IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Diċembru 2014

Il-Familja1. Nazareth

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq il-Familja, li għadu kemm ġie ċċelebrat, kien l-ewwel pass f’mixja, li tagħlaq f’Ottubru li ġej biċ-ċelebrazzjoni ta’ Assemblea oħra fuq it-tema “Vokazzjoni u missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja”.  Fit-talb u r-riflessjoni li għandhom jakkumpanjaw din il-mixja jidħol il-Poplu kollu ta’ Alla.  Nixtieq li anki l-meditazzjonijiet tas-soltu fl-udjenzi ta’ nhar ta’ Erbgħa jidħlu f’din il-mixja komuni.  Għalhekk iddeċidejt li nirrifletti flimkien magħkom, matul din is-sena, propju fuq il-familja, fuq dan id-don kbir li l-Mulej għamel lid-dinja sa mill-bidu tagħha, meta ta lil Adam u Eva l-missjoni li jkattru u jimlew l-art (ara Ġen 1:28).  Dak id-don li Ġesù kkonferma u ssiġilla fil-vanġelu tiegħu.

 

Il-Milied, li jinsab hekk fil-qrib, jixgħel fuq dan il-misteru dawl kbir.  L-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla tiftaħ bidu ġdid fl-istorja universali tar-raġel u tal-mara.  U dan il-bidu ġdid iseħħ fi ħdan familja, f’Nazareth.  Ġesù twieled f’familja.  Seta’ jiġi b’mod spettakolari, jew bħala gwerrier, imperatur…  Le, le: jiġi bħala iben ta’ familja, f’familja.  Dan importanti: nilmħu fil-Presepju din ix-xena hekk ħelwa.

 

Alla għażel li jitwieled f’familja tal-bnedmin, li sawwar Hu stess.  Sawwarha f’raħal minsi fit-truf ta’ l-Imperu Ruman.  Mhux f’Ruma, li kienet il-kapitali ta’ l-Imperu, mhux f’xi belt kbira, imma f’periferija kważi inviżibbli, anzi, pjuttost mistkerrha.  Dan jgħiduhulna anki l-Vanġeli, qisha kienet xi espressjoni popolari: “X’jista’ qatt joħroġ tajjeb minn Nazareth?” (Ġw 1:46).  Forsi, f’ħafna partijiet tad-dinja, aħna stess għadna nitkellmu hekk, meta nisimgħu l-isem ta’ xi post periferiku ta’ belt kbira.  Safrattant, propju minn hemm, minn dik il-periferija ta’ l-Imperu kbir, bdiet l-eqdes u l-itjeb storja, dik ta’ Ġesù fostna l-bnedmin!  U hemm kienet tinsab din il-familja.

 

Ġesù baqa’ jgħix f’dik il-periferija għal tletin sena.  L-Evanġelista Luqa jiġbor dan il-perjodu f’dan il-kliem: Ġesù “kien joqgħod għalihom [jiġifieri għal Marija u għal Ġużeppi]”.  U wieħed forsi jista’ jgħid: “Imma dan Alla li ġej biex isalvana, ħela tletin sena hemm, f’dik il-periferija mistkerrha?”.  Ħela tletin sena!  Hu hekk ried.  Il-mixja ta’ Ġesù kienet f’dik il-familja.  U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.  U hekk Ġesù baqajikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (2:51-52).  Ma nisimgħux b’mirakli u b’fejqan, bi predikazzjoni – ma għamel xejn minn dan matul dak iż-żmien – tal-folol li jiġru lejh; f’Nazareth donnu kollox qed iseħħ “b’mod normali”, skond kif kienet imdorrija familja Lhudija ta’ ħajja devota u bieżla: kienu jaħdmu, l-omm issajjar, tagħmel il-faċendi kollha tad-dar, tgħaddi l-ħwejjeġ… l-affarijiet kollha li tagħmel omm.  Il-missier, mastrudaxxa, kien imur għax-xogħol, jgħallem lil ibnu s-sengħa tax-xogħol.  Tletin sena.  “Imma x’ħela, Dun!”.  It-toroq tal-Mulej huma misterjużi.  Imma hemm dak li kien importanti kienet il-familja!  U din ma kinitx ħela!  Kienu qaddisin kbar: Marija, il-mara l-aktar qaddisa, immakulata, u Ġużeppi, l-aktar raġel ġust…  Il-familja.

 

Żgur li kien iqanqalna r-rakkont ta’ kif Ġesù fl-adolexxenza tiegħu kien iġib ruħu quddiem l-appuntamenti tal-komunità reliġjużi u d-dmirijiet tal-ħajja soċjali; li kellna nkunu nafu kif, bħala ħaddiem żagħżugħ, kien jaħdem ma’ djul Ġużeppi; u mbagħad il-mod kif kien jieħu sehem fis-smigħ ta’ l-Iskrittura, fit-talba tas-salmi u f’tant drawwiet oħra tal-ħajja ta’ kuljum.  Il-Vanġeli, fis-sobrjetà tagħhom, ma jgħidulna xejn fuq l-adolexxenza ta’ Ġesù u jħallu l-biċċa f’idejn il-meditazzjoni devota tagħna.  Imma żgur li m’hux daqshekk diffiċli nistħajlu kemm jistgħu jitgħallmu l-ommijiet mill-għożża li Marija kellha għal dak l-Iben!  U kemm jistgħu jgawdu l-missirijiet mill-eżempju ta’ Ġużeppi, raġel ġust, li ddedika ħajtu biex isostni u jħares lit-tfajjel u lil martu – il-familja tiegħu – fiż-żminijiet iebsin!  Biex ma nsemmux kemm jistgħu jagħmlu l-qalb it-tfal minn Ġesù biex jifhmu l-ħtieġa u l-ġmiel li jieħdu ħsieb il-vokazzjoni l-aktar profonda tagħhom, u li joħolmu kbir!  U Ġesù f’dawn it-tletin sena rawwam il-vokazzjoni tiegħu li għaliha kien bagħtu l-Missier.  U Ġesù, f’dak iż-żmien, qatt ma qata’ qalbu, imma kiber kollu kuraġġ li jibqa’ miexi ’l quddiem bil-missjoni tiegħu.

 

Kull familja Nisranija – kif għamlu Marija u Ġużeppi – tista’ qabel xejn tilqa’ lil Ġesù, tisimgħu, titkellem miegħU, tħarsu, tipproteġih, tikber miegħU; u hekk ittejjeb id-dinja li tgħix fiha.  Nagħmlu wisa’ għall-Mulej fil-qalb tagħna u fil-ġranet tagħna.  Hekk ukoll għamlu Marija u Ġużeppi, u ma kinitx ħaġa ħafifa: kemm diffikultajiet kellhom jegħlbu!  Ma kinitx familja ta’ biċ-ċajt, ma kinitx familja irreali.  Il-familja ta’ Nazareth timpenjana niskopru l-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja, ta’ kull familja.  U kif seħħ tul dawn it-tletin sena f’Nazareth, hekk jista’ jseħħ anki għalina: naħdmu biex issir normali l-imħabba u mhux il-mibegħda, tkun komuni l-għajnuna reċiproka, mhux l-indifferenza jew it-tilwim.  Mhux ta’ b’xejn, mela, li Nazareth tfisser “Dik li tħares”, bħal Marija, li – jgħidilna l-Vanġelu – “kienet tgħożż [tħares] f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (ara Lq 2:19,51).  Minn dak in-nhar, kull darba li jkun hemm familja li tħares fiha dan il-misteru, anki jekk tkun fit-tarf tad-dinja, dan il-misteru ta’ l-Iben ta’ Alla, il-misteru ta’ Ġesù li jiġi biex jifdina, ikun jaħdem.  U jiġi biex jifdi d-dinja.  U din hi l-missjoni għolja tal-familja: nagħmlu wisa’ għal Ġesù li ġej, nilqgħu lil Ġesù fil-familja, fil-persuna ta’ l-ulied, tar-raġel, tal-mara, tan-nanniet…  Ġesù jinsab hemm.  Nilqgħuh hemm, biex jikber spiritwalment f’dik il-familja.  Jalla l-Mulej jagħtina din il-grazzja f’dawn l-aħħar jiem qabel il-Milied.  Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard