IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2015

 Il-Familja – 8. It-Tfal (I)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li kkummentajna fuq id-diversi figuri tal-ħajja tal-familja – l-omm, il-missier, l-ulied, l-aħwa, in-nanniet –, nixtieq nagħlaq dan l-ewwel grupp ta’ katekeżi fuq il-famlija billi nitkellem fuq it-tfal.  Se nagħmel dan f’żewġ mumenti: il-lum se nitkellem dwar id-don kbir li t-tfal huma għall-umanità – veru, huma don kbir għall-umanità, imma huma wkoll imwarrbin bil-kbir għax lanqas iħalluhom jitwieldu – u hawn se nieqaf fuq xi feriti li sfortunatament jagħmlu l-ħsara lit-tfulija.  Jiġuni f’moħħi dawk it-tfal kollha li ltqajt magħhom tul l-aħħar vjaġġ tiegħi fl-Asja: mimlijin ħajja, ħeġġa, u, min-naħa l-oħra, nara li fid-dinja ħafna minnhom qed jgħixu f’kundizzjonijiet xejn xierqa…  Fil-fatt, minn kif huma ttrattati t-tfal tista’ tiġġudika s-soċjetà, u mhux biss moralment, imma anki soċjoloġikament, jekk hix soċjetà libera jew soċjetà lsira ta’ l-interessi internazzjonali.

 

L-ewwel nett it-tfal ifakkruna li lkoll kemm aħna, fl-ewwel snin ta’ ħajjitna, konna għal kollox dipendenti fuq l-għożża u t-tjieba ta’ l-oħrajn.  U l-Iben ta’ Alla ma ħarabx minn din it-triq.  Hu l-misteru li nikkontemplaw kull sena fil-Milied.  Il-Presepju hu l-ikona li twasslilna din ir-realtà fil-mod l-iżjed sempliċi u dirett.  Imma hi ħaġa kurjuża: Alla m’għandux problema li jinftiehem mit-tfal, u t-tfal m’għandhomx problemi biex jifhmu lil Alla.  M’hux b’kumbinazzjoni li fil-Vanġelu hemm xi kelmiet sbieħ ħafna u qawwija ta’ Ġesù fuq iċ-“ċkejknin”.  Dan it-terminu “ċkejknin” jindika l-persuni kollha li jiddipendu mill-għajnuna ta’ l-oħrajn, u b’mod partikulari t-tfal.  Ngħidu aħna, Ġesù jgħid: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25).  U mill-ġdid: “Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 18:10).

 

Mela t-tfal huma fihom infushom għana għall-umanità u anki għall-Knisja, għax il-ħin kollu jfakkruna f’dik il-kundizzjoni meħtieġa biex nistgħu nidħlu fis-Saltna ta’ Alla: dik li ma naħsubx li nistgħu nagħmlu kollox waħidna, imma li għandna bżonn l-għajnuna, l-imħabba, il-maħfra.  U lkoll neħtieġu l-għajnuna, l-imħabba u l-maħfra!

 

It-tfal ifakkruna f’ħaġa oħra sabiħa; ifakkruna li aħna dejjem nibqgħu wlied: anki jekk wieħed isir adult, jew anzjan, anki jekk isir ġenitur, jekk jikseb post ta’ responsabbiltà, taħt dan kollu tibqa’ l-identità ta’ iben.  Ilkoll aħna wlied.  U dan iwassalna dejjem għall-fatt li l-ħajja ma tajnihiex aħna lilna nfusna, imma rċivejnieha.  Id-don kbir tal-ħajja hu l-ewwel rigal li rċivejna.  Kultant nirriskjaw li ngħixu u ninsewh dan, qisna konna aħna sid il-ħajja tagħna, meta fil-fatt aħna radikalment dipendenti.  Fir-realtà, dan hu motiv ta’ ferħ kbir, li nħossu li f’kull żmien ta’ ħajjitna, f’kull sitwazzjoni, f’kull qagħda soċjali, aħna wlied u nibqgħu wlied.  Dan hu l-messaġġ prinċipali li jgħaddulna t-tfal, bl-istess preżenza tagħhom: bil-preżenza tagħhom waħidha jfakkruna li lkoll kemm aħna u kull wieħed u waħda minna aħna wlied.

 

Imma hemm ħafna doni, ħafna għana li t-tfal iwasslu lill-umanità.  Infakkar biss xi wħud.

 

Iwasslulna l-mod ta’ kif huma jħarsu lejn ir-realtà, b’ħarsa fiduċjuża u safja.  It-tfal għandhom fiduċja spontanja fil-missier u fl-omm; għandhom fiduċja spontanja f’Alla, f’Ġesù, fil-Madonna.  Fl-istess ħin, il-ħarsa ġewwiena tagħhom hi safja, għadha m’hix imtappna mill-ħażen, mill-wiċċ b’ieħor, mill-“inkrustazzjonijiet” tal-ħajja li jwebbsu l-qalb.  Nafu li anki t-tfal għandhom id-dnub oriġinali, għandhom l-egoiżmi tagħhom, imma fihom hemm ċertu safa, sempliċità interjuri.  Għax it-tfal m’humiex diplomatiċi: jgħidu dak li jħossu, jgħidu dak li jaraw, direttament.  U ħafna drabi jpoġġu f’diffikultà lill-ġenituri, għax jgħiduh quddiem persuni oħra: “Dan ma jogħġobnix għax ikrah”.  Imma t-tfal jgħidu dak li jaraw, m’humiex persuni ta’ wiċċ b’ieħor, għadhom ma tgħallmux dik ix-xjenza tal-wiċċ b’ieħor li b’xorti ħażina aħna l-adulti tgħallimna.

 

Barra min hekk, it-tfal – fis-sempliċità ġewwiena tagħhom – għandhom il-ħila li jirċievu u jagħtu l-ħlewwa.  Il-ħlewwa tfisser li jkollok qalb “tal-laħam” u mhux “tal-ġebel”, kif tgħid il-Bibbja (ara Eżek 36:26).  Il-ħlewwa hi wkoll poeżija: tfisser li “tħoss” l-affarijiet u l-ġrajjiet, u mhux tittrattahom bħala sempliċi oġġetti, biex tużahom biss, għax iservuk…

 

It-tfal għandhom il-ħila li jitbissmu u jibku.  Xi wħud, meta naqbadhom biex ngħannaqhom, jitbissmuli; oħrajn jarawni liebes l-abjad u jaħsbuni t-tabib ġej biex itaqqabhom bis-siringa, u jibdew jibku… imma spontanjament!  It-tfal huma hekk: jitbissmu u jibku, żewġ affarijiet li fina l-kbar spiss “weħlu”, m’għadx għandna l-ħila…  Kemm drabi t-tbissima tagħna ssir tbissima tal-kartun, ħaġa bla ħajja, tbissima li m’hix vivaċi, anki tbissima artifiċjali, ta’ buffu.  It-tfal jitbissmu spontanjament u jibku spontanjament.  Dejjem jiddipendi mill-qalb, u spiss qalbna tibblokka u titlef din il-ħila li titbissem, li tibki.  U għalhekk it-tfal jistgħu jgħallmuna mill-ġdid nitbissmu u nibku.  Imma, aħna stess, għandna nistaqsu lilna nfusna: Jien nitbissem spontanjament, b’mod frisk, bi mħabba, jew it-tbissima tiegħi hi artifiċjali?  Għadni naf nibki, jew tlift il-ħila li nibki?  Żewġ mistoqsijiet umani ħafna li jgħallmuna t-tfal.

 

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Ġesù jistieden lid-dixxipli tiegħu “isiru bħat-tfal”, għax “ta’ min hu bħalhom hi s-Saltna ta’ Alla” (ara Mt 18:3; Mk 10:14).

 

Ħuti għeżież, it-tfal iġibu l-ħajja, l-allegrija, it-tama, anki l-inkwiet.  Imma l-ħajja hekk hi.  Żgur iġibu wkoll tħassib u xi drabi ħafna problemi; imma aħjar soċjetà b’dan it-tħassib u dawn il-problemi, milli soċjetà mdejqa u mudlama għax spiċċat bla tfal!  U meta naraw kif ir-rata tat-twelid ta’ soċjetà waslet kważi għall-wieħed fil-mija, nistgħu ngħidu li din is-soċjetà hi mdejqa, mudlama għax spiċċat bla tfal.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard