IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2015 

Il-Familja – 33. Il-bieb li jilqa’

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

B’din ir-riflessjoni wasalna fuq l-għatba tal-Ġublew, jinsab fil-qrib.  Quddiemna għandna l-bieb, imma mhux biss il-bieb imqaddes, imma l-ieħor: il-bieb il-kbir tal-Ħniena ta’ Alla – u dan hu bieb sabiħ! –, li jilqa’ l-indiema tagħna u joffrilna l-grazzja tal-maħfra tiegħu.  Il-bieb jiftaħhulna minn qalbu, issa jonqos ftit kuraġġ min-naħa tagħna biex nirfsu l-għatba u ngħaddu minnu.  Kull wieħed u waħda minna għandu fih xi jtaqqlu.  Ilkoll midinbin!  Ejjew napprofittaw minn dan iż-żmien li ġej u nirfsu l-għatba ta’ din il-ħniena ta’ Alla li qatt ma jegħja jaħfer, qatt ma jegħja jistenniena!  Iħares lejna, dejjem jinsab qrib tagħna.  Kuraġġ!  Ejjew ngħaddu minn dan il-bieb!

 

Mis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li ċċelebrajna fix-xahar l-ieħor ta’ Ottubru, il-familji kollha, u l-Knisja sħiħa, irċevew kuraġġ kbir biex flimkien niltaqgħu fuq din l-għatba ta’ dan il-bieb miftuħ.  Il-Knisja għamlet il-qalb biex tista’ tiftaħ bibienha, biex toħroġ mal-Mulej u tmur tiltaqa’ ma’ wliedha mexjin, xi drabi inċerti, xi drabi mifxula, f’dawn iż-żminijiet diffiċli.  Il-familji Nsara, b’mod partikulari, ġew imħeġġa jiftħu l-bieb tagħhom lill-Mulej li qed jistenna biex jidħol, ħalli hekk iġib il-barka u l-ħbiberija tiegħu.  U jekk il-bieb tal-ħniena ta’ Alla hu dejjem miftuħ, anki l-bibien tal-knejjes tagħna, tal-komunitajiet tagħna, tal-parroċċi tagħna, ta’ l-istituzzjonijiet tagħna, tad-djoċesijiet tagħna, għandhom ikunu miftuħa, biex hekk ilkoll nistgħu noħorġu u nwasslu din il-ħniena ta’ Alla.  Il-Ġublew ifisser il-bieb il-kbir tal-ħniena ta’ Alla imma anki l-bibien iż-żgħar tal-knejjes tagħna miftuħa biex inħallu lill-Mulej jidħol – u ħafna drabi noħorġu mal-Mulej – miżmum priġunier ta’ l-istrutturi tagħna, ta’ l-egoiżmu tagħna u ta’ tant ħwejjeġ oħra.

 

Il-Mulej qatt ma jsabbat fuq il-bieb u jisfurzana biex indaħħluh: anki Hu jitlob permess biex jidħol.  Il-Ktieb ta’ l-Apokalissi jgħid: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20).  Nistħajlu lill-Mulej qed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna!  U fl-aħħar dehra kbira ta’ dan il-Ktieb ta’ l-Apokalissi, hekk insibu mħabbar dwar il-Belt ta’ Alla: “Il-bibien tagħha ma jingħalqux bin-nhar”, li jfisser ma jingħalqu qatt, għax “lejl hemmhekk ma jkunx hemm” (21:25).  Għadek issib postijiet fid-dinja fejn il-bieb ma jsakkruhx biċ-ċavetta, għadek issibhom.  Imma hemm ħafna oħrajn fejn il-bibien imbarrati saru xi ħaġa normali.  Ma rridux inċedu għall-idea li napplikaw din is-sistema għal ħajjitna kollha, għall-ħajja tal-familja, tal-belt, tas-soċjetà.  U wisq inqas għall-ħajja tal-Knisja.  Tkun ħaġa terribbli!  Knisja li ma tilqax, l-istess bħal familja magħluqa fiha nfisha, ma tagħmilx ġieħ lill-Vanġelu u ġġib nixfa fid-dinja.  Mela ħa naraw li ma jkollniex bibieb magħluqin fil-Knisja, l-ebda wieħed!  Kollox miftuħ!

 

Il-mod simboliku kif nieħdu ħsieb tal-“bibien” tagħna – tad-daħliet, tal-passaġġi, tal-fruntieri – sar kruċjali.  Il-bieb għandu jipproteġi, daż-żgur, imma mhux iżomm ’il barra.  Il-bieb m’għandux jiġi mbuttat ’il ġewwa; għall-kuntrarju, wieħed għandu jitlob permess, għax l-ospitalità tilma fil-libertà ta’ min jilqa’ għandu, u tiddallam mill-prepotenza ta’ min jinvadi.  Il-bieb niftħuh ta’ spiss, biex naraw barra hemmx min qed jistenna, u forsi m’għandux il-kuraġġ, forsi lanqas is-saħħa jħabbat.  Kemm hawn nies li tilfet il-fiduċja, m’għandhiex il-kuraġġ tħabbat fuq il-bieb tal-qalb Nisranija tagħna, fuq il-bibien tal-knejjes tagħna…  U tarahom hemm, bla kuraġġ, serqulhom il-fiduċja kollha: nitlobkom, araw li dan ma jseħħ qatt.  Il-bieb jgħid ħafna affarijiet fuq id-dar, u anki fuq il-Knisja.  Il-mod kif niftħu u nagħlqu l-bibien jitlob dixxerniment attent u, fl-istess ħin, għandu jispira fiduċja kbira.  Nixtieq hawn illissen kelma ta’ gratitudni għal dawk il-purtinara kollha li jieħdu ħsieb tal-bibien: tal-binjiet ta’ l-appartamenti tagħna, ta’ l-istituzzjonijiet ċiviċi, ta’ l-istess knejjes.  Spiss l-għaqal prudenti u l-ġentilezza ta’ min jaħdem fil-porterija, diġà sa mid-daħla kapaċi jpinġu d-dar kollha kemm hi f’dawl sabiħ uman u ta’ merħba.  Għandna x’nitgħallmu minn dawn il-persuni li, fl-ibliet tal-bniedem, jieħdu ħsieb tal-postijiet fejn in-nies tiltaqa’ u tiġi milqugħa!  Lilkom kollha li tieħdu ħsieb tant bibien, kemm jekk huma bibien ta’ djar, kemm jekk bibien ta’ knejjes, grazzi ħafna!  Imma dejjem bi tbissima, dejjem uru l-qalb miftuħa u li lesta tilqa’ ta’ dik id-dar, ta’ dik il-knisja, biex hekk in-nies tħossha kuntenta u milqugħa f’dak l-imkien.

 

Fil-verità, nafu tajjeb li aħna stess il-ħarriesa u l-qaddejja tal-Bieb ta’ Alla, u l-bieb ta’ Alla x’jismu?  Ġesù!  Hu jdawwalna fuq il-bibien kollha tal-ħajja, inklużi dawk tat-twelid u l-mewt tagħna.  Dan stqarru hu stess: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10:9).  Ġesù hu l-bieb li minnu nistgħu nidħlu u noħorġu.  Għax il-maqjel ta’ Alla hu kenn għalina, m’huwiex ħabs!  Id-dar ta’ Alla hi post ta’ kenn, m’hix ħabs, u l-bieb tagħha jismu Ġesù!  U jekk il-bieb ikun magħluq, ngħidulu: “Mulej, iftħilna l-bieb!”.  Ġesù hu l-bieb u hu jdaħħalna u joħroġna.  Huma l-ħallelin dawk li jfittxu jevitaw li jgħaddu mill-bieb: kurjuża din, il-ħallelin dejjem ifittxu li jidħlu minn band’oħra, mit-tieqa, minn fuq il-bejt, imma jaħarbu l-bieb, għax għandhom intenzjonijiet ħżiena, u jaqbżu ġewwa bil-moħbi fil-maqjel biex jaħsdu lin-nagħaġ u jinqdew bihom.  Aħna għandna ngħaddu mill-bieb u nisimgħu leħen Ġesù: jekk nisimgħu t-ton ta’ leħnu, inkunu fiż-żgur, inkunu salvi.  Nistgħu nidħlu bla biża’ u noħorġu bla ebda periklu.  F’dan id-diskors mill-isbaħ ta’ Ġesù, hu jitkellem ukoll fuq l-għassies li jkun mal-bieb, li xogħlu hu jiftaħ lir-Ragħaj it-tajjeb (ara Ġw 10:2-3).  Jekk l-għassies jisma’ leħen ir-Ragħaj, allura jiftaħ, u jħalli jidħlu lin-nagħaġ kollha li r-Ragħaj iġib miegħu, kollha, inklużi dawk li ntilfu fil-foresta, li r-Ragħaj it-tajjeb mar biex iġib lura.  In-nagħaġ ma jagħżilhomx l-għassies, ma jagħżilhomx is-segretarju parrokkjali jew is-segretarja fl-uffiċċju parrokkjali; in-nagħaġ huma kollha mistiedna, huma magħżula mir-Ragħaj it-tajjeb.  L-għassies – anki hu – jisma’ mil-leħen tar-Ragħaj.  Araw, nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li aħna għandna nkunu bħal dak l-għassies.  Il-Knisja hi l-purtinara tad-dar tal-Mulej, mhux sidt id-dar tal-Mulej.

 

Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth taf tajjeb xi jfisser bieb miftuħ jew magħluq, għal min qed jistenna tarbija, għal min m’għandux kenn, għal min qed ifittex jaħrab bogħod mill-periklu.  Il-familji Nsara għandhom jagħmlu mill-għatba ta’ darhom sinjal ċkejken imma kbir tal-Bieb tal-ħniena u ta’ Alla li jilqa’.  Minn hekk għandha sewwa sew tingħaraf il-Knisja, f’kull rokna tad-dinja: bħala l-ħarriesa ta’ Alla li jħabbat, ta’ Alla li jilqgħek għandu u mhux isabbattlek il-bieb f’wiċċek, bl-iskuża li int ma toqgħodx f’dik id-dar.  B’dan l-ispirtu ejjew nersqu lejn il-Ġublew: sa jkun hemm il-bieb imqaddes, imma hemm ukoll il-bieb tal-ħniena kbira ta’ Alla! Ħa jkun hemm ukoll il-bieb tal-qalb tagħna biex kulħadd jirċievi l-maħfra ta’ Alla u min-naħa tagħna nagħtu wkoll il-maħfra tagħna, u nilqgħu lil dawk kollha li jħabbtu fuq il-bieb tad-dar tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard