IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 20 ta’ Mejju 2015 

Il-Familja – 15. Edukazzjoni

 

Il-lum, għeżież ħuti, nixtieq nagħtikom merħba għax ilmaħt fostkom ħafna familji, l-għodwa t-tajba lill-familji kollha!  Inkomplu nirriflettu fuq il-familja.  Il-lum sa nieqfu nirriflettu fuq karatteristika essenzjali tal-familja, jiġifieri l-vokazzjoni naturali tagħha li teduka ’l-ulied biex jikbru fir-responsabbiltà tagħhom infushom u ta’ l-oħrajn.  Dak li fil-bidu smajna lill-Appostlu Pawlu jgħid hu sabiħ wisq: “Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.  Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom” (Kol 3:20-21).  Din hi regola għarfa: l-iben li hu edukat jisma’ mill-ġenituri u jobdi lill-ġenituri li ma jkollhomx għalfejn jikkmandawh b’mod ikrah, biex ma jaqtgħux qalb l-ulied.  Fil-fatt l-ulied għandhom jikbru bla ma jaqtgħu qalbhom, pass pass.  Jekk intom il-ġenituri tgħidu lil uliedkom: “Ejja nitilgħu dik l-iskaluna” u taqbdulhom idhom u pass pass tgħinuhom jitilgħu, l-affarijiet jimxu sew.  Imma jekk intom tgħidulhom: “Itla’!” – “Imma ma nistax” – “Int itla’!”, lit-tfal tkunu ddejquhom, għax tkunu titolbuhom affarijiet li ma jafux jagħmluhom.  Għalhekk, ir-relazzjoni bejn ġenituri u wlied għandha tkun waħda ta’ għerf, ta’ bilanċ kbir ħafna.  Ulied, obdu lill-ġenituri, għax dan jogħġob lil Alla.  U intom ġenituri, iddejqux lil uliedkom, titolbuhomx ħwejjeġ li ma jistgħux jagħmlu.  U dan irridu nagħmlu biex l-ulied jikbru fir-responsabbiltà tagħhom infushom u ta’ l-oħrajn.

 

Dan donnu diskors ovvju, imma anki fi żmienna ma jonqsux id-diffikultajiet.  Diffiċli għall-ġenituri li jedukaw lil uliedhom meta lil dawn jarawhom biss fil-għaxija, meta jidħlu lura d-dar għajjenin minn ġurnata xogħol.  Dawk li għandhom xortihom tajba u jaħdmu!  Hu iżjed diffiċli għall-ġenituri separati, li huma mtaqqla b’din il-kundizzjoni tagħhom: imsejkna, kellhom id-diffikultajiet, infirdu u ħafna drabi t-tifel qisu ostaġġ u missieru jkellmu ħażin fuq ommu u ommu tkellmu ħażin fuq missieru, u ssir ħafna ħsara.  Imma jien lill-ġenituri separati ngħidilhom hekk: Qatt, qatt, qatt tagħmlu ostaġġ mit-tifel jew tifla!  Infridtu minħabba ħafna diffikultajiet u raġunijiet, il-ħajja tatkom din il-prova, imma l-ulied m’għandhomx ikunu dawk li jġorru l-piż ta’ din is-separazzjoni, m’għandhomx jintużaw qishom ostaġġi kontra l-parti l-oħra, u għandhom jikbru jisimgħu lill-omm titkellem tajjeb fuq il-missier, anki jekk m’humiex flimkien, u lill-missier jitkellem tajjeb fuq l-omm.  Għall-ġenituri separati dan hu importanti ħafna u diffiċli ħafna, imma jistgħu jagħmluh. 

 

Imma fuq kollox il-mistoqsija: Kif nedukaw?  Liema tradizzjoni għandna x’ngħaddu l-lum lil uliedna?

 

Intellettwali “kritiċi” ta’ kull tip ippruvaw isikktu lill-ġenituri b’elf mod, biex jiddefendu l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar mill-ħsarat – veri jew mistħajla – ta’ l-edukazzjoni familjari.  Il-familja ġiet akkużata, fost l-oħrajn, b’awtoritarjaniżmu, b’favoritiżmu, f’konformiżmu, b’ripressjoni affettiva li toħloq il-kunflitti.

 

B’dan il-mod, inħolqot firda bejn familja u soċjetà, bejn familja u skola, il-patt edukattiv il-lum tfarrak; u hekk, il-patt edukattiv tas-soċjetà mal-familja daħal fi kriżi għax ġiet mhedda l-fiduċja reċiproka.  Is-sintomi huma ħafna.  Ngħidu aħna, fl-iskola saret ħsara kbira lir-relazzjonijiet bejn ġenituri u għalliema.  Xi kultant ikun hemm tensjonijiet u nuqqas ta’ fiduċja reċiproka; u l-konsegwenzi naturalment jaqgħu fuq l-ulied.  Min-naħa l-oħra, kotru l-hekk imsejħaesperti”, li ħadu post ir-rwol tal-ġenituri anki fl-aspetti l-iżjed intimi ta’ l-edukazzjoni.  Fuq il-ħajja affettiva, fuq il-personalità u l-iżvilupp, fuq id-drittijiet u d-dmirijiet, l-“espertijafu kollox: għanijiet, motivazzjonijiet, teknika.  U l-ġenituri għandhom biss jisimgħu, jitgħallmu u jadattaw ruħhom.  Imċaħħda mir-rwol tagħhom, huma spiss isiru wisq anzjużi u possessivi fil-konfront ta’ wliedhom, u jispiċċaw ma jikkoreġuhom qatt: “Int ma tistax tikkoreġi lil ibnek”.  Jibdew jafdawhom dejjem iżjed f’idejn l-“esperti”, anki fl-aspetti l-iżjed delikati u personali ta’ ħajjithom, waqt li huma joqogħdu f’rokna għalihom; u hekk il-ġenituri l-lum qed jirriskjaw li jeskludu ruħhom mill-ħajja ta’ wliedhom.  U din hi ħaġa gravi ħafna!  Il-lum hemm każijiet ta’ dan it-tip.  M’iniex ngħid li dejjem hekk jiġri, imma hemm.  L-għalliema ta’ l-iskola ċċanfar lit-tifel u tibgħat nota lill-ġenituri.  Jien niftakar aneddotu personali.  Darba, meta kont fir-rabasena tal-primarja, għidt kelma ħażina lill-għalliema u l-għalliema, mara twajba, bagħtet għal ommi.  Din ġiet l-għada, tkellmu u mbagħad għajtuli.  U ommi quddiem l-għalliema spjegatli li dak li kont għamilt kienet ħaġa kerha, li ma messnix għamiltha; imma ommi dan għamlitu b’tant ħlewwa u talbitni nitlob maħfra quddiemha lill-għalliema.  Jien hekk għamilt u mbagħad ħriġt kuntent għax għidt: spiċċat tajjeb l-istorja.  Imma dak kien għadu l-ewwel kapitlu!  Meta dħalt lura d-dar, beda t-tieni kapitlu  Immaġinaw intom, il-lum, kieku l-għalliema kellha tagħmel xi ħaġa hekk, l-għada kienet issib liż-żewġ ġenituri jew wieħed mit-tnejn iċanfruha, għax l-“espertijgħidu li t-tfal m’għandekx iċċanfarhom hekk.  Inbidlu l-affarijiet!  Għalhekk il-ġenituri m’għandhomx jeskludu ruħhom huma stess mill-edukazzjoni ta’ l-ulied.

 

Hu ċar li din l-impostazzjoni m’hi tajba xejn: m’hix armonika, m’hix djaloġika, u flok tiffavorixxi l-kollaborazzjoni bejn il-famlja u l-aġenti l-oħra edukattivi, l-iskejjel, it-timijiet ta’ l-isport… tmur kontrihom.

 

Kif wasalna hawn?  Bla dubju l-ġenituri, jew aħjar, ċerti mudelli edukattivi tal-passat kellhom il-limitazzjonijiet tagħhom, m’hemmx dubju.  Imma hu minnu wkoll li hemm żbalji li l-ġenituri biss huma awtorizzati jagħmlu, għax jistgħu jagħmlu tajjeb għalihom b’mod li hu impossibbli għal ħaddieħor.  Min-naħa l-oħra, nafu tajjeb, il-ħajja saret nieqsa wisq mill-ħin biex wieħed jitkellem, jirrifletti, jikkonfronta ruħu.  Ħafna ġenituri huma “issekwestrati” mix-xogħol – il-pa u l-ma jridu jaħdmu – u minn preokkupazzjonijiet oħra, imrekkna mill-esiġenzi ġodda ta’ l-ulied u tal-kumplessità tal-ħajja tal-lum, – li hi hekk, irridu naċċettawha kif inhi – u jsibu ruħhom bħal ipparalizzati mill-biża’ li jiżbaljaw.  Il-problema, imma, m’hix biss il-ħin biex jitkellmu.  Anzi, “djalogiżmusuperfiċjali ma jwassalx għal laqgħa vera tal-ħsieb u tal-qalb.  Pjuttost aħjar nistaqsu lilna nfusna: Qed infittxu li nifhmufejnwaslu verament uliedna fil-mixja tagħhom?  Fejn qiegħda tassew qalbhom, nafu xejn?  U fuq kollox: Irridu nafuh?  Aħna konvinti li huma, fil-verità, ma jixtiequ xejn iżjed?

 

Il-komunitajiet Insara huma msejħa jwieżnu l-missjoni edukattiva tal-familji, u dan qabel xejn jagħmluh bid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.  L-Appostlu Pawlu jfakkarna fir-reċiproċità ta’ dmirijiet bejn ġenituri u tfal: “Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.  Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom” (Kol 3:20-21).  Fil-bażi ta’ kollox hemm l-imħabba, dik li jagħtina Alla, li “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni,… kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:5-6).  Imqar fl-aħjar familji hemm bżonn li wieħed jissaporti lill-ieħor, u trid paċenzja kbira biex tissaporti lil xi ħadd!  Imma hekk sejra l-ħajja.  Il-ħajja ma tingħaxx fil-laboratorju, imma fir-realtà.  L-istess Ġesù għadda mill-edukazzjoni tal-familja.

 

Anki hawn, il-grazzja ta’ l-imħabba ta’ Kristu twassal għall-milja tiegħu dak li hemm miktub fin-natura umana.  Kemm eżempji mill-aqwa għandna ta’ ġenituri Nsara mimlija bl-għerf uman!  Huma juruna li l-edukazzjoni tajba fil-familja hi x-xewka tad-dahar ta’ l-umaniżmu.  Id-dawl li hi xxerred fis-soċjetà kollha hu r-riżorsa li tagħmel tajjeb għal-lakuni, il-ġrieħi, il-vojt ta’ paternità u maternità li jmiss lill-ulied inqas ixxurtjati.  Dan id-dawl jista’ jagħmel mirakli awtentiċi.  U fil-Knisja jiġru ta’ kuljum dawn il-mirakli!

 

Nawgura li l-Mulej jagħti lill-familji Nsara l-fidi, il-libertà u l-kuraġġ meħtieġa għall-missjoni tagħhom.  Jekk il-familja bl-edukazzjoni li tagħti terġa’ tħossha mkabbra bil-protagoniżmu tagħha, ħafna affarijiet jinbidlu għall-aħjar, għall-ġenituri inċerti u għall-ulied delużi.  Issa l-waqt li l-missirijiet u l-ommijiet jerġgħu lura mill-eżilju tagħhom – għax huma stess eżiljaw ruħhom mill-edukazzjoni ta’ wliedhom –, u jerġgħu jieħdu f’idejhom b’mod sħiħ ir-rwol edukattiv tagħhom.  Nittamaw li l-Mulej jagħti lill-ġenituri din il-grazzja: li ma jeżiljawx ruħhom mill-edukazzjoni ta’ l-ulied.  U dan jistgħu jagħmluh biss l-imħabba, il-ħlewwa u s-sabar.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard