IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Ottubru 2016

 

33. Itma’ lil min hu bil-ġuħ. Isqi lil min hu bil-għatx

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Waħda mill-konsegwenzi tal-hekk imsejjaħ “benessri” [ġid materjali] hu li jwassal lill-persuni biex jingħalqu fihom infushom, u ma jibqgħux iħossu għall-ħtiġijiet tal-oħrajn. Jagħmel minn kollox biex iqarraq bihom u jippreżentalhom mudelli li jtiru mar-riħ, li jgħibu wara xi sena, bħallikieku ħajjitna kienet xi moda li nimxu magħha jew nibdluha ma’ kull staġun. Mhuwiex hekk. Ir-realtà għandna nilqgħuha u naffrontawha għal dak li hi, u spiss tlaqqagħna ma’ sitwazzjonijiet ta’ bżonn urġenti. Għalhekk li, fost l-opri tal-ħniena, hemm dawk li jfakkruna fil-ġuħ u fl-għatx: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ – li huma ħafna llum – u nisqu lil min hu bil-għatx. Kemm drabi l-midja tgħarrafna b’popli sħaħ li qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ ikel u ta’ ilma, b’konsegwenzi gravi speċjalment fuq it-tfal.

 

Quddiem ċerti aħbarijiet u speċjalment ċerti stampi, l-opinjoni pubblika tħossha mqanqla u minn żmien għal żmien jitnedew kampanji ta’ għajnuna li jħeġġu għas-solidarjetà. Id-donazzjonijiet isiru ġenerużi u b’dan il-mod nistgħu ngħinu biex intaffu t-tbatija ta’ ħafna. Din l-għamla ta’ karità hi importanti, imma forsi ma tinvolviniex direttament. Imma meta, fit-triq, naħbtu ma’ xi persuna fil-bżonn, jew xi tallab fqir jiġi jħabbat fuq il-bieb ta’ darna, din ħaġa differenti ħafna, għax m’għadniex quddiem stampa, imma niġu involuti fl-ewwel persuna. M’għadx hemm distanza bejni u bejnu jew bejnha, u nħossni sfidat biex nagħmel xi ħaġa. Il-faqar fl-astratt ma jisfidaniex, imma jġagħilna naħsbu, jġagħalna nilmentaw; imma meta nilmħu l-faqar fil-ġisem ta’ raġel, ta’ mara, ta’ tfajjel, dan iċaqlaqna! U għalhekk dik l-għada li għandna li naħarbu minn min hu fil-bżonn, li ma nersqux qrib tiegħu, u nippruvaw naħbu xi ftit ir-realtà ta’ min hu fil-bżonn bid-drawwiet tal-moda biex hekk nitbiegħdu minnha. M’għadx hemm distanza bejni u bejn il-fqir meta niltaqa’ miegħu. F’dawn il-każi, xi tkun ir-reazzjoni tiegħi? Indawwar ħarsti u nibqa’ għaddej? Jew nieqaf nitkellem miegħu u nuri interess fil-qagħda tiegħu? U jekk tagħmel hekk mhux ħa jonqos xi ħadd li jgħid: “Dan miġnun għax qed jitkellem ma’ fqir!”. Nara kif nista’ b’xi mod nilqa’ lil dik il-persuna jew infittex kif neħles minnha malajr kemm jista’ jkun? Imma forsi hi qed titlob minni biss il-meħtieġ: xi ħaġa x’tiekol jew x’tixrob. Naħsbu ftit: kemm drabi ngħidu l-“Missierna”, imma ma nagħtux kas tassew ta’ dawk il-kelmiet: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum”!

 

Fil-Bibbja hemm Salm li jgħid li Alla “lil kulħadd jagħti l-ikel” (136:25). L-esperjenza tal-ġuħ hi iebsa. Jaf xi ħaġa min għex perjodi ta’ gwerra jew ta’ ġuħ. Imma din l-esperjenza qed tirripeti ruħha ta’ kuljum u nsibuha biswit l-abbundanza u l-ħela. Jibqa’ dejjem attwali kliem l-Appostlu Ġakbu: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (2:14-17) għax ma tkunx kapaċi twettaq l-opri, tagħmel il-karità, tħobb. Dejjem ħa nsib lil xi ħadd bil-ġuħ jew bil-għatx u li għandu bżonn tiegħi. Dan ma nista’ niddelegah lil ħadd iżjed. Dan il-fqajjar għandu bżonn tiegħi, tal-għajnuna tiegħi, tal-kelma tiegħi, tal-impenn tiegħi. Kollha aħna involuti f’dan.

 

Dan hu wkoll it-tagħlim ta’ dik il-paġna tal-Vanġelu fejn Ġesù, meta ra tant nies miexja warajh,  staqsa lid-dixxipli tiegħu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (Ġw 6:5). U d-dixxipli weġbuh: “Ma jistax ikun, aħjar jekk tibgħathom…”. Imma Ġesù jgħidilhom: “Le. Agħtuhom intom x’jieklu” (ara Mk 14:16). Jitlobhom il-ftit ħobżiet u ħutiet li kellhom magħhom, iberikhom, jaqsamhom u jqassamhom lil kulħadd. Hi lezzjoni importanti ħafna għalina. Qed jgħidilna li l-ftit li għandna, jekk nafdawh f’idejn Ġesù u naqsmuh bil-fidi, isir għana bla qies.

 

Il-Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika Caritas in veritate, jafferma: “Itma’ lil min hu bil-ġuħ hu amar etiku għall-Knisja universali. […] Il-jedd għall-ikel, bħall-jedd għall-ilma, għandu post importanti fit-tfittxija ta’ jeddijiet oħra, ibda bil-jedd fundamentali għall-ħajja. Hu għalhekk meħtieġ li titqajjem kuxjenza pubblika li tqis l-ikel u l-aċċess għall-ilma bħala jeddijiet universali tal-bnedmin kollha, mingħajr distinzjoni jew għażla” (n. 27). Ma ninsewx x’qal Ġesù: “Jiena l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35) u “Ħa jiġi għandi min hu bil-għatx” (Ġw 7:37). Dawn il-kelmiet huma għalina lkoll li nemmnu provokazzjoni biex nagħrfu li, mill-għemil tagħna li nitimgħu lil min hu bil-ġuħ u nisqu lil min hu bil-għatx, tgħaddi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, Alla li f’Ġesù wera l-wiċċ tiegħu kollu ħniena.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard