IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Meta nistqarru l-Kredu ngħidu: “Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”.  Ma nafx qattx irriflettejtu fuq it-tifsira li għandha l-espressjoni “il-Knisja hi appostolika”.  Forsi xi darba, waqt xi żjara f’Ruma, ħsibtu fuq l-importanza ta’ l-Appostli Pietru u Pawlu li hawn taw ħajjithom biex iwasslu u jagħtu xhieda tal-Vanġelu.

 

Imma hi iktar minn hekk.  Meta nistqarru li l-Knisja hi appostolika nkunu qed nagħfsu fuq ir-rabta kostituttiva li hi għandha ma’ l-Appostli, ma’ dak il-grupp ċkejken ta’ tnax-il raġel li Ġesù darba sejjaħ għal warajh, sejħilhom b’isimhom, biex jibqgħu miegħU u biex jibgħathom jippriedkaw (ara Mk 3:13-19).  “Appostlu”, fil-fatt, hi kelma Griega li tfisser “mibgħut”.  Appostlu hu persuna li tiġi mibgħuta biex tagħmel xi ħaġa, u l-Appostli ġew magħżula, imsejħa u mibgħuta minn Ġesù, biex jissoktaw l-opra tiegħu, jiġifieri biex jitolbu – din hi l-ewwel ħidma ta’ kull appostlu – u, it-tieni, biex iħabbru l-Vanġelu.  Dan hu importanti, għax meta naħsbu fl-Appostli nistgħu naħsbu li marru biss biex iħabbru l-Vanġelu, biex jagħmlu ħafna ħwejjeġ.  Imma fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kien hemm problema, għax l-Appostli kellhom ħafna taħbit, u għalhekk waqqfu d-djakni, biex l-Appostli jkollhom iktar ħin biex jistgħu jitolbu u jxandru l-Kelma ta’ Alla.  Meta naħsbu fis-suċċessuri ta’ l-Appostli, l-Isqfijiet, inkluż il-Papa għax anki hu huwa Isqof, jeħtieġ nistaqsu jekk dan is-suċċessur ta’ l-Appostli qabel xejn jitlobx u mbagħad jekk iħabbarx il-Vanġelu: dan ifisser li tkun Appostlu u għalhekk il-Knisja hi appostolika.  Ilkoll kemm aħna, jekk irridu nkunu appostli kif se nfisser issa, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: Jien qed nitlob għas-salvazzjoni tad-dinja?  Qed inħabbar il-Vanġelu?  Din hi l-Knisja appostolika!  Hi rabta kostituttiva li għandna ma’ l-Appostli.

 

Nitlaq propju minn dan, u nixtieq fil-qosor nagħfas fuq tliet tifsiriet ta’ l-aġġettiv “appostolika” applikat għall-Knisja.

 

1. Il-Knisja hi appostolika għax hi mwaqqfa fuq il-predikazzjoni u t-talb ta’ l-Appostli, fuq l-awtorità li tahom Kristu nnifsu.  San Pawl kitbilhom hekk lill-Insara ta’ Efesu: “Intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-Appostli u tal-Profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (2:19-20); jiġifieri jqabbel lill-Insara ma’ ġebel ħaj li jifforma binja li hi l-Knisja, u din il-binja hi mwaqqfa fuq l-Appostli, bħala kolonni, u l-ġebla tax-xewka li żżomm kollox wieqaf hu Ġesù nnifsu.  Mingħajr Ġesù l-Knisja ma tistax teżisti!  Ġesù hu sewwa sew il-bażi tal-Knisja, il-pedament!  L-Appostli għexu ma’ Ġesù, semgħu kliemu, qasmu miegħu l-ħajja tiegħu, fuq kollox kienu xhieda tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Il-fidi tagħna, il-Knisja li Kristu ried, ma tinbeniex fuq xi idea, ma tinbeniex fuq xi filosofija, imma tinbena fuq Kristu nnifsu.  U l-Knisja hi bħal xitla li tul is-sekli kibret, żviluppat, għamlet il-frott, imma l-għeruq tagħha huma mniżżla sewwa fiH, u l-esperjenza fundamentali ta’ Kristu li kellhom l-Appostli, magħżula u mibgħuta minn Ġesù, tasal sa għandna.  Minn dik ix-xitla tassew ċkejkna sa żmienna: hekk hi l-Knisja fid-dinja kollha.

 

2. Imma nistaqsu lilna nfusna: Kif jista’ jkun li aħna ningħaqdu ma’ dik ix-xhieda, kif jista’ jasal sa għandna dak li għexu l-Appostli ma’ Ġesù, dak li huma semgħu minn għandU?  Hawn hi t-tifsira tat-terminu “appostoliċità”.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jafferma li l-Knisja hi appostolika għax “tħares u twassal, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fiha, it-tagħlim, it-teżor sabiħ, il-kliem qaddis li ġie fdat lill-Appostli” (nru 857).  Il-Knisja ilha tgħożż matul is-sekli dan it-teżor prezzjuż, li hu l-Iskrittura Mqaddsa, id-duttrina, is-Sagramenti, il-ministeru tar-Rgħajja, biex hekk nistgħu nkunu fidili lejn Kristu u nieħdu sehem fl-istess ħajja tiegħu.  Hu bħal xmara li tnixxi fl-istorja, tiżviluppa, issaqqi, imma l-ilma li jnixxi minnha dejjem jibqa’ dak li jagħmel parti mill-għajn, u l-għajn hu Kristu nnifsu: Hu l-Irxoxt, Hu l-Ħaj, u kliemu ma jgħaddix, għax Hu ma jgħaddix, Hu ħaj, Hu l-lum jinsab hawn fostna, Hu jismagħna u aħna nitkellmu miegħU u Hu jismagħna, qiegħed fil-qalb tagħna.  Ġesù jinsab magħna, il-lum!  Dan hu l-ġmiel tal-Knisja: il-preżenza ta’ Ġesù Kristu fostna.  Qatt ħsibna fuq kemm hu importanti dan id-don li Kristu tana, id-don tal-Knisja, fejn nistgħu niltaqgħu miegħu?  Qatt ħsibna fuq kif hi propju l-Knisja fil-mixja tagħha matul dawn is-sekli – minkejja d-diffikultajiet, il-problemi, id-dgħufijiet, id-dnubiet tagħna – li tgħaddilna l-messaġġ awtentiku ta’ Kristu?  Tagħtina ċ-ċertezza li dak li nemmnu aħna hu tabilħaqq dak li xandrilna Kristu?

 

3. L-aħħar ħsieb: il-Knisja hi appostolika għax hi mibgħuta biex twassal il-Vanġelu lid-dinja kollha.  Hi tissokta fil-mixja ta’ l-istorja l-istess missjoni li Ġesù fada lill-Appostli: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien (Mt 28:19-20).  Dan hu dak li Ġesù talabna nagħmlu!  Ninsisti fuq dan l-aspett tal-missjonarjetà, għax Kristu lil kulħadd qed jistieden biex “immorru” niltaqgħu ma’ l-oħrajn, jibgħatna, jitlobna niċċaqilqu minn postna biex inwasslu l-ferħ tal-Vanġelu!  Nistaqsu lilna nfusna għal darb’oħra: Qed inkunu missjunarji permezz ta’ kliemna, imma fuq kollox bil-ħajja Nisranija tagħna, bix-xhieda tagħna?  Jew aħna Nsara magħluqa fil-qalb tagħna u fil-knejjes tagħna, Insara tas-sagristija?  Insara tat-tpaċpiċ biss, imma li jgħixu ta’ pagani?  Irridu nagħmluhom dawn il-mistoqsijiet, li m’humiex ċanfira.  Anki jien nistaqsi lili nnifsi: Kif qed inkun Nisrani, bix-xhieda vera?

 

Il-Knisja għandha l-għeruq tagħha fit-tagħlim ta’ l-Appostli, xhieda awtentiċi ta’ Kristu, imma hi tħares lejn il-futur, hi fermament konxja li hi mibgħuta – mibgħuta minn Ġesù –, li hi missjunarja, li qed twassal l-isem ta’ Ġesù permezz tat-talb, tat-tħabbira u tax-xhieda.  Knisja li tingħalaq fiha nfisha u fl-imgħoddi, Knisja li tħares biss lejn ir-regoli żgħar tad-drawwiet, ta’ l-atteġġjamenti, hi Knisja li qed tittradixxi l-identità tagħha; Knisja magħluqa tittradixxi l-identità tagħha!  Għalhekk il-lum ejjew niskopru l-ġmiel kollu u r-responsabbiltà li għandna bħala Knisja appostolika!  U ftakruha din: Knisja appostolika għax nitolbu – dan l-ewwel dmir – u għax inħabbru l-Vanġelu bil-ħajja tagħna u bi kliemna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard