IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa, 19 ta’ Novembru 2014

 

15.  Il-Knisja - Sejħa Universali għall-Qdusija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Rigal kbir tal-Konċilju Vatikan II kien dak li reġa’ tana viżjoni tal-Knisja mwaqqfa fuq il-komunjoni, u li fid-dawl ta’ din il-perspettiva ta interpretazzjoni ġdida tal-prinċipju ta’ l-awtorità u tal-ġerarkija.  Dan għenna nifhmu aħjar li l-Insara kollha, bħala mgħammdin, għandhom l-istess dinjità quddiem Alla u għandhom sejħa komuni, li hi dik għall-qdusija (ara Kostituzzjoni Lumen gentium, 39-42).  Issa nistaqsu: Fiex tikkonsisti s-sejħa universali għall-qdusija?  U kif nistgħu nwettquha? 

 

1. Qabel xejn irridu nżommu quddiem għajnejna li l-qdusija m’hix xi ħaġa li nġibuha b’idejna, li niksbuha aħna bil-kwalitajiet u l-ħiliet tagħna.  Il-qdusija hi rigal, hi d-don li jagħtina l-Mulej Ġesù, meta jsejħilna u jlibbisna bih innifsu, jagħmilna bħalU.  Fl-Ittra lill-Efesin, l-Appostlu Pawlu jistqarr li “Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha, biex iqaddisha” (Efes 5:25-26).  Hekk hu, araw kif il-qdusija hi l-isbaħ wiċċ tal-Knisja, l-isbaħ wiċċ: hi l-libsa tal-komunjoni ma’ Alla, fil-milja tal-ħajja u l-imħabba tiegħu.  Allura nistgħu nifhmu li l-qdusija m’hix prerogattiva ta’ xi wħud biss: il-qdusija hi don li jiġi offrut lil kulħadd, ħadd ma jitħalla barra, u għalhekk tikkostitwixxi l-karattru distintiv ta’ kull Nisrani.

 

2. Minn dan kollu nifhmu li, biex inkunu qaddisin, m’hemmx bżonn bilfors inkunu isqfijiet, qassisin jew reliġjużi: le, kollha msejħin insiru qaddisin!  Imbagħad, tant drabi niġu ttentati naħsbu li l-qdusija hi riservata biss għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jħallu warajhom ix-xogħol u l-faċendi ta’ kuljum, biex jiddedikaw ruħhom esklussivament għat-talb.  Imma dan m’hux hekk!  Hemm min jaħseb li l-qdusija tfisser tagħlaq għajnejk u tagħmel wiċċek qisu ta’ ġo xi santa.  Le!  M’hix din il-qdusija!  Il-qdusija hi xi ħaġa bil-wisq ikbar, wisq iktar profonda li jagħtina Alla.  Anzi, huwa propju f’li ngħixu l-imħabba u noffru x-xhieda Nisranija tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum li aħna msejħin insiru qaddisin.  U kull wieħed u waħda fil-kundizzjonijiet u fl-istat ta’ ħajja li fih jinsab.  Int ikkonsagrat, ikkonsagrata?  Kun qaddis billi tgħix bil-ferħ l-għotja u l-ministeru tiegħek.  Miżżewweġ?  Kun qaddis billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif Kristu għamel mal-Knisja.  Int mgħammed mhux miżżewweġ?  Kun qaddis billi twettaq bl-onestà u b’kompetenza l-ħidma tiegħek u billi toffri minn ħinek għall-qadi ta’ l-aħwa.  “Imma, Dun, jien naħdem f’fabbrika; jien naħdem bħala akkawntant, il-ħin kollu man-numri…  Hemm kif tista’ tkun qaddis!” – “Iva, tista’!  Hemm fuq il-post tax-xogħol tiegħek tista’ ssir qaddis.  Alla qed jagħtik il-grazzja li titqaddes.  Hemm Alla jikkomunika miegħek”.  Dejjem u f’kull post nistgħu nsiru qaddisin, jiġifieri nistgħu niftħu qalbna għal din il-grazzja li taħdem fina u twassalna għall-qdusija.  Int ġenitur jew nannu?  Kun qaddis billi tgħallem b’passjoni lil uliedek jew lin-neputijiet kif isiru jafu lil Ġesù u jimxu warajh.  U dan jitlob minna sabar kbir; biex tnkun ġenitur tajjeb, nannu tajjeb, omm tajba, nanna tajba, trid ħafna paċenzja u ma’ din il-paċenzja tiġi l-qdusija: inħaddmu s-sabar.  Int katekista, edukatur jew voluntier?  Kun qaddis billi ssir sinjal li jidher ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-preżenza tiegħu fostna.  Araw kif kull stat ta’ ħajja jista’ jwassal għall-qdusija, dejjem!  Id-dar tiegħek, fit-triq, fuq il-lant tal-xogħol, fil-Knisja, f’dak il-mument u fl-istat ta’ ħajtek tkun infetħet it-triq lejn il-qdusija.  Taqtgħux qalbkom li timxu f’din it-triq.  Hu propju Alla li jagħtina l-grazzja.  Dan biss li jitlob minna l-Mulej: li aħna nkunu f’komunjoni miegħU u għall-qadi ta’ ħutna.

 

3. U hawn kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel xi ftit ta’ eżami tal-kuxjenza, nistgħu nagħmluh issa, kull wieħed iwieġeb lilu nnifsu, f’qalbu, fis-skiet: S’issa kif weġibna għas-sejħa li għamlilna l-Mulej għall-qdusija?  Nixtieq insir xi ftit aħjar, inkun iżjed Nisrani, iżjed Nisranija?  Din hi t-triq tal-qdusija.  Meta l-Mulej jistedinna nsiru qaddisin, ma jsejħilniex għal xi ħaġa tqila, ta’ dwejjaq…  Xejn affattu!  Hi l-istedina biex naqsmu fil-ferħ tiegħu, biex ngħixu u noffru bil-ferħ kull mument ta’ ħajjitna, u fl-istess ħin nagħmlu minnu don ta’ mħabba għall-persuni qrib tagħna.  Jekk nifhmu dan, kollox jinbidel u jikseb tifsira ġdida, tifsira sabiħa, tifsira li titlaq mill-ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum.  Nagħti eżempju.  Waħda mara tmur tagħmel ix-xirja tagħha u tiltaqa’ ma’ ġara tagħha u jibdew jitkellmu u mbagħad jiġi s-seksik, imma din il-mara tgħid: “Le, le, jien ma rrid nitkellem ħażin fuq ħadd”.  Dan hu pass lejn il-qdusija, jgħinek biex titqaddes iżjed.  Jew jekk x’ħin tkun id-dar, ibnek jitolbok biex titkellmu ftit fuq il-ħwejjeġ fantasjużi ta’ moħħu: “Oħħ, kemm jien għajjien, kelli ħafna xogħol il-lum…”.  Imma int poġġi bil-qiegħda u isma’ lil ibnek, li għandu bżonn tiegħek!  U toqgħod hemm, tisimgħu bis-sabar kollu: dan hu pass lejn il-qdusija.  Imbagħad tintemm il-ġurnata, inkunu kollha għajjenin mejta, imma jkun jonqos it-talb.  Ejjew nitolbu: anki dan hu pass lejn il-qdusija.  Imbagħad jasal il-Ħadd u mmorru għall-Quddiesa, nitqarbnu, xi kultant wara li nkunu għamilna qrara tajba li tnaddfilna ftit qalbna.  Dan hu pass lejn il-qdusija.  Imbagħad naħsbu fil-Madonna, hekk twajba, hekk sabiħa, u naqbdu l-kuruna tar-rużarju u nitolbuha.  Dan hu pass lejn il-qdusija.  Imbagħad ninżel fit-triq, nilmaħ wieħed fqir, fil-bżonn, nieqaf inkellmu, nagħtih xi ħaġa: hu pass lejn il-qdusija.  Huma ħwejjeġ żgħar, imma ħafna passi żgħar lejn il-qdusija.  Kull pass lejn il-qdusija jagħmilna persuni aħjar, ħielsa mill-egoiżmu u mill-għeluq fina nfusna, u miftuħa għal ħutna u għall-ħtiġijiet tagħhom.

 

Għeżież ħbieb, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru hu jagħmlilna din l-eżortazzjoni: “Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid ta’ l-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta.  Jekk xi ħadd għandu d-don tal-kelma, jippriedka l-kliem ta’ Alla; jekk xi ħadd għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu bis-setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu” (4:10-11).  Din hi l-istedina għall-qdusija!  Nilqgħuha bil-ferħ, u nwieżnu lil xulxin, għax il-mixja lejn il-qdusija ma nagħmluhiex waħidna, kull wieħed u waħda għalih waħdu, imma nagħmluha flimkien, f’dak il-ġisem wieħed li hu l-Knisja, maħbuba u mqaddsa mill-Mulej Ġesù Kristu.  Ejjew nimxu b’kuraġġ f’din it-triq tal-qdusija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard