IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

L-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 12.

“Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd” (Atti 10:34). Pietru u t-tiswib tal-Ispirtu fuq il-pagani

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja, li San Luqa jirrakkonta fl-Atti tal-Appostli, hu msieħeb mill-akbar kreattività ta’ Alla li tidher b’mod tal-għaġeb. Alla jrid li wliedu jegħlbu kull raġunar magħluq u interessi personali biex jinfetħu għall-universalità tas-salvazzjoni. Dan huwa l-għan: negħlbu l-interessi tagħna u ninfetħu għall-universalità tas-salvazzjoni, għax Alla jrid isalva lil kulħadd. Dawk li twieldu mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu – l-imgħammdin – huma msejħa joħorġu minnhom infushom u jinfetħu għall-oħrajn, biex jgħixu l-qrubija, l-istil ta’ ħajja ta’ flimkien, li jibdel kull relazzjoni interpersonali f’esperjenza ta’ fraternità (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 87).

 

Xhud ta’ dan il-proċess ta’ “fraternizzazzjoni” li l-Ispirtu jrid iwettaq fl-istorja hu Pietru, protagonista fl-Atti tal-Appostli flimkien ma’ Pawlu. Pietru jgħix ġrajja li timmarka bidla deċiżiva fil-ħajja tiegħu. Huwa u jitlob, ikollu viżjoni li hi bħal “provokazzjoni” divina, biex tqanqal fih bidla ta’ mentalità. Jilmaħ tvalja kbira nieżla mill-għoli, li fuqha hemm għadd ta’ annimali: ta’ erba’ saqajn, rettili u tjur, u jisma’ leħen li jistiednu jiekol minn dak il-laħam. Ta’ Lhudi tajjeb, hu jirreaġixxi għal din l-istedina u jgħid li qatt ma mess ma’ ħalqu ħaġa li hi mniġġsa, kif titlob il-Liġi tal-Mulej (ara Lev 11). Imma l-leħen jirribatti: “Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes” (Atti 10:15).

 

B’dan il-fatt il-Mulej irid li Pietru ma jibqax jiżen il-ġrajjiet u l-persuni skont il-kategoriji ta’ x’inhu safi u x’mhux, imma jitgħallem imur lil hemm, biex iħares lejn il-persuna u lejn l-intenzjonijiet tal-qalb tagħha. Fil-fatt, dak li lill-bniedem jagħmlu mniġġes mhux ġej minn barra imma biss minn ġewwa, mill-qalb (ara Mk 7:21). Ġesù dan qalu ċar.

 

Wara dik il-viżjoni, Alla jibgħat lil Pietru fid-dar ta’ wieħed barrani mhux ċirkonċiż, Kornelju, “ċenturjun tar-riġment imsejjaħ ir-Riġment Taljan, [] bniedem sewwa u kellu l-biża ta Alla”, li kien jagħmel ħafna karità mal-poplu u kien dejjem jitlob lil Alla (ara Atti 10:1-2), imma ma kienx Lhudi.

 

F’dik id-dar tal-pagani, Pietru jxandar lil Kristu msallab u rxoxt u l-maħfra tad-dnubiet lil kull min jemmen fih. U huwa u jitkellem Pietru, fuq Kornelju u l-familjari tiegħu jinżel l-Ispirtu s-Santu. U Pietru jgħammidhom fl-isem ta’ Ġesù Kristu (ara Atti 10:48).

 

Dan il-fatt straordinarju – din hi l-ewwel darba li tiġri ħaġa hekk – jasal Ġerusalemm, fejn l-aħwa, skandalizzati bl-imġiba ta’ Pietru, iċanfruh bil-kbir (ara Atti 11:1-3). Pietru għamel ħaġa li marret lil hemm mill-konswetudni, lil hemm mil-liġi, u għalhekk ċanfruh. Imma wara l-laqgħa ma’ Kornelju, Pietru hu iżjed ħieles minn ġewwa u iżjed f’komunjoni ma’ Alla u mal-oħrajn, għax ra x’kienet ir-rieda ta’ Alla fl-għemil tal-Ispirtu s-Santu. U hekk jista’ jifhem li l-għażla ta’ Iżrael mhix xi ħlas minħabba fil-merti tiegħu, imma s-sinjal li ġie magħżul bla ma stħaqqlu biex ikun medjazzjoni għall-barka divina bejn il-popli pagani.

 

Għeżież ħuti, mill-prinċep tal-Appostli nitgħallmu li evanġelizzatur ma jistax ifixkel l-opra ħallieqa ta’ Alla, li “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2:4), imma jrid ikun wieħed li jiffavorixxi l-laqgħa tal-qlub mal-Mulej. U aħna, kif inġibu ruħna ma’ ħutna, speċjalment ma’ dawk li mhumiex Insara? Qed inkunu xkiel għal-laqgħa tagħhom ma’ Alla? Qed inxekklu l-laqgħa tagħhom mal-Missier jew qed niffaċilitawhielhom?z

Nitolbu llum il-grazzja li nħallu lil Alla jgħaġġibna bis-sorpriżi tiegħu, li ma nxekklux il-kreattività tiegħu, imma li nagħrfu u niffavorixxu t-toroq dejjem ġodda li permezz tagħhom l-Irxoxt isawwab l-Ispirtu tiegħu fid-dinja u jiġbed lejh il-qlub billi juri li hu s-“Sid ta’ kollox” (Atti 10:36). Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard