IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 16 ta’ Diċembru 2015

 

2. Is-Sinjali tal-Ġublew

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! 

Il-Ħadd li għadda nfetaħ il-Bieb Imqaddes fil-Katidral ta’ Ruma, il-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, u nfetaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral ta’ kull djoċesi tad-dinja, anki fis-santwarji u fil-knejjes indikati mill-isqfijiet.  Il-Ġublew hu fid-dinja kollha, mhux biss f’Ruma.  Xtaqt li dan is-sinjal tal-Bieb Imqaddes ikun preżenti f’kull Knisja partikulari, biex il-Ġublew tal-Ħniena jista’ jsir esperjenza li kull persuna tista’ tgħix.  Is-Sena Mqaddsa, b’dan il-mod, qed tiġi ċċelebrata fil-Knisja kollha u f’kull djoċesi bħalma qed isir f’Ruma.  Barra dan, l-ewwel Bieb Imqaddes infetaħ sewwa sew fil-qalba ta’ l-Afrika.  U Ruma, hekk hu, hi s-sinjal viżibbli tal-komunjoni universali.  Jalla din il-komunjoni ekkleżjali ssir dejjem iżjed intensa, biex il-Knisja tkun fid-dinja s-sinjal ħaj ta’ l-imħabba u tal-ħniena tal-Missier.

 

Anki d-data tat-8 ta’ Diċembru riedet tisħaq fuq din l-esiġenza, għax rabtet, ħamsin sena wara, il-bidu tal-Ġublew ma’ l-għeluq tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Fil-fatt, il-Konċilju wettaq u ppreżenta lill-Knisja fid-dawl tal-misteru tal-komunjoni.  Imxerrda mad-dinja kollha u artikulata f’tant Knejjes partikulari, imma xorta hi dejjem u biss il-Knisja waħda ta’ Ġesù Kristu, dik li Hu ried u li għaliha offra lilU nnifsu.  Il-Knisja “waħda” li tgħix bl-istess xirka tagħha ma’ Alla.

 

Dan il-misteru ta’ komunjoni, li lill-Knisja jagħmilha sinjal ta’ l-imħabba tal-Missier, jikber u jimmatura fil-qalb tagħna, meta l-imħabba, li nagħrfu fis-Salib ta’ Kristu u li magħha nitwaħħdu, twassalna biex inħobbu kif aħna stess aħna maħbuba minnU.  Din hi Mħabba bla tarf, li għandha l-wiċċ tal-maħfra u tal-ħniena.

 

Imma l-ħniena u l-maħfra m’għandhomx jibqgħu biss kelmiet sbieħ, imma għandhom jitwettqu fil-ħajja ta’ kuljum.  L-imħabba u l-maħfra huma s-sinjal konkret u viżibbli li l-fidi tkun bidlet lil qalbna u jħalluna nesprimu fina l-istess ħajja ta’ Alla.  Inħobbu u naħfru kif iħobb u jaħfer Alla.  Dan hu programm ta’ ħajja li ma jistax jieqaf jew ikollu eċċezzjonijiet, imma jimbuttana biex dejjem immorru pass lil hemm bla qatt negħjew, għax ċerti li aħna mwieżna mill-preżenza paterna ta’ Alla.

 

Dan is-sinjal kbir tal-ħajja Nisranija mbagħad jinbidel f’ħafna sinjali oħra li huma karatteristiċi tal-Ġublew.  Qed jiġini f’moħħi kemm nies se jgħaddu minn xi wieħed mill-Bibien Imqaddsa, li f’din is-Sena huma veri Bibien tal-Ħniena.  Il-Bieb juri lil Ġesù nnifsu li qal: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10:9).  Li ngħaddu mill-Bieb Imqaddes hu s-sinjal tal-fiduċja tagħna fil-Mulej Ġesù li ma ġiex biex jagħmel ħaqq minna, imma biex isalvana (ara Ġw 12:47).  Attenti li ma jkunx hemm xi ħadd xi ftit imqajjem u moħħu jilħaqlu żżejjed li jgħidilkom li tridu tħallsu: le!  Is-salvazzjoni ma tħallasx għaliha.  Is-salvazzjoni ma tixtrihiex.  Il-Bieb hu Ġesù, u Ġesù hu b’xejn!  Hu stess jitkellem fuq dawk li jridu jdaħħlu n-nies ġewwa mhux kif suppost, u sempliċement jgħid li huma ħallelin u briganti.  Nerġa’ ngħidilkom, attenti: is-salvazzjoni tingħata b’xejn.  Meta ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, dan hu sinjal ta’ konverżjoni vera tal-qalb tagħna.  Meta ngħaddu minn dak il-Bieb, tajjeb niftakru li rridu nżommu miftuħ beraħ il-bieb tal-qalb tagħna.  Jien qiegħed quddiem il-Bieb Imqaddes u nitolbu: “Mulej, għinni niftaħ beraħ il-bieb tal-qalb tiegħi!”.  Ma tantx tkun ħalliet frott is-Sena Mqaddsa jekk il-bieb tal-qalb tagħna ma jħallix lil Kristu jgħaddi, li qed jimbuttana biex noħorġu niltaqgħu ma’ l-oħrajn, biex inwasslulhom lilU u l-imħabba tiegħu.  Mela, kif il-Bieb Imqaddes sa jibqa’ miftuħ, għax hu s-sinjal ta’ kif jilqa’ Alla lilna, hekk ukoll il-bieb tagħna, dak tal-qalb tagħna, għandu dejjem ikun miftuħ beraħ biex ma jeskludi lil ħadd.  Lanqas lil dak jew lil dik li qed tagħtini fastidju: lil ħadd.

 

Sinjal ieħor importanti tal-Ġublew hu l-Qrar.  Li nersqu lejn is-Sagrament li bih niġu rrikonċiljati ma’ Alla jfisser li nagħmlu esperjenza diretta tal-ħniena tiegħu.  Ifisser li nsibu lill-Missier li jaħfer: Alla kollox jaħfer.  Alla jifhimna anki fil-limiti tagħna, jifhimna anki fil-kontradizzjonijiet tagħna.  Mhux biss, bi mħabbtu Hu jgħidilna li propju meta nagħrfu d-dnubiet tagħna hu l-iktar qrib tagħna u jixprunana biex inħarsu ’l quddiem.  Iktar minn hekk, jgħidilna li meta nagħrfu dnubietna u nitolbuh maħfra, fis-Sema ssir festa.  Ġesù jagħmel festa: din hi l-ħniena tiegħU: ejjew ma naqtgħux qalbna.  Nimxu ’l quddiem, b’dan nimxu ’l quddiem!

 

Kemm drabi ġie min qalli: “Dun, m’hux jirnexxieli naħfer lill-ġar tiegħi, lil sieħbi fuq ix-xogħol, lill-ġâra, lill-kunjata, lill-mara ta’ ħija”.  Kollha smajnieha din: “M’hux jirnexxieli naħfer”.  Imma kif nistgħu nitolbu lil Alla jaħfrilna, jekk imbagħad aħna m’aħniex kapaċi naħfru?  U li taħfer hi ħaġa kbira, imma xorta m’hix ħafifa, li naħfru, għax il-qalb tagħna hi fqira u bis-saħħa tagħha biss ma tistax taħfer.  Imma jekk ninfetħu biex nilqgħu l-ħniena ta’ Alla għalina, imbagħad aħna wkoll insiru kapaċi naħfru.  Ħafna drabi smajt lil min jgħid: “Għax lil dik il-persuna jien ma kontx nista’ naraha, ma kontx naħmilha: kont nobgħodha.  Imma darba rsaqt f’riġlejn il-Mulej u tlabtU maħfra ta’ dnubieti, u ħfirt ukoll lil dik il-persuna”.  Dawn ħwejjeġ ta’ kuljum.  U għandna din il-possibbiltà qrib tagħna.

 

Mela, kuraġġ!  Ejjew ngħixu l-Ġublew u nibdew b’dawn is-sinjali li jimplikaw qawwa kbira ta’ mħabba.  Il-Mulej jimxi magħna biex iwassalna ħalli ngħixu sinjali oħra importanti għal ħajjitna.  Kuraġġ u ejja nimxu!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard