Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Il-laqgħa tagħna dal-għodu qed nagħmluha fil-klima spiritwali ta’ l-Avvent, li tintensifika iżjed ruħha bin-Novena tal-Milied Imqaddes, li qed ngħixu f’dawn il-jiem u li twassalna għall-festi tal-Milied.  Għalhekk il-lum nixtieq nirrifletti magħkom fuq it-Twelid ta’ Ġesù, festa tal-fiduċja u tat-tama, li tirbaħ fuq l-inċertezza u l-pessimiżmu.  U r-raġuni tat-tama tagħna hi din: Alla hu magħna u Alla għadu jafda fina!  Imma aħsbu sewwa fuq dan: Alla hu magħna u Alla għadu jafda fina!  Hu ġeneruż dan Alla l-Missier!  Hu jinżel jgħammar fost il-bnedmin, jagħżel id-dinja bħala għamara tiegħu biex joqgħod mal-bniedem u jgħix propju hemm fejn il-bniedem iqatta’ jiemu fil-ferħ u fin-niket.  Minħabba f’hekk, id-dinja m’għadhiex biss “wied ta’ dmugħ”, imma hi l-post fejn Alla nnifsu waqqaf l-għarix tiegħu, hi l-imkien tal-laqgħa ta’ Alla mal-bniedem, tas-solidarjetà ta’ Alla mal-bnedmin.

Alla ried jaqsam fil-kundizzjoni umana tagħna tant li sar ħaġa waħda magħna fil-persuna ta’ Ġesù, li hu veru bniedem u veru Alla.  Imma, terġa’, hemm ħaġa wisq iżjed sorprendenti.  Il-preżenza ta’ Alla qalb il-bnedmin fir-realtà ma seħħitx b’xi mod ideali, idilliku, imma f’din id-dinja reali, immarkata minn tant ħwejjeġ tajbin u ħżiena, milquta minn firdiet, mibegħda, faqar, prepotenzi u gwerer.  Hu għażel li jgħix fl-istorja tagħna hekk kif inhi, bil-piż kollu tal-limitazzjonijiet tagħha u tad-drama tagħha.  Meta għamel hekk, wera b’mod insuperabbli l-inklinazzjoni tiegħu għall-ħniena u l-imħabba lejn il-ħlejjaq umani.  Hu l-Alla-magħna; Ġesù hu Alla-magħna.  Dan intom temmnuh?  Nagħmluha flimkien din l-istqarrija: Ġesù hu Alla-magħna!  Ġesù hu Alla-magħna sa minn dejjem u għal dejjem magħna fit-tbatijiet u fl-uġigħ ta’ l-istorja.  It-Twelid ta’ Ġesù juri li Alla “intefa’” darba għal dejjem fuq in-naħa tal-bniedem, biex jifdina, biex jgħollina ’l fuq minn qalb it-trab tal-miżerji tagħna, tad-diffikultajiet tagħna, ta’ dnubietna.

Minn hawn ġej ir-“rigal” kbir tat-Tarbija ta’ Betlehem: Hi ġġibilna enerġija spiritwali, enerġija li tgħinna biex ma negħrqux fit-tbatijiet tagħna, fil-qtigħ il-qalb tagħna, fin-niket tagħna, għax hi enerġija li tkebbes u tittrasforma l-qalb.  It-twelid ta’ Ġesù, fil-fatt, iġibilna miegħu l-aħbar sabiħa li Alla lilna jħobbna immensament u singularment, u din l-imħabba mhux biss jurihielna, imma jagħtihielna, jikkomunikahielna!

Mill-kontemplazzjoni hienja tal-misteru ta’ l-Iben ta’ Alla mwieled għalina, nistgħu noħorġu żewġ riflessjonijiet.

L-ewwel waħda hi li jekk fil-Milied Alla jidher mhux bħala wieħed li qiegħed fil-għoli u jiddomina l-univers, imma bħala Dak li jitbaxxa, jinżel fuq l-art ċkejkna u fqira, dan ifisser li biex inkunu bħalU aħna ma nistgħux nitkabbru fuq l-oħrajn, anzi rridu nitbaxxew, inkunu għas-servizz ta’ l-oħrajn, niċkienu u niftaqru mal-foqra.  Imma kemm hi ħaġa kerha tara Nisrani li ma jridx jitbaxxa, li ma jridx jaqdi.  Jagħmel ikrah Nisrani li joqgħod idur jiffanfra ma’ kullimkien: dak m’hux Nisrani, dak pagan.  In-Nisrani jaqdi, jitbaxxa.  Nagħmlu mod li dawn ħutna ma jħossuhom qatt waħidhom!

It-tieni konsegwenza: jekk Alla, permezz ta’ Ġesù, daħal fil-ħajja tal-bniedem sal-punt li sar wieħed minna, dan ifisser li kull ħaġa li nagħmlu lil xi ħadd minn ħutna inkunu qed nagħmluha lilU.  Dan fakkarhulna Ġesù nnifsu: min ikun tema’, laqa’ għandu, żar, ħabb lil wieħed mill-iżjed ċkejknin u l-iżjed foqra fost il-bnedmin, dan ikun għamlu ma’ l-Iben ta’ Alla.

Nintelqu f’idejn l-interċessjoni materna ta’ Marija, Omm ta’ Ġesù u ommna, biex tgħinna f’dan il-Milied Imqaddes, li issa hu fil-qrib, ħalli nagħrfu fil-wiċċ tal-proxxmu tagħna, speċjalment tal-persuni l-aktar dgħajfa u emarġinati, ix-xbieha ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard