Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Smajna t-test Bibliku li din is-sena qed idawwal ir-riflessjoni tagħna fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda bejn l-Insara, mit-18 sal-25 ta’ Jannar: din il-ġimgħa.  Din is-silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru ġiet magħżula minn grupp ekumeniku mil-Latvja, maħtur mill-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes u mill-Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni ta’ l-għaqda bejn l-Insara.

 

Fiċ-ċentru tal-katidral Luteran ta’ Riga hemm fonti batteżimali li jmur lura għas-seklu tnax, meta l-Latvja kienet ġiet evanġelizzata minn San Mejnardu.  Dak il-fonti hu sinjal elokwenti ta’ l-għerq ta’ fidi magħruf mill-Insara kollha tal-Latvja, Kattoliċi, Luterani u Ortodossi.  Dan l-għerq hu l-Magħmudija komuni tagħna.  Il-Konċilju Vatikan II jafferma li “il-Magħmudija tikkostitwixxi rabta sagramentali tal-għaqda li hemm bejn dawk kollha li permezz tagħha jitwieldu mill-ġdid” (Unitatis redintegratio, 22).  L-Ewwel Ittra ta’ Pietru hi indirizzata lill-ewwel ġenerazzjoni ta’ Nsara biex iġibhom konxji mid-don li rċevew fil-Magħmudija u minn dak li din titlob minnhom.  Aħna wkoll, f’din il-Ġimgħa ta’ Talb, aħna mistednin niskopru mill-ġdid dan kollu, u nagħmluh flimkien, waqt li mmorru lil hemm mill-firdiet ta’ bejnietna.

 

Qabel xejn, li naqsmu f’Magħmudija waħda jfisser li kollha aħna midinbin u għandna bżonn li niġu salvati, mifdija, meħlusa mill-ħażen.  Dan hu l-aspett negattiv li l-Ewwel Ittra ta’ Pietru ssejjaħ “dlam” meta tgħid: “[Alla] sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb”.  Din hi l-esperjenza tal-mewt, li Kristu għamel tiegħu, u li hi ssimbolizzata fil-Magħmudija meta niġu mgħaddsa fl-ilma, u li warajha nerġgħu nitilgħu f’wiċċ l-ilma, simbolu tal-qawmien għall-ħajja ġdida fi Kristu.  Meta aħna l-Insara ngħidu li għandna sehem minn Magħmudija waħda, inkunu naffermaw li lkoll kemm aħna – Kattoliċi, Protestanti u Ortodossi – għandha sehem fl-esperjenza li fiha ġejna msejħin mid-dlamijiet li jżommuna mjassra u mbiegħda għal-laqgħa ma’ Alla l-ħaj, mimli ħniena.  Fil-fatt, ilkoll kemm aħna sfortunatament għandna esperjenza ta’ l-egoiżmu, li jnissel il-firda, l-għeluq, id-disprezz.  Li nerġgħu lura għall-Magħmudija jfisser insibu mill-ġdid l-għajn tal-ħniena, għajn ta’ tama għal kulħadd, għax ħadd m’hu eskluż mill-ħniena ta’ Alla.

 

Il-qsim flimkien ta’ din il-grazzja joħloq rabta li ma tinħallx bejn l-Insara, hekk li, grazzi għall-Magħmudija, nistgħu nqisu ruħna lkoll tabilħaqq aħwa.  Aħna tabilħaqq il-poplu qaddis ta’ Alla, anki jekk, minħabba fi dnubietna, għadna m’aħniex poplu għal kollox magħqud.  Il-ħniena ta’ Alla, li taħdem fil-Magħmudija, hi aqwa mill-firdiet ta’ bejnietna.  Skond kemm nilqgħu l-grazzja tal-ħniena, aħna nsiru dejjem iżjed b’mod sħiħ il-poplu ta’ Alla, u nsiru wkoll kapaċi nħabbru lil kulħadd l-għemejjel ta’ l-għaġeb tiegħu, ibda sewwa sew mix-xhieda sempliċi u fraterna ta’ l-għaqda.  Aħna l-Insara nistgħu nxandru lil kulħadd il-qawwa tal-Vanġelu billi nħabirku biex naqsmu flimkien l-opri ta’ ħniena korporali u spiritwali.  U din hi xhieda konkreta ta’ għaqda bejnietna l-Insara: Protestanti, Ortodossi, Kattoliċi.

 

Fl-aħħar nett, għeżież ħuti, aħna l-Insara kollha, bil-grazzja tal-Magħmudija, ksibna l-ħniena ta’ Alla u ġejna milqugħa fil-poplu tiegħu.  Ilkoll, Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti, insawru saċerdozju regali u ġens qaddis.  Dan ifisser li għandna missjoni komuni, li hi dik li ngħaddu lill-oħrajn il-ħniena li rċivejna minn Alla, ibda mill-ifqar u l-iżjed abbandunati.  Matul din il-Ġimgħa ta’ Talb, ejjew nitolbu biex aħna d-dixxipli kollha ta’ Kristu nsibu mod kif nikkollaboraw flimkien ħa nsawbu l-ħniena tal-Missier f’kull rokna tad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard