Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

 

Il-lum irrid nieqaf fuq il-vjaġġ appostoliku tiegħi fis-Sri Lanka u l-Filippini, li għamilt il-ġimgħa l-oħra.  Wara ż-żjara tiegħi fil-Korea xi xhur ilu, erġajt żort mill-ġdid l-Asja, kontinent ta’ tradizzjonijiet kulturali u spiritwali għonja.  Il-vjaġġ kien fuq kollox laqgħa hienja mal-komunitajiet ekkleżjali li, f’dawk il-pajjiżi, qed jagħtu xhieda ta’ Kristu: wettaqthom fil-fidi u l-missjonarjetà.  Se nibqa’ ngħożż għal dejjem f’qalbi t-tifkira tal-laqgħa sabiħa ta’ festa min-naħa tal-folol – f’xi każi saħansitra oċeaniċi –, li sieħbet il-mumenti ewlenin tal-vjaġġ.  Barra minn hekk, ħeġġiġt id-djalogu interreliġjuż għas-servizz tal-paċi, kif ukoll il-mixja ta’ dawk il-popli lejn l-għaqda u l-iżvilupp soċjali, speċjalment bil-familji u ż-żgħażagħ bħala protagonisti.

 

Il-qofol tal-waqfa tiegħi fis-Sri Lanka kienet il-kanonizzazzjoni tal-missjunarju kbir Giuseppe Vaz.  Dan is-saċerdot qaddis kien jamministra, spiss bil-moħbi, is-sagramenti lill-fidili, imma kien ukoll jgħin bla distinzjoni ta’ xejn lil kull min kien fil-bżonn, minn kull reliġjon jew qagħda soċjali.  L-eżempju tiegħu ta’ qdusija u mħabba lejn il-proxxmu jissokta jnebbaħ lill-Knisja fis-Sri Lanka fl-appostolat tagħha ta’ karità u ta’ edukazzjoni.  Urejt lil San Ġużepp Vaz bħala mudell għall-Insara kollha, li l-lum huma msejħin jipproponu l-verità salvifika tal-Vanġelu f’kuntest multi-reliġjuż, b’rispett lejn l-oħrajn, b’perseveranza u b’umiltà.

 

Is-Sri Lanka hi pajjiż ta’ ġmiel naturali kbir, li l-poplu tagħha qed ifittex jibni l-għaqda mill-ġdid wara kunflitt ċivili twil u drammatiku.  Fil-laqgħa tiegħi ma’ l-Awtoritajiet tal-Gvern sħaqt fuq l-importanza tad-djalogu, tar-rispett għad-dinjità umana, ta’ l-isforz biex kulħadd iħossu involut ħalli jinstabu soluzzjonijiet xierqa għar-rikonċiljazzjoni u l-ġid komuni.

 

Id-diversi reliġjonijiet għandhom rwol sinifikattiv x’jiżvolġu f’dan.  Il-laqgħa tiegħi ma’ l-esponenti reliġjużi kienet konferma tar-relazzjonijiet tajba li diġà jeżistu bejn id-diversi komunitajiet.  F’dan il-kuntest ridt inħeġġeġ il-koperazzjoni li diġà hemm bejn is-segwaċi tad-diversi tradizzjonijiet reliġjużi, biex anki jdewwu bil-balzmu tal-maħfra lil dawk li għadhom maħbuta mit-tbatijiet ta’ l-aħħar snin.  It-tema tar-rikonċiljazzjoni kkaratterizzat ukoll iż-żjara tiegħi lis-Santwarju ta’ Sidtna Marija ta’ Madhu, meqjuma ħafna mill-popolazzjonijiet Tamil u Cingal u post ta’ pellegrinaġġi għal membri ta’ reliġjonijiet oħra.  F’dak il-post qaddis tlabna lil Omma Marija biex tikseb għall-poplu kollu tas-Sri Lanka d-don ta’ l-għaqda u tal-paċi.

 

Mis-Sri Lanka tlaqt lejn il-Filippini, fejn il-Knisja qed titħejja biex tiċċelebra l-ħames ċentinarju mill-wasla tal-Vanġelu.  Hu l-aktar pajjiż Kattoliku ta’ l-Asja, u l-poplu Filippin hu magħruf sew għall-fidi qawwija tiegħu, ir-reliġjożità u l-entużjażmu tiegħu, anki fid-djaspora.  Fil-laqgħa tiegħi ma’ l-Awtoritajiet Nazzjonali, kif ukoll fil-mumenti ta’ talb u waqt il-Quddiesa ffullata ta’ l-għeluq, sħaqt fuq il-fekondità kostanti tal-Vanġelu u l-ħila tiegħu li jnebbaħ lejn soċjetà li tixraq lill-bniedem, fejn hemm post għad-dinjità ta’ kull persuna u x-xewqat tal-poplu Filippin.

 

Għan ewlieni taż-żjara tiegħi, u raġuni għaliex iddeċidejt li mmur il-Filippini – din kienet ir-raġuni prinċipali –, kien biex nesprimi l-qrubija tiegħi lejn ħutna li ġarrbu d-devastazzjoni tat-tifun Yolanda.  Mort Tacloban, fir-reġjun li ntlaqat l-agħar, fejn faħħart il-fidi u l-ħila tal-popolazzjoni lokali li terġa’ tieqaf fuq saqajha.  F’Tacloban, sfortunatament, il-kundizzjonijiet koroh tal-klima ħallew vittma oħra innoċenti: il-voluntiera żagħżugħa Kristel, li r-riħ waqqa’ fuqha struttura li għaffġitha u qatlitha.  Imbagħad irringrazzjajt lil dawk kollha, minn kull naħa tad-dinja, li wieġbu għall-bżonnijiet tagħhom b’għadd ġeneruż ta’ għajnuniet.  Il-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, li dehret fil-misteru tas-Salib, inkixfet fl-ispirtu ta’ solidarjetà li deher fil-kotra ta’ għemejjel ta’ karità u ta’ sagrifiċċju li mmarkaw dawk il-jiem mudlama.

 

Il-laqgħat mal-familji u maż-żgħażagħ f’Manila kienu mumenti qawwija taż-żjara tiegħi fil-Filippini.  Il-familji b’saħħithom huma essenzjali għall-ħajja tas-soċjetà.  Nitfarraġ u nħossni nimtela bit-tama meta nara tant familji numerużi li jilqgħu l-ulied bħala veru don ta’ Alla.  Huma jafu li kull tifel u tifla huma barka.  Smajt lil min jgħid li l-familji b’ħafna wlied u t-twelid ta’ tant trabi huma fost il-kawżi tal-faqar.  Jidhirli li din hi oponjoni sempliċistika.  Nista’ ngħid, nistgħu ngħidu lkoll, li l-kawża prinċipali tal-faqar hi sistema ekonomika li neħħiet lill-persuna miċ-ċentru u flokha qiegħdet il-flus; sistema ekonomika li teskludi, teskludi dejjem: teskludi t-tfal, l-anzjani, iż-żgħażagħ, bla xogħol… – u li toħloq il-kultura ta’ l-iskart li qed ngħixu fiha.  Issa drajna naraw persuni mormija.  Din hi r-raġuni prinċipali wara l-faqar, mhux il-familji numerużi.  B’ħarsti fuq il-figura ta’ San Ġużepp, li ħares il-ħajja tas-“Santo Niño”, tant meqjum f’dak il-pajjiż, fakkart li jeħtieġ inħarsu l-familji, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna theddidiet, biex jistgħu jagħtu xhieda tal-ġmiel tal-familja fil-pjan ta’ Alla.  Irridu wkoll inħarsu lill-familja mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi ġodda, li qed jattakkaw l-identità u l-missjoni tagħha.

 

U għalija kien ta’ ferħ kbir li nkun maż-żgħażagħ tal-Filippini, biex nisma’ t-tamiet tagħhom u t-tħassib tagħhom.  Ridt noffrilhom l-inkuraġġiment tiegħi għall-isforzi tagħhom biex jagħtu sehemhom fit-tiġdid tas-soċjetà, speċjalment permezz tal-qadi tal-foqra u l-ħarsien ta’ l-ambjent naturali.

 

Il-kura tal-foqra hi element essenzjali tal-ħajja u x-xhieda Nisranija tagħna – aċċennajt għal dan ukoll tul iż-żjara; dan ifisser li nirrifjutaw kull għamla ta’ korruzzjoni, għax il-korruzzjoni tisraq lill-foqra, u jitlob kultura ta’ onestà.

 

Irrodd ħajr lill-Mulej għal din iż-żjara pastorali fis-Sri Lanka u fil-Filippini.  Nitolbu jbierek dejjem lil dawn iż-żewġ pajjiżi u jwettaq il-fedeltà ta’ l-Insara għall-messaġġ evanġeliku tal-fidwa, ir-rikonċiljazzjoni u l-komunjoni tagħna ma’ Kristu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard