IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 17 ta’ Mejju
2017
It-Tama Nisranija
– 22.
Marija
Maddalena, Appostlu tat-Tama
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
F’dawn il-ġimgħat ir-riflessjoni
tagħna qed iddur, biex ngħidu hekk, fl-orbita tal-Misteru
tal-Għid. Illum se niltaqgħu ma’ dik li, skont il-vanġeli,
kienet l-ewwel waħda li rat lil Kristu Rxoxt: Marija Maddalena. Kien
għadu kemm intemm il-mistrieħ tas-Sibt. Fil-jum tal-passjoni ma kienx
hemm ħin biex ilestu r-riti funebri; għalhekk, f’dik l-għodwa
ta’ qsim il-qalb, in-nisa marru fuq il-qabar ta’ Ġesù bil-fwejjaħ
tad-dlik. L-ewwel li waslet kienet hi: Marija ta’ Magdala, waħda
mid-dixxipli li kienu ma’ Ġesù sa mill-Galilija, għall-qadi
tal-Knisja li kienet għadha titwieled. Fil-ġirja tagħha lejn
il-qabar tidher il-fedeltà ta’ tant nisa li għal snin sħaħ tarahom
fil-passaġġi taċ-ċimiterji, jiftakru f’xi ħadd li
m’għadux iżjed. Ir-rabtiet l-iżjed awtentiċi ma jitkissrux,
lanqas bil-mewt: hemm min jibqa’ jħobb, imqar jekk il-persuna maħbuba
telqet għal dejjem.
Il-vanġelu (ara Ġw 20:1-2,11-18)
jiddeskrivi lill-Maddalena billi dritt jgħid li kienet mara li malajr
titħeġġeġ. Fil-fatt, wara l-ewwel żjara fil-qabar, hi
terġa’ lura qalbha maqtugħa fil-post fejn id-dixxipli kienu
mistħobija; tgħidilhom li l-ġebla tneħħiet
mid-daħla tal-qabar, u l-ewwel ipotesi tagħha hi l-iktar waħda
sempliċi li tista’ ssir: xi ħadd seraq il-ġisem ta’ Ġesù.
Hekk, l-ewwel aħbar li ġġib Marija mhix dik tal-qawmien, imma
ta’ serqa minn xi ħadd mhux magħruf, waqt li Ġerusalemm kollha
kienet għadha rieqda.
Imbagħad il-vanġeli jirrakkuntaw
it-tieni vjaġġ tal-Maddalena lejn il-qabar ta’ Ġesù. Rasha iebsa
kienet! Marret, reġgħet marret… għax ma kinitx konvinta! Din
id-darba l-pass tagħha hu bil-mod, tqil ħafna. Marija qed tbati
doppjament: l-ewwel nett għax miet Ġesù, u mbagħad
għall-għibien inspjegabbli ta’ ġismu.
Hu waqt li tinsab mixħuta ħdejn
il-qabar, b’għajnejha mimlija dmugħ, li Alla jissorprendiha bl-aktar
mod mhux mistenni. L-evanġelista Ġwanni jagħfas fuq kemm kien
persistenti l-għama tagħha: lanqas tintebaħ bil-preżenza
ta’ żewġ anġli li jistaqsuha, u lanqas jgħaddilha minn
moħħha l-iċken suspett meta tara lil dak ir-raġel li
tfaċċa minn wara spallejha, li hi ħasbitu għassa
mal-ġnien. Imma hekk tiskopri l-aktar ġrajja straordinarja
tal-istorja umana meta sa fl-aħħar tisma’ min isejħilha
b’isimha: “Marija!” (v. 16).
Xi ġmiel meta naħsbu kif l-ewwel dehra
tal-Irxoxt – skont il-vanġeli – seħħet b’mod hekk personali! Kif
hemm xi ħadd li jafna, li qed jara t-tbatija u l-qtigħ il-qalb
tagħna, u li jitqanqal għalina, u li jsejħilna b’isimna. Hi
liġi li nsibuha mnaqqxa f’ħafna paġni tal-vanġelu. Madwar
Ġesù hemm tant persuni li qed ifittxu lil Alla: imma l-aktar realtà tal-għaġeb
hi li, ħafna qabel, hemm qabelxejn Alla li ħsiebu f’ħajjitna, li
jrid jerġa’ jerfagħha ’l fuq, u biex jagħmel hekk isejħilna
b’isimna, u jagħraf il-wiċċ personali ta’ kull wieħed u
waħda minna. Kull bniedem hu storja ta’ mħabba li Alla jikteb fuq din
l-art. Kull wieħed u waħda minna hu storja ta’ mħabba ta’ Alla.
Kull wieħed minna Alla jsejjaħlu b’ismu: jafna b’isimna, iħares
lejna, jistenniena, jaħfrilna, jistabar bina. Veru jew le? Kulħadd
jgħaddi minn din l-esperjenza.
U Ġesù jsejħilha: “Marija!”:
ir-rivoluzzjoni ta’ ħajjitna, ir-rivoluzzjoni ddestinata li tibdel
il-ħajja ta’ kull bniedem, tibda bl-eku ta’ isem fil-ġnien tal-qabar
vojt. Il-vanġeli jfissrulna l-ferħ ta’ Marija: il-qawmien ta’
Ġesù mhuwiex ferħ li jinżel qatra qatra, imma kaskata sħiħa
li xxarrab għasra l-ħajja kollha. Il-ħajja Nisranija mhix
minsuġa minn ferħ artab, imma minn mewġ qawwi li jkaxkar kollox.
Ippruvaw aħsbu intom ukoll, bħalissa, bil-bagalja ta’
delużjonijiet u telfiet li kull wieħed qed iġorr f’qalbu, li
hemm Alla qrib tagħna li jsejħilna b’isimna u jgħidilna: “Qum,
tibkix iżjed, għax jien ġejt biex neħilsek!”. Xi
ġmiel!
Ġesù mhux xi wieħed li jadatta
ruħu għad-dinja, jew li ħa jittollera li fih sa jibqgħu
jsaltnu l-mewt, id-diqa, il-mibegħda, it-tifrik morali tal-persuni… Alla
tagħna mhux bla ħajja, imma Alla tagħna – ippermettuli l-kelma –
hu ħalliem: joħlom it-trasformazzjoni tad-dinja, u wettaqha
fil-misteru tal-Qawmien.
Marija riedet kieku tgħannaq
lill-Imgħallem tagħha, imma hu issa orjentat lejn Missieru tas-Sema,
waqt li lilha jibgħatha twassal l-aħbar lill-aħwa. U hekk dik
il-mara, li qabel ma ltaqgħet ma’ Ġesù kienet ilsira
tal-ħażin (ara Lq 8:2), issa kienet saret appostlu tat-tama ġdida u l-iżjed kbira.
L-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu aħna wkoll din
l-esprjenza: fis-siegħa tal-biki, u fis-siegħa tal-abbandun,
nisimgħu lil Kristu Rxoxt isejħilna b’isimna, u b’qalbna mimlija
ferħ immorru nxandru: “Rajt lill-Mulej!” (v. 18). Ħajti nbidlet għax
rajt lill-Mulej! Issa jien differenti minn qabel, jien persuna oħra. Inbdilt
għax rajt lill-Mulej. Din hi l-qawwa tagħna u din hi t-tama
tagħna. Grazzi.
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard