IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Ottubru 2017

  

It-Tama Nisranija – 37. Henjin dawk li jmutu fil-Mulej

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq inqiegħed f’konfront ma’ xulxin it-tama Nisranija u r-realtà tal-mewt, realtà li ċ-ċiviltà moderna tagħna dejjem iżjed qed tipprova tħassar. Hekk, meta tasal il-mewt, għal min ikun qrib tagħna u għalina stess, insibu ruħna m’aħniex imħejjija, sajma wkoll mill-“alfabett” meħtieġ biex nistgħu ngħaqqdu kliem li jagħmel sens madwar il-misteru tagħha, li xorta waħda jibqa’. U safrattant, l-ewwel sinjali ta’ ċivilizzazzjoni umana għaddew proprju minn din l-enigma. Nistgħu ngħidu li l-bniedem twieled mal-kult tal-mejtin.

 

Ċiviltajiet oħra, qabel din tagħna, kellhom il-kuraġġ li jħarsu lejha f’wiċċha. Kienet ġrajja rrakkuntata mix-xjuħa lill-ġenerazzjonijiet ġodda, bħal realtà li ma tistax taħrabha u li kienet tobbliga lill-bniedem biex jgħix għal xi ħaġa assoluta. Jgħid is-Salm 90: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal” (v. 12). Jekk wieħed jitgħallem jgħodd jiem ħajtu, qalbu tikseb l-għerf! Kliem li jdaħħalna f’realiżmu san, u jkeċċi minna l-ħsieb li nistgħu kollox. Aħna x’aħna? Aħna “kważi m’aħna xejn” (ara 89:48); jiemna jgħaddu ħfief: imqar li kellna ngħixu mitt sena, fl-aħħar jidhirlna li kollox kien bħal nifs. Ħafna drabi nisma’ anzjani jgħidu: “Il-ħajja għaddiet bħal nifs…”.

 

Hekk il-mewt tneżża’ għarwiena lil ħajjitna. Tgħinna niskopru li l-għemejjel tagħna ta’ kburija, ta’ qilla u ta’ mibegħda kienu frugħa: frugħa biss. B’għafsa ta’ qalb nintebħu li ma ħabbejniex biżżejjed u li ma fittixniex dak li kien essenzjali. U, bil-maqlub, naraw dak li żrajna tabilħaqq tajjeb: l-imħabba li mħabba fiha ssagrifikajna ruħna, u li issa taqbdilna jdejna.

 

Ġesù xeħet dawl fuq il-misteru tal-mewt tagħna. Bi mġiebtu, jawtorizzana biex inħossuna mnikkta meta tmut persuna għażiża għalina. Hu tħawwad “ħafna” quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru, u “beka” (Ġw 11:35). F’din l-imġiba tiegħu, lil Ġesù nħossuh qrib ħafna, bħal ħuna. Hu beka għal ħabibu Lazzru.

 

U għalhekk Ġesù jitlob lill-Missier, għajn tal-ħajja, u jordna lil Lazzru joħroġ mill-qabar. U hekk seħħ. It-tama Nisranija tixrob minn din l-imġiba ta’ Ġesù kontra l-mewt umana: jekk din hi preżenti fil-ħolqien, xorta hi sfreġju li jisfratta l-pjan ta’ mħabba ta’ Alla, u l-Feddej tagħna jrid ifejjaqna minnha.

 

Band’oħra l-Vanġeli jirrakkuntaw dwar missier li kellu lil bintu marida sew, u jdur b’fidi fuq Ġesù biex isalvaha (ara Mk 5:21-24,35-43). U ma hemmx figura li tqanqal iżjed minn dik ta’ missier jew ta’ omm b’binhom jew binthom morda. U minnufih Ġesù jmur ma’ dak ir-raġel, li kien jismu Ġajru. F’ċertu punt jasal xi ħadd mid-dar ta’ Ġajru u jgħidlu li t-tifla mititlu, u m’hemmx bżonn idejqu iżjed lill-Imgħallem. Imma Ġesù jgħid lil Ġajru: “Tibżax, biss inti emmen!” (Mk 5:36). Ġesù jaf li dak ir-raġel hu ttentat jirreaġixxi b’rabja u qtigħ il-qalb, għax mititlu bintu, u jħeġġu biex iżomm taqbad il-fjamma ċkejkna li xegħlet fil-qalb tiegħu: il-fidi. “Tibżax, biss inti emmen!”. “Tibżax, imma ibqa’ żomm mixgħula dik il-fjamma!”. U mbagħad, meta jaslu d-dar, hu jqajjem lit-tifla mill-mewt u jroddha ħajja lill-għeżież tagħha.

 

Ġesù jqegħedna fuq dan it-“tarf” tal-fidi. Lil Marta li tibki t-telfa ta’ ħuha Lazzru jaffaċċjaha bid-dawl ta’ domma: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26). Dan hu li Ġesù jtenni lil kull wieħed u waħda minna, kull darba li żżurna l-mewt biex iċċarrat in-nisġa tal-ħajja u tal-imħabbiet tagħna. Ħajjitna kollha qiegħda hawn, titliegħeb bejn it-telgħa tal-fidi u l-preċipizzju tal-biża’. Jgħidilna Ġesù: “Jien m’iniex il-mewt, jiena l-qawmien u l-ħajja. Temmnu inti dan? Temmnu?”. Aħna, li llum ninsabu hawn fil-Pjazza, nemmnuh dan?

 

Aħna lkoll ċkejkna u bla difiża quddiem il-misteru tal-mewt. Imma, xi grazzja tkun jekk f’dak il-mument inħarsu fil-qalb tagħna l-fjamma ċkejkna tal-fidi! Ġesù jaqbdilna jdejna, kif qabad f’id bint Ġajru, biex itennilna mill-ġdid: Talità kum, “Tfajla, qum!” (Mk 5:41). Se jgħidu lilna, lil kull wieħed u waħda minna: “Qum, irxoxta!”. Jien issa nistedinkom tagħlqu għajnejkom u taħsbu f’dak il-mument: tal-mewt tagħna. Kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-mewt tiegħu, u jistħajjel lilu nnifsu f’dak il-mument li għad iseħħ, meta Ġesù jaqbdilna jdejna u jgħidilna: “Ejja, ejja miegħi, qum”. Hemm tintemm it-tama u tkun ir-realtà, ir-realtà tal-ħajja. Aħsbu sew: Ġesù nnifsu għad jiġi għand kull wieħed u waħda minna u jaqbdilna jdejna, bil-ħlewwa tiegħu, bit-tjieba tiegħu, bl-imħabba tiegħu. U kull wieħed ħa jtenni fil-qalb tiegħu l-kelma ta’ Ġesù: “Qum, ejja. Qum, ejja. Qum, irxoxta!”.

 

Din hi t-tama tagħna quddiem il-mewt. Għal min jemmen, hi bieb li jinfetaħ kollu beraħ; għal min jiddubita hi bħal xaqq ta’ dawl li jgħaddi minn fuq l-għatba tal-bieb għax il-bieb ma jkunx magħluq għalkollox. Imma għalina lkoll sa tkun grazzja, meta dan id-dawl, tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, idawwalna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard