjoni bejn il-“jien”
midneb u l-Mulej. Jekk jiena nħossni bniedem tajjeb, ma jistax ikolli din
ir-relazzjoni ta’ salvazzjoni.
Hawnhekk, dawk li
kienu madwar il-mejda sabu iżjed biex jistagħġbu: “Dan
min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” (v.
49). Ġesù ma jagħtihomx tweġiba espliċita, imma
l-konverżjoni tal-mara midinba tidher quddiem għajnejn kulħadd u
turi li Fih tilma l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla, li kapaċi tibdel
il-qlub.
Il-mara midinba
tgħallimna li hemm rabta bejn il-fidi, l-imħabba u li wieħed
ikun rikonoxxenti. Inħafrulha “ħafna dnubiet” u għalhekk
ħabbet ħafna; “imma
min jinħafirlu ftit, ftit iħobb” (v. 47). Anki l-istess Xmun ikollu jammetti li
jħobb l-iżjed dak li lilu nħafirlu l-iżjed. Alla
geżwer lil kulħadd fl-istess misteru tal-ħniena tiegħu; u
minn din l-imħabba, li dejjem qiegħda hemm qabilna, aħna lkoll
nitgħallmu nħobbu. Kif ifakkarna San Pawl: “Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf
u l-għaqal kollu” (Efes 1:7-8). F’dan it-test, il-kelma “grazzja” prattikament hi sinonimu tal-ħniena, u naqraw li biha “fawwarna”, jiġifieri wisq aktar milli qatt
stennejna aħna, għax twettaq il-pjan tal-fidwa ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.
Għeżież
ħuti, ejjew inkunu rikonoxxenti għad-don tal-fidi, irroddu ħajr
lil Alla għal imħabbtu hekk kbira u li ma kinitx tistħoqqilna!
Inħallu l-imħabba ta’ Kristu tissawwab fuqna: ma’ din l-imħabba
jitħaddan id-dixxiplu u fuqha jissawwar; minn din l-imħabba kull
wieħed u waħda minna jista’ jitrejjaq u jissaħħaħ.
Hekk, fl-imħabba rikonoxxenti li mbagħad aħna nsawbu fuq
ħutna, fid-djar tagħna, fil-familja, fis-soċjetà, inkunu
ngħaddu lil kulħadd il-ħniena tal-Mulej.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard