IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 18 ta’ Diċembru 2019

 

Katekeżi: Il-presepju, Vanġelu tad-dar

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fi żmien ġimgħa jkun il-Milied. F’dawn il-jiem, aħna u nħaffu bil-preparazzjonijiet tagħna għal din il-festa, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Kif qed nitħejja għat-twelid tal-Iffesteġġjat?”. Mod sempliċi imma effikaċi kif inħejju ruħna hu billi nagħmlu l-presepju. Jien ukoll din is-sena mxejt f’din it-triq: mort Greccio, fejn San Franġisk għamel l-ewwel presepju, man-nies tal-post. U ktibt ittra biex infakkar fit-tifsira ta’ din it-tradizzjoni, x’tifsira għandu l-presepju fi żmien il-Milied.

 

Fil-fatt il-presepju “hu bħal Vanġelu ħaj” (Ittra appostolika Admirabile signum, 1). Iwassal il-Vanġelu fil-postijiet fejn aħna ngħixu: fid-djar, fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fejn niltaqgħu, fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani, fil-ħabsijiet u fil-pjazez. U hemm fejn ngħixu hu jfakkarna f’ħaġa essenzjali: li Alla ma baqax inviżibbli fis-sema, imma niżel fuq l-Art tagħna, sar bniedem, tarbija. Meta nagħmlu l-presepju nkunu niċċelebraw il-qrubija ta’ Alla. Alla minn dejjem kien qrib tal-poplu tiegħu, imma meta inkarna u twieled, ġie qrib ħafna, tassew qrib. Meta nagħmlu l-presepju nkunu niċċelebraw kemm Alla huwa qrib tagħna, niskopru mill-ġdid li Alla hu reali, konkret, ħaj u għandu qalb li tħabbat. Alla mhuwiex xi sid imbiegħed jew imħallef maqtugħ minna, imma huwa Mħabba umli, li niżel għandna. It-Tarbija fil-presepju tgħaddilna l-ħlewwa tagħha. Xi pasturi jirraffiguraw il-“Bambin” b’dirgħajh miftuħa, qisu jrid jgħidilna li Alla ġie jħaddan l-umanità tagħna. Allura hi ħaġa sabiħa nintasbu quddiem il-presepju u hemm lill-Mulej nafdawlu ħajjitna, inkellmuh fuq il-persuni u s-sitwazzjonijiet li għandna għal qalbna, naraw flimkien miegħu l-bilanċ tas-sena li qed tintemm, naqsmu t-tamiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna.

 

Ħdejn Ġesù nilmħu lill-Madonna u lil San Ġużepp. Nistgħu nimmaġinaw il-ħsibijiet u s-sentimenti li kienu għaddejjin minn ġo fihom waqt li l-Bambin kien qed jitwieled f’dak il-faqar: ferħ, imma anki konfużjoni. U nistgħu wkoll nistiednu lill-Familja Mqaddsa fid-dar tagħna, fejn hemm ferħ u preokkupazzjonijiet, fejn ta’ kuljum inqumu, nieklu u norqdu qrib tal-persuni l-aktar għeżież għalina. Il-presepju huwa Vanġelu tad-dar. Il-kelma presepju litteralment tfisser “maxtura”, waqt li l-belt tal-presepju, Betlehem, tfisser “dar il-ħobż”. Maxtura u dar tal-ħobż: il-presepju li nagħmlu d-dar, fejn naqsmu flimkien l-ikel u l-imħabba tagħna lejn xulxin, ifakkarna li Ġesù hu l-ikel tagħna, il-ħobż tal-ħajja (ara Ġw 6:34). Hu li jseddaq l-imħabba tagħna, hu li lill-familji tagħna jagħtihom il-qawwa biex jibqgħu mexjin ’il quddiem u jaħfru wieħed lill-ieħor.

 

Il-presepju joffrilna tagħlima oħra għall-ħajja. Qalb ir-ritmi xi kultant mimlija ġenn tal-lum huwa stedina għall-kontemplazzjoni. Ifakkarna fl-importanza li nieqfu. Għax huwa biss meta nagħrfu ninġabru li nistgħu nifhmu u nilqgħu dak li jiswa fil-ħajja. Huwa biss jekk inħallu barra minn darna l-istorbju tad-dinja li nistgħu niftħu widnejna għas-smigħ ta’ Alla, li jitkellem fil-ħemda. Il-presepju hu attwali, hu l-attwalità ta’ kull familja. Ilbieraħ irregalawli xbieha ċkejkna ta’ presepju speċjali, żgħira ħafna, li semmew: “Inħallu lill-mamà tistrieħ”. Kien hemm il-Madonna rieqda u Ġużeppi bil-Bambin hemm, qed iraqqdu. Kemm minnkom ikollkom taqsmu l-lejl bejn ir-raġel u l-mara minħabba fit-tarbija li qed tibki, tibki, tibki. “Inħallu lill-mamà tistrieħ” hija l-ħlewwa ta’ familja, ta’ ħajja miżżewġa.

 

Il-presepju llum hu attwali iżjed minn qatt qabel, waqt li ta’ kuljum qed jiġu ffabbrikati fid-dinja tant armi u tant xbihat vjolenti, li jibqgħu mwaħħlin fl-għajnejn u fil-qalb. Imma l-presepju hu xbieha artiġjanali ta’ paċi. Għalhekk huwa Vanġelu ħaj.

 

Għeżież ħuti, fl-aħħar nett fil-presepju nistgħu nsibu tagħlim ieħor fuq l-istess tifsira tal-ħajja. Naraw xeni ta’ kuljum: ir-ragħajja bin-nagħġiet, il-ħaddieda jsammru fuq l-inkwina, il-furnara jaħmu l-ħobż; xi drabi ssib min idaħħal pajsaġġi u sitwazzjonijiet mill-artijiet tagħna. Sewwa jagħmlu, għax il-presepju jfakkarna li Ġesù jiġi fil-ħajja konkreta tagħna. U dan hu importanti. Ejjew nagħmlu presepju żgħir id-dar, dejjem, għax hu jfakkarna li Alla ġie għandna, twieled fostna, jimxi magħna fil-ħajja tagħna, hu bniedem bħalna, sar bniedem bħalna. Fil-ħajja ta’ kuljum m’għadniex iżjed waħidna, hu jgħix magħna. Ma jibdilx l-affarijiet b’mod maġiku, imma jekk nilqgħuh, kollox jista’ jinbidel. Allura nawguralkom li l-bini tal-presepju jkun okkażjoni biex tistiednu lil Ġesù f’ħajjitkom. Meta aħna nagħmlu l-presepju d-dar, qisna qed niftħu l-bieb u ngħidu: “Idħol, Ġesù!”, u hekk nagħmlu iktar konkreta din il-qrubija, din l-istedina lil Ġesù biex jidħol fil-ħajja tagħna. Għax jekk hu jgħammar fil-ħajja tagħna, il-ħajja titwieled mill-ġdid. U jekk il-ħajja titwieled mill-ġdid, ikun tassew il-Milied. Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard