Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar jiem għamilt vjaġġ appostoliku fil-Korea u l-lum, flimkien magħkom, nirringrazzja lill-Mulej għal dan id-don kbir.  Stajt inżur il-Knisja żagħżugħa u ħajja, imwaqqfa fuq ix-xhieda tal-martri u mmexxija minn spirtu missjunarju, f’pajjiż fejn jiltaqgħu flimkien kulturi Asjatiċi u l-element dejjem ġdid tal-Vanġelu: jiltaqgħu t-tnejn flimkien.

 

Nixtieq mill-ġdid nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn ħuti l-Isqfijiet tal-Korea, lejn is-Sinjura Presidenta tar-Repubblika, lejn l-Aworitajiet l-oħra u lejn dawk kollha li kkollaboraw b’riżq din iż-żjara tiegħi.

 

It-tifsira ta’ dan il-vjaġġ appostoliku nista’ niġborha fi tiet kelmiet: memorja, tama, xhieda.

 

Ir-Repubblika tal-Korea hi pajjiż li ra żvilupp ekonomiku qawwi u mgħaġġel.  L-abitanti tagħha huma ħaddiema rżina, iddixxiplinati, ordnati u determinati li jżommu fihom dik il-qawwa li wirtu minn ta’ qabilhom.

 

F’din is-sitwazzjoni, il-Knisja hi ħarriesa tal-memorja u tat-tama: hi familja spiritwali fejn l-adulti jgħaddu liż-żgħażagħ il-musbieħ tal-fidi li rċivew minn idejn l-anzjani; il-memorja ta’ xhieda ta’ l-imgħoddi ssir xhieda ġdida fil-preżent u tama għall-ġejjieni.  F’din il-prospettiva nistgħu naqraw iż-żewġ ġrajjiet prinċipali ta’ dan il-vjaġġ: il-beatifikazzjoni ta’ 124 Martri Korean, li issa jiżdiedu ma’ dawk diġà kkanonizzati tletin sena ilu minn San Ġwanni Pawlu II; u l-laqgħa maż-żgħażagħ, fl-okkażjoni tas-Sitt Jum Asjatiku taż-Żgħażagħ.

 

Iż-żgħażagħ dejjem qed ifittxu xi ħaġa li tagħti sens lil ħajjithom, u l-Martri jagħti xhieda ta’ xi ħaġa, anzi, ta’ xi Ħadd li għalih jagħmel sens tgħix.  Din ir-realtà hi l-Imħabba ta’ Alla, li tlaħħmet f’Ġesù, ix-Xhud tal-Missier.  Fiż-żewġ mumenti tal-vjaġġ iddedikati liż-żgħażagħ, l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt imliena bil-ferħ u t-tama, li issa ż-żgħażagħ sa jġorru fid-diversi pajjiżi tagħhom u li sa jagħmlu tant ġid!

 

Il-Knisja fil-Korea tħares ukoll il-memorja tar-rwol primarju li kellhom il-lajċi kemm fit-tnissil tal-fidi, u kemm fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni.  F’dik l-art, fil-fatt, il-komunità Nisranija ma twaqqfitx mill-missjunarji, imma minn grupp ta’ żgħażagħ Koreani tat-tieni nofs tas-seklu tmintax, li nġibdu tant minn xi kitbiet Insara, li studjawhom fil-fond u għażluhom bħala regola għal ħajjithom.  Wieħed minnhom intbagħat Beijing biex jirċievi l-Magħmudija u mbagħad dan il-lajk mgħammed min-naħa tiegħu għammed lil sħabu.  Minn dak l-ewwel nukleu xxettlet komunità kbira, li sa mill-bidu u għal madwar seklu sħiħ ġarrbet persekuzzjonijiet ħorox, b’eluf ta’ martri.  Għalhekk, il-Knisja fil-Korea hi mwaqqfa fuq il-fidi, fuq l-impenn missjunarju u fuq il-martirju tal-fidili lajċi.

 

L-ewwel Insara Koreani ħadu bħala mudell tagħhom il-komunità Appostolika ta’ Ġerusalemm, fil-prattika ta’ l-imħabba lejn l-aħwa li tegħleb kull differenza soċjali.  Għalhekk jien ħeġġiġt lill-Insara tal-lum biex ikunu ġenerużi fil-qsim ta’ ġidhom ma’ dawk l-iżjed foqra u mwarrbin, skond il-Vanġelu ta’ Mattew fil-kapitlu 25: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (v. 40).

 

Għeżież ħuti, fl-istorja tal-fidi fil-Korea jidher kif Kristu ma jħassar l-ebda kultura, ma jifgax il-mixja tal-popli li matul is-sekli u l-millenji fittxew il-verità u ħaddnu l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Kristu ma jeqridx dak li hu tajjeb, imma jmexxih ’il quddiem, iwasslu għall-milja tiegħu.

 

Dak li, imma, Kristu jeħodha kontrih u jisħqu hu l-ħażin, li jiżra’ s-sikrana bejn bniedem u bniedem, bejn poplu u poplu; li jġib esklużjoni minħabba fil-qima tal-flus; li jiżra’ s-semm tal-vojt fil-qlub taż-żgħażagħ.  Dan iva, Ġesù Kristu ġġelidlu u rebaħlu bis-Sagrifiċċju ta’ mħabbtu.  U jekk nibqgħu fiH, fi mħabbtu, anki aħna, bħall-Martri, nistgħu ngħixu u nixhdu għar-rebħa tiegħu.  B’din il-fidi tlabna, u anki issa nitolbu biex l-ulied kollha ta’ l-art Koreana, li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ gwerer u firdiet, jistgħu jimxu flimkien bħal aħwa fit-triq tar-rikonċiljazzjoni.

 

Dan il-vjaġġ kien imdawwal mill-festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema.  Mill-għoli, fejn issaltan ma’ Kristu, Omm il-Knisja ssieħeb il-mixja tal-poplu ta’ Alla, twieżen il-passi l-iżjed tqal, tfarraġ lil dawk kollha li għaddejjin mill-prova u żżomm miftuħ ix-xefaq tat-tama.  Għall-interċessjoni tagħha ta’ omm, il-Mulej ibierek dejjem il-poplu Korean, ikattar fuqu paċi u ġid; u jbierek il-Knisja li tgħix f’dik l-art, biex tkun dejjem għammiela u mimlija bil-ferħ tal-Vanġelu.

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard