IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 20 ta’ Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt dwar il-maħfra tad-dnubiet, b’riferenza partikulari għall-Magħmudija.  Il-lum inkomplu fuq it-tema tal-maħfra tad-dnubiet, imma b’riferenza għall-hekk imsejħa “setgħa ta’ l-imfietaħ”, li huma simbolu Bibliku tal-missjoni li Ġesù ta lill-Appostli.

 

Qabel xejn irridu niftakru li l-protagonista tal-maħfra tad-dnubiet hu l-Ispirtu s-Santu.  Fl-ewwel dehra tiegħu lill-Appostli, fiċ-Ċenaklu, Ġesù Rxoxt għamel il-ġest li nefaħ fuqhom u qalilhom: Ħudu l-Ispirtu s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma (Ġw 20:22-23).  Ġesù, mibdul f’ġismu, issa hu l-bniedem ġdid, li jqassam id-doni ta’ l-Għid frott il-mewt u l-qawmien tiegħu.  Liema huma dawn id-doni?  Il-paċi, il-ferħ, il-maħfra tad-dnubiet, il-missjoni, imma fuq kollox jagħti l-Ispirtu s-Santu li hu l-għajn ta’ dan kollu.  In-nifs ta’ Ġesù, flimkien mal-kliem li bihom jagħti l-Ispirtu, ifissru li qed jgħaddi l-ħajja, il-ħajja ġdida miġjuba mill-maħfra.

 

Imma qabel il-ġest li bih jonfoħ u jagħti l-Ispirtu, Ġesù jurihom il-pjagi tiegħu, fl-idejn u fil-kustat: dawn il-ġrieħi jirrappreżentaw il-prezz tas-salvazzjoni tagħna.  L-Ispirtu s-Santu jġibilna l-maħfra ta’ Alla billi “jgħaddi minn” ġol-pjagi ta’ Ġesù.  Dawn il-pjagi li Hu ried iżomm fuqu; anki bħalissa fis-Sema hu qed juri lill-Missier il-pjagi li bihom fdiena.  Bil-qawwa tal-pjagi tiegħu, id-dnubiet tagħna huma maħfura: hekk Ġesù ta ħajtu biex aħna jkollna l-paċi, ikollna l-ferħ, biex nirċievu fil-qalb tagħna d-don tal-grazzja, il-maħfra ta’ dnubietna.  Xi ġmiel inħarsu hekk lejn Ġesù!

 

U niġu għat-tieni aspett: Ġesù jagħti lill-Appostli s-setgħa li jaħfru d-dnubiet.  Hu ftit diffiċli nifhmu kif bniedem jista’ jaħfer id-dnubiet, imma Ġesù jagħtiha din is-setgħa.  Il-Knisja hi depożitarja tas-setgħa ta’ l-imfietaħ, biex tista’ tiftaħ jew tagħlaq il-bieb għall-maħfra.  Alla, fil-ħniena tiegħu ta’ l-għaġeb, jaħfer lil kull bniedem, imma Hu stess ried li dawk kollha li huma ta’ Kristu u tal-Knisja jirċievu l-maħfra permezz tal-ministri tal-Komunità.  Permezz tal-ministeru Appostoliku l-ħniena ta’ Alla tilħaq lili, il-ħtijiet tiegħi jiġu maħfura u nirċievi l-ferħ.  B’dan il-mod Ġesù jsejħilna ngħixu r-rikonċiljazzjoni anki fid-dimensjoni ekkleżjali, komunitarja.  U din hi ħaġa tassew sabiħa.  Il-Knisja, li hi qaddisa u fl-istess ħin għandha bżonn tal-penitenza, takkumpanjana fil-mixja tagħna ta’ ndiema tul ħajjitna kollha.  Il-Knisja m’hix sidt is-setgħa ta’ l-imfietaħ, imma hi qaddejja tal-ministeru tal-ħniena u tifraħ kull darba li tista’ tqassam dan id-don divin.

 

Ħafna nies forsi ma jifhmux id-dimensjoni ekkleżjali tal-maħfra, għax jiddominaw dejjem l-individwaliżmu, is-suġġettiviżmu, u anki aħna l-Insara niġu affettwati minn dawn.  Ċertament, Alla jaħfer lil kull midneb niedem personalment, imma n-Nisrani hu marbut ma’ Kristu, u Kristu hu ħaġa waħda mal-Knisja.  Għalina l-Insara hemm don ieħor, u hemm ukoll impenn ieħor: li ngħaddu umilment mill-ministeru ekkleżjali.  Dan irridu nagħtuh valur; hu don, kura, protezzjoni u anki ċertezza li Alla ħafirli.  Jien immur għand ħija saċerdot u ngħidlu: “Missier, għamilt hekk…”.  U hu jweġibni: “Imma jien naħfirlek; Alla jaħfirlek”.  F’dak il-mument, jiena ċert li Alla ħafirli!  U dan hu s-sabiħ, dan ifisser li jkollok iċ-ċertezza li Alla dejjem se jaħfirlek, me jegħja qatt jaħfer.  U ma rridux negħjew immorru u nitolbu maħfra.  Jista’ jkun li nħossuna nistħu aħna u nistqarru dnubietna, imma ommijietna u nannietna kienu jgħidu li aħjar tiħmar darba milli tisfar elf darba.  Darba niħmaru, imma jinħafrulna dnubietna u nibqgħu mexjin.

 

Fl-aħħar nett, punt ta’ l-aħħar: is-saċerdot hu strument għall-maħfra tad-dnubiet.  Il-maħfra ta’ Alla li tingħatalna fil-Knisja, tgħaddi għandna permezz tal-ministeru ta’ ħuna, is-saċerdot; anki hu bniedem li bħalna għandu bżonn tal-ħniena, isir tabilħaqq strument ta’ ħniena, u jagħtina l-imħabba bla qies ta’ Alla l-Missier.  Anki s-saċerdoti jridu jqerru, anki l-Isqfijiet: kollha kemm aħna midinbin.  Anki l-Papa jmur iqerr kull ħmistax, għax anki l-Papa hu midneb.  U l-konfessur jisma’ dak li għandi x’ngħidlu, jagħtini l-parir u jaħfirli, għax ilkoll għandna bżonn ta’ din il-maħfra.  Xi kultant jiġri li nisimgħu lil xi ħadd isostni li hu jmur iqerr direttament għand Alla…  Iva, kif kont qed ngħid qabel, Alla dejjem jisimgħek, imma fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jibgħatlek wieħed mill-aħwa biex iwassallek il-maħfra, iċ-ċertezza tal-maħfra, f’isem il-Knisja.

 

Is-servizz li s-saċerdot jagħti bħala ministru, f’isem Alla, meta jaħfer id-dnubiet hu delikat ħafna u jitlob minnu li jkollu qalbu fil-paċi, li s-saċerdot ikollu qalbu fil-paċi; li ma jiħux bl-herra lil ħutu, imma jkun ħelu, twajjeb u ħanin magħhom; li jkun jaf jiżra’ t-tama fil-qlub u, fuq kollox, iżomm f’moħħu li ħuh jew oħtu li resqu għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qed ifittxu l-maħfra u dan qed jagħmluh l-istess kif tant nies kienu jersqu lejn Ġesù biex ifejjaqhom.  Is-saċerdot li m’għandux din id-dispożizzjoni ta’ l-ispirtu, sakemm ma jikkoreġix ruħu, aħjar ma jamministra xejn dan is-Sagrament.  Il-fidili penitenti għandhom id-dritt, il-fidili kollha għandhom id-dritt li fis-saċerdoti jsibu qaddejja tal-maħfra ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, bħala membri tal-Knisja aħna nafu xi ġmiel fih dan id-don li qed joffrilna Alla nnifsu?  Inħossu l-ferħ ta’ din l-għożża, ta’ din l-attenzjoni materna li l-Knisja għandha għalina?  Nafu nivvalorizzawha b’sempliċità u assidwità?  Ma ninsewx li Alla ma jegħja qatt jaħfrilna; permezz tal-ministeru tas-saċerdot hu jrossna miegħu f’tgħanniqa ġdida li terġa’ timlina bil-ħajja u tippermettilna li nerġgħu nqumu u naqbdu mill-ġdid il-mixja tagħna.  Għax din hi l-ħajja tagħna: li l-ħin kollu nqumu u naqbdu t-triq mill-ġdid.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard