IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 19 ta’ Awwissu 2015

Il-Familja – 23. Xogħol

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li rriflettejna fuq il-valur tal-festa fil-ħajja tal-familja, il-lum nieqfu ftit fuq l-aspett kumplimentari, li hu dak tax-xogħol.  It-tnejn jagħmlu parti mill-pjan ħallieq ta’ Alla, il-festa u x-xogħol.

 

Ix-xogħol, jingħad spiss, neħtiġuh biex immantnu l-familja, biex irrabbu l-ulied, biex niżguraw ħajja dinjituża għall-għeżież tagħna.  Dwar persuna serja, onesta, l-isbaħ ħaġa li tista’ tgħid hi: “Dan jaħdem”, dan wieħed li jaħdem, dan wieħed li fil-komunità ma jgħixx minn fuq dahar ħaddieħor.  Hawn ħafna Arġentini l-lum, kif qed nara, u sa ngħidha kif ngħiduha aħna: No vive de arriba.

 

U fil-fatt ix-xogħol, fil-kemm-il bixra tiegħu, ibda minn dak ta’ mara tad-dar, jagħti kas ukoll tal-ġid komuni.  U fejn nitgħallmuh dan l-istil ta’ ħajja ħawtiel?  Qabel xejn kollox nitgħallmu fil-familja.  Il-familja teduka għax-xogħool bl-eżempju tal-ġenituri: il-missier u l-omm li jaħdmu għall-ġid tal-familja u tas-soċjetà.

 

Fil-Vanġelu, il-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth tidher bħala familja ta’ ħaddiema, u Ġesù nnifsu hu msejjaħ “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55) u saħansitra “il-mastrudaxxa” (Mk 6:3).  U San Pawl ma jonqosx li jwissi lill-Insara: “Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol”( 2 Tess 3:10).    Din riċetta tajba biex nirqaqu: ma taħdimx, ma tikolx!    L-Appostlu qed jirriferi espliċitament għall-ispiritwaliżmu falz ta’ xi wħud li, fil-fatt, ipappuha tajjeb minn fuq dar ħuthom billi “jinħlew fix-xejn” (2 Tess 3:11).  It-taħbit tax-xogħol u l-ħajja ta’ l-ispirtu, fil-ħsieb Nisrani, xejn ma jmorru kontra xulxin.  Importanti nifhmuh tajjeb dan!  Talb u xogħol jistgħu u għandhom joqogħdu flimkien f’armonija, kif jgħallem San Benedittu.  In-nuqqas ta’ xogħol jagħmel ħsara wkoll lill-ispirtu, kif in-nuqqas ta’ talb jagħmel ħsara wkoll lill-ħidma prattika.

 

Ix-xogħol – intenni, fl-elf bixra tiegħu – hu ħaġa tal-bniedem.  Jesprimi d-dinjità tiegħu li ġie maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.  Għalhekk jingħad li x-xogħol hu qaddis.  U għalhekk l-opportunitajiet ta’ xogħol huma responsabbiltà kbira umana u soċjali, li ma tistax titħalla f’idejn il-ftit jew tintreħa f’idejn “suq” divinizzat.  Min jikkawża t-telfien ta’ postijiet ta’ xogħol ikun jikkawża ħsara soċjali kbira.  Nitnikket nara nies bla xogħol, li ma jistgħux isibu xogħol u m’għandhomx id-dinjità li jistgħu jieħdu d-dar magħhom il-ħobż għall-għixien.  U nifraħ ħafna meta nara lil dawk li jiggvernaw jagħmlu daqshekk sforzi biex isibu postijiet tax-xogħol u biex jaraw li kulħadd ikollu xogħol.  Ix-xogħol hu qaddis, ix-xogħol jagħti dinjità lil familja.  Jeħtieġ nitolbu biex fil-familja ma jonqosx ix-xogħol.

 

Mela, anki x-xogħol, bħall-festa, jagħmel parti mill-pjan ta’ Alla Ħallieq.  Fil-ktieb tal-Ġenesi, it-tema ta’ l-art bħala dar-ġnien, fdata f’idejn il-bniedem biex jieħu ħsiebha u jaħdimha (2:8,15), hi antiċipata minn passaġġ sabiħ wisq: “Meta Alla ħalaq l-art u s-sema; meta kien għad ma hemm ebda xitla tar-rabafuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba’ ma kien għadu nibet – għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art, minkejja l-ilma tiela’ mill-art li satajsaqqi l-wiċċ kollu ta’ l-art” (2:4b-6a).  Dan m’hux romantiċiżmu, hu r-rivelazzjoni ta’ Alla; u aħna għandna r-responsabbiltà li nifhmuh u nixtarruh sew.  L-Enċiklika Laudato sì, li tipproponi ekoloġija integrali, fiha wkoll dan il-messaġġ: il-ġmiel ta’ l-art u d-dinjità tax-xogħol huma magħmula biex imorru ma’ xulxin.  Imorru t-tnejn flimkien: l-art tisbieħ meta hi maħduma mill-bniedem.  Meta x-xogħol jinfired mill-patt ta’ Alla mar-raġel u l-mara, meta jinfired mill-kwalitajiet spiritwali tagħhom, meta jispiċċa ostaġġ tal-loġika tal-profitt waħdu u jiddisprezza r-relazzjonijiet affettivi tal-ħajja, l-umiljazzjoni tar-ruħ kollox tħammeġ: anki l-arja, l-ilma, il-ħaxix, l-ikel…  Il-ħajja ċivili ssir korrotta u l-ħabitat jitfarrak.  U l-konsegwenzi jolqtu fuq kollox lil dawk li huma l-iżjed foqra u l-familji l-iżjed foqra.  Fl-organizzazzjoni moderna tax-xogħol xi drabi tidher tendenza perikuluża li tqis lill-familja bħala imbarazz, toqol, element passiv għall-produttività tax-xogħol.  Imma hawn nistaqsu: Xi produttività?  U għal min?  L-hekk imsejħa “belt intelliġenti” [smart city] hi bla dubju ta’ xejn għanja fis-servizzi u l-organizzazzjoni tagħha; imma, ngħidu aħna, spiss hi ostili lejn it-tfal u l-anzjani.

 

Xi kultant min jipproġetta hu interessat f’kif jikkontrolla s-saħħa tax-xogħol individwali, kif jiġbor jew jarmi skond il-ħtieġa ekonomika.  Il-famlja hu bank kbir ta’ prova.  Meta l-organizzazzjoni tax-xogħol iżżommha ostaġġ tagħha, jew saħansitra xxekkel il-mixja tagħha, allura nistgħu nibqgħu żguri li s-soċjetà umana bdiet taħdem kontra tagħha nfisha!

 

Il-familji Nsara jsibu f’din ir-realtà sfida għolja u missjoni kbira.  Huma jressqu għall-attenzjoni l-aspetti fundamentali tal-ħolqien ta’ Alla: l-identità u r-rabta bejn ir-raġel u l-mara, it-tnissil ta’ l-ulied, ix-xogħol li jimmansa l-art u jagħmel id-dinja post li tista’ tgħix fih.  Jekk nitilfu dawn l-aspetti fundamentali, din tkun ħaġa serja ħafna, u fid-dar komuni għandna diġà biżżejjed xquq!  Xogħolna m’hux wieħed ħafif.  Xi drabi jaf jidher li l-għaqdiet tal-familji qishom David quddiem Gulija… imma nafu kif spiċċat din l-isfida!  Neħtieġu fidi u għaqal.  Jagħtina Alla li nilqgħu bil-ferħ u t-tama s-sejħa tiegħu, f’dan il-waqt iebes ta’ l-istorja tagħna, is-sejħa għax-xogħol biex jagħti dinjità lilna u lill-familja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard