IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru -

L-Erbgħa 19 ta’ Marzu 2014

 

San Ġużepp edukatur li jsieħeb lil Ġesù biex jikber
fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja.
 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum, 19 ta’ Marzu, niċċelebraw il-festa solenni ta’ San Ġużepp, Għarus ta’ Marija u Patrun tal-Knisja universali.  Mela din il-katekeżi ejjew niddedikawha lilu, li jixirqulu r-rikonoxximent u d-devozzjoni kollha tagħna għal kemm għaraf iħares lill-Verġni Mbierka u lil Binhom Ġesù.  Hi l-karatteristika ta’ Ġużeppi li jkun ħarries: hi l-missjoni kbira tiegħu, dik ta’ ħarries.

 

Il-lum nixtieq nerġa’ lura fuq it-tema tal-ħarsien minn perspettiva partikulari: il-perspettiva edukattiva.  Inħarsu lejn Ġużeppi bħala l-mudell ta’ l-edukatur, li jħares u jsieħeb lil Ġesù fil-mixja tiegħu li fiha jikber “fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja”, kif jgħid il-Vanġelu.  Hu ma kienx missier Ġesù: missier Ġesù kien Alla, imma hu kien jagħmilha ta’ missier Ġesù, kien jagħmilha ta’ missieru biex jgħinu jikber.  U kif għenu jikber?  Fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja.

 

Nitilqu mis-snin, l-età, li hi d-dimensjoni l-aktar naturali, għax wieħed hawn jikber fiżikament u psikoloġikament.  Ġużeppi, flimkien ma’ Marija, ħa ħsieb ta’ Ġesù qabel xejn minn dan il-lat, jiġifieri “rabbieh”, u ħa ħsieb li ma jkunx jonqsu dak li kien meħtieġ biex seta’ jiżviluppa b’mod san.  Ma ninsewx li l-ħarsien premuruż tal-ħajja tat-Tarbija ġab miegħu wkoll il-ħarba lejn l-Eġittu, l-esperjenza iebsa li jgħixu bħala rifuġjati – Ġużeppi għex ta’ rifuġjat, ma’ Marija u Ġesù – biex jaħarbu mit-theddida ta’ Erodi.  Imbagħad, meta reġgħu lura f’pajjiżhom u bdew joqogħdu Nazareth, hemm il-perjodu twil tal-ħajja ta’ Ġesù fil-familja tiegħu.  F’dawn is-snin Ġużeppi għallem lil Ġesù anki l-mistier tiegħu, u Ġesù tgħallem jaħdem ta’ mastrudaxxa ma’ djul missieru Ġużeppi.  Hekk rabbieh Ġużeppi lil Ġesù.

 

Ngħaddu għat-tieni dimensjoni ta’ l-edukazzjoni, dik tal-“għerf”.  Ġużeppi kien għal Ġesù mudell u mgħallem ta’ dan l-għerf, li għandu bħala ikel tiegħu l-Kelma ta’ Alla.  Nistgħu naħsbu kif Ġużeppi eduka liċ-ċkejken Ġesù kif jisma’ l-Iskrittura Mqaddsa, fuq kollox billi s-Sibt kien jieħdu miegħu s-sinagoga ta’ Nazareth.  U Ġużeppi kien isieħeb lil Ġesù fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla fis-sinagoga.

 

U fl-aħħar nett, id-dimensjoni tal-“grazzja”.  Dejjem San Luqa jgħidilna hekk għal Ġesù: “U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (2:40).  Hawn bla dubju sehem San Ġużepp hu iżjed limitat meta mqabbel ma’ l-oqsma ta’ l-età u ta’ l-għerf.  Imma nkunu niżbaljaw bil-kbir jekk naħsbu li missier u omm ma jistgħu jagħmlu xejn biex jedukaw lil uliedhom kif jikbru fil-grazzja ta’ Alla.  Għenu jikber fis-snin, jikber fl-għerf, jikber fil-grazzja: dan hu x-xogħol li għamel San Ġużepp ma’ Ġesù, li għenu jikber f’dawn it-tliet aspetti, għenu jikber.

 

Għeżież ħuti, il-missjoni ta’ San Ġużepp ċertament hi unika u irripetibbli, għax Ġesù hu assolutament uniku.  Madankollu, hu u jħares lil Ġesù, u jedukah biex jikber fis-snin, fl-għerf u fil-grazzja, huwa wkoll mudell għal kull edukatur, b’mod partikulari għal kull missier.  San Ġużepp hu l-mudell tal-edukatur u tal-missier.  Għalhekk nafda f’idejn il-ħarsien tiegħu lill-ġenituri kollha, is-saċerdoti – li huma missirijiet –, u lil dawk li għandhom il-missjoni li jedukaw fil-Knisja u fis-soċjetà.  B’mod speċjali, il-lum, Jum il-Missier, nixtieq insellem lill-ġenituri kollha, lill-missirijiet kollha: mill-qalb insellmilkom!  Ħa nara: hawn xi ftit missirijiet fil-pjazza?  Erfgħu jdejkom, il-missirijiet!  U kemm hawn missirijiet!  Awguri, awguri fil-jum iddedikat lilkom!  Għalikom nitlob il-grazzja li tkunu dejjem qrib ħafna ta’ wliedkom, ħalluhom jikbru, imma kunu dejjem qrib tagħhom!  Huma għandhom bżonnkom, bżonn il-preżenza tagħkom, bżonn li tkunu qrib tagħhom, li tħobbuhom.  Kunu għalihom bħal San Ġużepp: ħarriesa tagħhom huma u jikbru fis-snin, fl-għerf u fil-grazzja.  Ħarriesa tal-mixja tagħhom; edukaturi, u imxu magħhom.  U jekk tkunu qrib tagħhom, tkunu edukaturi tassew.  Grazzi għal dak kollu li qed tagħmlu għal uliedkom: grazzi.  Nawguralkom ħafna, u l-festa t-tajba f’Jum il-Missier lill-missirijiet kollha li hawn hawnhekk, lill-missirijiet kollha.  San Ġużepp iberikkom u jimxi magħkom.  U xi wħud minna lil missierhom tilfuh, telaq, il-Mulej sejjaħlu għandu; fil-pjazza hawn bosta li m’għandhomx missier.  Nistgħu nitolbu għall-missirijiet kollha tad-dinja, għal dawk ħajjin u anki għal dawk li ħallewna u għal dawk tagħna, u din il-ħaġa nistgħu nagħmluha flimkien, billi kull wieħed u waħda jiftakar f’missieru jew missierha, kemm jekk ħaj u kemm jekk mejjet.  U nitolbu lill-Missier il-kbir tagħna lkoll, il-Missier.  “Missierna” għal missirijietna: Missierna…

 

U awguri lill-missirijiet!

 

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard