IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2015

Il-Familja 19. Luttu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja ta’ katekeżi tagħna fuq il-familja, il-lum se nitnebbħu direttament mill-episodju rrakkuntat mill-evanġelista Luqa, li għadna kemm smajna (ara Lq 7:11-15).  Hi xena li tqanqalna ħafna, li turina l-ħniena ta’ Ġesù għal min qed ibati – f’dan il-każ l-armla li tilfet lil binha l-waħdieni – u turina wkoll il-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt.

 

Il-mewt hi esperjenza li tolqot il-familji kollha, bla ebda eċċezzjoni.  Tagħmel parti mill-ħajja; madankollu, meta tmiss ir-relazzjonijiet fil-familja, il-mewt qatt ma jirnexxielna narawha bħala ħaġa naturali.  Għall-ġenituri, li uliedhom imutu qabilhom hi ħaġa ta’ tbatija kbira, li tmur kontra n-natura bażika tar-relazzjonijiet li jagħtu sens lill-istess familja.  It-telfa ta’ iben jew ta’ bint hi bħallikieku ż-żmien waqaf: jinfetaħ abbiss li jibla’ fih il-passat u anki l-futur.  Il-mewt, li taħsad il-ħajja ta’ l-iben żgħir jew żagħżugħ, hi daqqa ta’ ħarta għall-wegħdiet, id-doni u s-sagrifiċċji ta’ mħabba mogħtija b’ferħ għall-ħajja li nkunu wellidna.  Kemm-il darba jiġu għall-Quddiesa f’Santa Marta ġenituri bir-ritratt ta’ tifel, tifla, tarbija, ġuvni, xebba, u jgħiduli: “Telaq, telqet”!  U l-ħarsa li nilmaħ, iġġorr fiha tant niket.  Il-mewt tmiss il-qalb, u meta tkun ta’ iben jew bint, tmiss ġewwa nett.  Il-familja kollha tibqa’ qisha msammra, imbikkma u bla kliem.  U xi ħaġa tixxiebah iġarrab ukoll it-tifel li jibqa’ waħdu, minħabba fit-telfa ta’ ġenitur, jew tat-tnejn li huma.  Dik il-mistoqsija: “Imma fejn hu l-pa?  Fejn hi l-ma?” – “Qiegħda l-Ġenna” – “Imma għaliex m’iniex naraha?”.  Taħt din il-mistoqsija hemm is-swied il-qalb ta’ tifel li jsib ruħu waħdu.  Il-vojt tat-telqa li jinfetaħ fih iweġġa’ ħafna itbar għax lanqas għandu esperjenza biżżejjed biex “jagħti isem” lil dak li jkun ġara.  “Meta ġej lura l-pa?  Meta ħa tiġi lura l-ma?”.  X’nistgħu nwieġbu meta naraw tifel ibati?  Hekk il-mewt fil-familja.

 

F’dawn il-każi l-mewt hi bħal ħofra sewda li tinfetaħ fil-ħajja tal-familji u li ma nafux nagħtu spjegazzjoni għaliha.  U xi drabi naslu biex anki nixħtu t-tort fuq Alla.  Imma kemm nies – u dan jien nifhmu – tinkorla ma’ Alla, tisħet: “Għaliex ħadtli lil ibni, lil binti?  M’hemmx Alla, Alla ma jeżistix!  Għaliex għamlilna hekk?”.  Kemm drabi smajniha din!  Imma din ir-rabja xi ftit jew wisq ħierġa minn għafsa kbira ta’ qalb; it-telfa ta’ iben jew bint, tal-missier jew tal-omm, hi għafsa kbira ta’ qalb.  Dan iseħħ kontinwament fil-familji.  F’dawn il-każi, kif għidt, il-mewt hi kważi bħal toqba kbira.  Imma l-mewt tal-ġisem għandha “kompliċi” magħha li huma agħar minnha, u li jisimhom mibegħda, għira, suppervja, xeħħa; insomma, id-dnub tad-dinja li jaħdem b’riżq il-mewt u jagħmilha iktar iebsa u inġusta.  Ir-relazzjonijiet ta’ mħabba fil-familja jidhru bħala l-vittmi predestinati u bla saħħa ta’ dawn il-potenzi awżiljarji tal-mewt, li jsieħbu l-istorja tal-bniedem.  Naħsbu fin-“normalità” assurda li biha, f’xi mumenti u f’xi postijiet, il-ġrajjiet li jżidu mal-kruha tal-mewt huma pprovokati mill-mibegħda u mill-indifferenza ta’ bnedmin oħra.  Ħa jeħlisna l-Mulej milli nidraw dan!

 

Fil-poplu ta’ Alla, bil-grazzja tal-ħniena tiegħu mogħtija lilna f’Ġesù, ħafna familji juru bil-fatti li l-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma: dan hu tassew att ta’ fidi.  Kull darba li l-familja li tinsab f’luttu – anki terribbli issib il-qawwa li tħares il-fidi u l-imħabba li jgħaqqduna ma’ dawk li nħobbu, hi diġà minn issa ma tkunx tħalli lill-mewt teħdilha kollox.  Id-dalma tal-mewt irridu naffrontawha b’ħidma ikbar ta’ mħabba.  “Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi”, hi l-invokazzjoni tal-liturġija ta’ fil-għaxija.  Fid-dawl tal-Qawmien tal-Mulej, li ma jitlaq lil ħadd minn dawk li l-Missier fdalu, nistgħu nneħħu lill-mewt in-“niggieża” tagħha, kif qalilna l-Appostlu Pawlu (1 Kor 15:155); nistgħu ma nħalluhiex tivvelenalna ħajjitna, iġġib fix-xejn l-imħabbiet tagħna, twaqqagħna f’vojt iktar mudlam.

 

B’din il-fidi, nistgħu nfarrġu lil xulxin, għax nafu li l-Mulej rebaħ fuq il-mewt darba għal dejjem.  L-għeżież tagħna ma ntilfux fid-dalma tax-xejn: it-tama tiżgurana li huma jinsabu fi ħdan id-dirgħajn twajba u qawwija ta’ Alla.  L-imħabba hi aqwa mill-mewt.  Għalhekk it-triq li rridu nimxu hi dik li nkabbru l-imħabba, insaħħuha, u l-imħabba tħarisna hi sa dak il-jum li fih kull demgħa tiġi xxuttata, meta “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed” (Apok 21:4).  Jekk nitwieżnu b’din il-fidi, l-esperjenza ta’ luttu tista’ toħloq solidarjetà akbar tar-rabtiet familjari, ftuħ ġdid għat-tbatija tal-familji l-oħra, fraternità ġdida mal-familji li jitwieldu mill-ġdid fit-tama.  Titwieled u twelled mill-ġdid fit-tama, dan hu li tagħtik il-fidi.  Imma jien nixtieq nagħfas fuq l-aħħar vers tal-Vanġelu li smajna l-lum (ara Lq 7:11-15).  Wara li Ġesù jreġġa’ lura lil dan iż-żagħżugħ għall-ħajja, bin dik l-omm li kienet armla, il-Vanġelu jgħidilna: “Ġesù tah lil ommu”.  U din hi t-tama tagħna!  L-għeżież kollha tagħna li ħallewna, il-Mulej se jroddhomlna lura u għad nerġgħu niltaqgħu magħhom.  Din it-tama ma tqarraqx bina!  Niftakruh sew dan il-ġest ta’ Ġesù: “U Ġesù tah lura lil ommu”, hekk għad jagħmel il-Mulej ma’ l-għeżież kollha tal-familja tagħna!

 

Din il-fidi tipproteġina mill-viżjoni niħilista tal-mewt, kif ukoll mill-faraġ falz li tagħtina d-dinja, biex hekk il-verità Nisranija “ma tirriskjax li titħallat ma’ mitoloġiji ta’ kull xorta, billi ċċedi għal riti ta’ superstizzjoni, antika u ġdida” (Benedittu XVI, Angelus tat-2 ta’ Novembru 2008).  Il-lum jeħtieġ li r-Ragħajja u l-Insara kollha jesprimu b’mod iżjed konkret is-sens tal-fidi quddiem l-esperjenzi familjari ta’ luttu.  M’għandniex inċaħħduhom mid-dritt li jibku – fil-luttu hemm bżonn nibku –, anki Ġesù “beka” u “tħawwad ħafna” għal-luttu ta’ familja li kien iħobb (Ġw 11:33-37).  Pjuttost messna nitgħallmu mix-xhieda sempliċi u qawwija ta’ tant familji li, fil-passaġġ hekk iebes tal-mewt, għarfu jitwaħħdu mal-mogħdija żgura tal-Mulej, mislub u rxoxt, bil-wegħda irrevokabbli tiegħu tal-qawmien mill-imwiet.  Ħidmet l-imħabba ta’ Alla hi aqwa minn ħidmet il-mewt.  Hi dik ta’ l-imħabba, hi sewwa sew ta’ dik l-imħabba li tagħha għandna nkunu “kompliċi” ħabrieka, bil-fidi tagħna!  U niftakru f’dak il-ġest ta’ Ġesù: “U Ġesù tah lil ommu”, hekk se jagħmel ma’ l-għeżież kollha tagħna u magħna meta għad niltaqgħu, meta l-mewt fina tiġi mirbuħa darba għal dejjem.  Hi mirbuħa mis-salib ta’ Ġesù.  Ġesù jagħtina lura lil kulħadd f’familja waħda!

 

APPELL

 

Għada, kif tafu, sa tiġi mxandra l-Enċiklika fuq l-għożża tad-“dar komuni” li hi l-ħolqien.  Din id-“dar” tagħna qed nirvinawha u dan qed jagħmel ħsara lil kulħadd, speċjalment lill-iżjed foqra.  Mela dan tiegħi hu appell għar-responsabbiltà, fid-dawl tal-missjoni li Alla ta lill-bniedem fil-ħolqien: li “jaħdem u jħares” il-“ġnien” li fih qiegħdu (ara Ġen 2:15).  Nistieden lil kulħadd jilqa’ b’qalb miftuħa dan id-Dokument, li jidħol fil-linja tad-duttrina soċjali tal-Knisja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard