IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2016

 

36. Nistabru b’min idejjaqna

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Niddedikaw il-katekeżi tal-lum għal opra tal-ħniena li lkoll nafuha tajjeb, imma li forsi ma tantx inqiegħdu fil-prattika kif imiss: nistabru b’min idejjaqna. Aħna kollha ninqalgħu ħafna biex nidentifikaw preżenza li tista’ ddejjaqna: din tiġri meta naħbtu ma’ xi ħadd fit-triq, jew meta nirċievu xi telefonata… Dritt ngħidu bejnna u bejn ruħna: “Kemm ħa ndum nisma’ dan il-qrid, it-tlablib, il-krib jew il-kliem fil-vojt ta’ din il-persuna?”. Xi drabi jiġri wkoll li dawk li jdejquna huma dawk l-eqreb tagħna: fost qrabatna dejjem hemm xi ħadd; fuq il-post tax-xogħol ma jonqsux; u lanqas fil-ħin liberu m’aħna neqsin minnhom. X’għandna nagħmlu ma’ dawk il-persuni li jdejquna? Imma aħna wkoll tant drabi ndejqu lill-oħrajn. Għaliex fost l-opri tal-ħniena ddaħħlet din ukoll? Stabar b’min idejqek?

 

Fil-Bibbja naraw li Alla nnifsu jkollu juża l-ħniena biex jistabar bit-tbarqim tal-poplu tiegħu. Ngħidu aħna fil-ktieb tal-Eżodu l-poplu veru jġib ruħu b’mod li qajla tissaportih: l-ewwel jibki għax hu lsir fl-Eġittu, u Alla jeħilsu; imbagħad, fid-deżert, igemgem għax m’hemmx x’tiekol (ara 16:3), u Alla jibgħatlu s-summien u l-manna (ara 16:13-16), imma minkejja dan, it-tgergir ma jiqafx. Mosè għamilha ta’ medjatur bejn Alla u l-poplu, u anki hu xi drabi dejqu lill-Mulej. Imma Alla mexa bis-sabar u hekk għallem lil Mosè u lill-poplu anki din id-dimensjoni essenzjali tal-fidi.

 

Mela tiġina spontanja l-ewwel mistoqsija: Qatt nagħmluh l-eżami tal-kuxjenza biex naraw jekk xi drabi aħniex aħna wkoll indejqu lill-oħrajn? Faċli nippontaw subgħajna lejn id-difetti u n-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor, imma rridu nitgħallmu nilbsu ż-żarbun ta’ ħaddieħor.

 

Ejjew inħarsu fuq kollox lejn Ġesù: kemm sabar kellu jieħu fit-tliet snin tal-ħajja pubblika tiegħu! Darba, huwa u miexi mad-dixxipli tiegħu, waqqfitu omm Ġakbu u Ġwanni, u qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek” (Mt 20:21). L-omm spiċċat tgħaddi kelma għal uliedha, imma kienet omm… Imqar minn dik is-sitwazzjoni Ġesù ħa spunt biex jagħti tagħlima fundamentali: tiegħu mhix saltna ta’ setgħa, mhix saltna ta’ glorja bħal dawk ta’ din l-art, imma ta’ qadi u għotja għall-oħrajn. Ġesù jgħallimna mmorru dejjem għall-essenzjal u nħarsu iktar ’il bogħod biex inwettqu b’responsabbiltà l-missjoni tagħna. Hawn nistgħu naraw riferenza għal żewġ opri oħra spiritwali tal-ħniena: dik li nwiddbu lill-midinbin u dik li ngħallmu lil min ma jafx. Naħsbu fl-impenn għoli li nistgħu nieħdu meta ngħinu lill-persuni jikbru fil-fidi u fil-ħajja. Qed naħseb, ngħidu aħna, fil-katekisti – fosthom tant ommijiet u tant reliġjużi – li jiddedikaw ħinhom biex jgħallmu lit-tfal l-elementi bażiċi tal-fidi. Kemm taħbit, fuq kollox meta t-tfal jippreferu joqogħdu jilagħbu milli jisimgħu l-katekiżmu!

 

Li nsieħbu fit-tiftixa ta’ dak li hu essenzjali hi ħaġa sabiħa u importanti, għax hekk nistgħu naqsmu l-ferħ li niggustaw is-sens tal-ħajja. Spiss jiġrilna li niltaqgħu ma’ persuni li jeħlu ma’ ħwejjeġ tal-qoxra, li jgħaddu u banali; xi drabi għax baqgħu ma ltaqgħux ma’ xi ħadd li jħajjarhom ifittxu xi ħaġa oħra, biex japprezzaw il-veri teżori. Li ngħinu lil dak li jkun iħares lejn l-essenzjal hi għajnuna deċiżiva, speċjalment fi żmien bħal dan tagħna li donnu tilef l-orjentament u moħħu biex jiġri wara sodisfazzjonijiet li għandhom ħajja qasira. Li ngħallmu lill-oħrajn jiskopru xi jrid Alla minna u kif nistgħu nikkorrispondu mar-rieda tiegħu jfisser ngħinuhom isibu t-triq it-tajba biex jikbru fil-vokazzjoni tagħhom, it-triq tal-veru ferħ. Hekk kliem Ġesù lil omm Ġakbu u Ġwanni, u mbagħad lill-grupp kollu tad-dixxipli, jurina t-triq biex nevitaw li naqgħu fl-għira, fl-ambizzjoni, fit-tifħir fieragħ, fit-tentazzjonijiet li dejjem issib moħbija fostna l-Insara. L-esiġenza li nagħtu parir tajjeb, inwissu u ngħallmu m’għandha qatt iġġagħalna nħossuna superjuri għal ħaddieħor, imma tobbligana qabelxejn li nerġgħu nidħlu fina nfusna biex nivverifikaw jekk aħniex koerenti ma’ dak li nitolbu lil ħaddieħor. Ma ninsewx kliem Ġesù: “Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?” (Lq 6:41). Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu nistabru biex nistgħu nissaportu bil-ħlewwa u nkunu umli u sempliċi fil-pariri li nagħtu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard